Is-sabiħ li ninfetħu!


Il-ftuħ! Kemm hu sabiħ! Għax, meta jkun hemm kollox magħluq, allura merħba bik arja ħażina! Qrusa! U ilma qiegħed! Għax x’tistenna meta ma jkunx hemm ventilaturi? U kanali li jagħtu għal barra?

U, la semmejna l-ilma qiegħed fl-istorja, veru tal-biża’ li jkollok l-ilma qiegħed tafux! Dan l-għaliex, l-ilma qiegħed, aqta’ kemm iġib miegħu nemus! Li jqatta’ u jerda bla ħniena ta’ xejn lil min ġie ġie! Pulit u żdingat. Ibbilanċjat u żbilanċjat. Għax, in-nemmus, li jiġi jaqa’ u jqum minni u minnek, minnu nnifsu jimpurtah! Hemm arah! Innutah kemm hu għatxan li jgħajjex lilu nnifsu minn fuq dahar ħaddieħor! Billi jerdgħalu demmu u demmha! U, meta jsib xi ħaġa mejta, li ma tiċċaqlaqx, l-ewwel idur dawra għaliha biex jagħmilha t-tron tiegħu u hekk, minnha, jagħmilha ajruport biex minnha jqatta’ lil ħlejjaq ħajjin li jkunu fil-viċin tagħha! Mela, jekk in-nemus jagħmel dan fuq l-ilma qiegħed, jiġifieri l-ispirtu mejjet, aħseb u ara dak ta’ denbu twil x’jagħmel meta jkollna familji mejta? Komunitajiet bla saħħa? U soċjetajiet imwaħħlin? Ara kif idur għalihom ħa jerdagħlhom il-possibbiltà li jikbru u jiffrjorixxu fid-diversità ta’ opinjonijiet li jħaddnu?

Għalhekk sabiħ li ninfetħu ħbieb! L-għaliex, meta ninfetħu, nistgħu tabilħaqq naraw id-dawl! Dak id-dawl li miegħu jġib aktar dawl. L-ewwel nett, int li ma taqbilx miegħi l-għaliex m’għandix inqisek b’ħabib u ħabiba tiegħi? Hemm hi t-taqbila-tagħlima mill-Ispirtu s-Santu ħi li qed jagħti lilek u lili illum! Mela jien, biex inkun tassew ħabib u ħabiba tiegħek bilfors li rrid dejjem ngħidlek s-signior si! Mela biex int lili tqisni b’ħabibek u ħabibtek jien irrid ninċensalek il-mod ta’ kif taħsibha fuq il-ħajja u anki fuq l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tar-ruħ? Le ħi! F’ġieħ l-imħabba tal-Mulej li għandu għalija u għalik ejjew, illum qabel għada, ninfetħu ftit! Ejjew iva naraw id-diversità f’xulxin bħala punt ta’ għana u mhux ta’ faqar u miżerja! Ejjew naraw fid-diversità punt ta’ għaqda u mhux ta’ firda tal-prima klassi!

X’ħasra meta ningħalqu fiċ-ċrieki tagħna! X’ħasra meta nitwaħħlu bil-kolla tal-istess idejat! X’ħasra meta nħallu l-“allejanzi” ilibbsuna l-kappestru! Iva kemm ma nafu xejn jaħasra! Anki jekk, uħud minna, ikun studjaw ma nafx fejn! Iva kif ma nirrejalizzax li jien tassew nikber meta nsib idejat differenti. Meta, bil-grazzja tal-Mulej, ikolli l-gazz u noħroġ mill-fodsqa tal-grupp jew tal-klikka tiegħi. U hekk nitħallat ma’ dawk li ma jaħsbuhiex bħali. Għax, u issa ejjew inkunu sinċieri ħbieb, x’jiswa li jien inkun dejjem u nibqa’ indur, bħall-ilma qiegħed, ma’ dawk li jaħsbuha bħali? Fil-verità, ma’ dawn il-proxxmi biss, nista’ jien nikber tassew?

Illum, l-esperjenza tal-ħajja, tgħallimni li meta nġib ruħi b’dan il-mod żgur li ma nistax nikber kif għandi nikber! Anzi! Jekk nibqa’ biss ma’ dawn in-nies aktar insir tal-ilma qiegħed. Prova ta’ dan huma n-nemus li jiġu fuqi meta nagħmel lili nnifsi ilsir u ilsiera b’dan il-mod daqshekk infantili u diżażtruż! Hekk, ngħidu aħna, meta nibqa’ mwaħħal u imwaħħla ma’ dak li jaħsbuha bħali, in-nemusa tal-firda faċli ħafna tkun fuqi. U aqta’ kemm terda’ minni l-kapaċità li tani l-Mulej li qalbi tkun tal-laħam u ma ssirx tal-bronż! Għax, in-nemusa tal-firda, jien li jien magħluq u magħluqa ma’ dawk li jaħsbuha bħali, tal-klikka, x’tagħmilli? Tibda’ tinjetta fiha l-velenu li l-oħrajn, li ma jaqblux miegħi, mostri! Dinożawri! Nies li jħottu u mhux jibnu! Mela, għedewwa!

U allura jien, biex nuri kemm jien lejali, x’nagħmel? Bil-pulit nħalli lili nnifsi niġi injettat u injettata mit-tieni nemusa, dik tal-ħdura! Fi ftit kliem nagħti lili nnifsi għal sensiela ta’ għemejjel li jpattuha bil-“pulit” u b’mod “raġonevoli”, “diplomatiku” u forsi “qaddis” ukoll, lil dawk li ma jaqblux miegħi. Lil dawk li azzardaw li ma jaħsubhiex bħali! Li jien, bil-pulit, nibda’ inpattieha lil dawk li ma jaħsubhiex bħali! Għax ħbieb, meta l-ħajja taf tagħtini għall-“perjodu”, il-possibiltà li jkolli r-riħ fil-qala’, jien għandi nirrikorri għal din iż-żibel ta’ attitudni? Jew, biex inkun aktar eżatt, għalfejn għandi nħalli l-attitudni tiegħi ta’ bniedem u bniedma li tħenn, issir waħda mxajtna ta’ vendetta? Tal-vendetta bla ħoss? Għalfejn dan? Għalhekk ħbieb ejjew niftħu!

Għax meta niftħu niskopru wkoll li dawk li qabel konna naħsbuhom għedewwa huma, fil-fatt, dawk li qiegħdin fis-sewwa! U ngħidilkom l-għaliex. Għax meta jiġi l-mument tal-prova, il-mument tal-bżonn, huma dawn li jiftħuli tassew qalbhom. U mhux dawk li ħakkewli dahri u jien ħakkejt tagħhom. Għax, lil dawk li kont ngħożż bi ħbieb, għax qiegħdin miegħi fl-istess ħsieb, jaf meta ġejt bżonn aqta’ kemm qalgħuli skużi “raġonevoli,” “loġiċi”, “qaddisa,” “integri” u “maturi” li jeżiżtu taħt ix-xemx. Basta, bihom, ma jaqdunix! U jħalluni lampa stampa! U hekk nibqa’ ninħaraq fuq nar bati! U mbagħad jien, l-għaliex inkun intrabatt magħhom, aqta’ kif insir vampa! U jkun ħaqqni bil-kbir! Għax jien, min qalli u min deffisli f’moħħi, li dawk huma vanġelu? Allat? Anġli? U qaddisin? Safejn naf jien vanġelu wieħed hemm! U, int u jien, ninsabu mexjin lejH!

Ejjew ninfetħu għal kulħadd. Għax kulħadd jista’ jgħinna ngħixu ta’ bnedmin. Ta’ Nsara. U, iva, iwassalna, biex, bil-grazzja tal-Mulej, insiru QADDISIN! Għax inkunu ħennejna u mhux gadwejna minn fuq dahar min talbna nħennu għalih u għaliha! Għax, il-ħdura mhux ‘il quddiem titfagħna imma lura!

Patri Mario Attard OFM Cap