Il-bżonn li ma nibqgħux rieqda


L-Erbgħa, 31 ta’ Lulju 2019: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-ftuħ tal-Kwindiċina tal-Assunta, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

DSC_6276 1

IL-BŻONN LI MA NIBQGĦUX RIEQDA

Qed nagħtu bidu għall-Kwindiċina, żmien ta’ tħejjija liturġika u spiritwali għall-Festa solenni ta’ Santa Marija li tiġi ċċelebrata mhux biss f’dan il-Katidral tagħna u f’Għawdex, imma sa mill-ewwel żminijiet kienet tiġi ċċelebrata kemm mill-Insara tal-Punent u kemm minn dawk tal-Lvant. Fl-Orjent, biex ifissru t-tmiem tal-mixja ta’ Marija f’din id-dinja, jużaw il-kelma dormitio, li għalkemm tfisser “raqda”, tfisser ukoll “mewt”; fil-fatt, anki meta jitkellmu dwar il-mewt ta’ Kristu, jgħidu li “s-Sultan raqad”. Dik li aħna nsejħulha l-Festa tal-Assunzjoni, fil-Lvant hija magħrufa bħala l-Festa tad-Dormitio Theotokos (ir-Raqda ta’ Omm Alla).

Aħna u resqin lejn it-tmiem tas-Sena Marjana, imnebbaħ minn din l-intuwizzjoni tal-Knisja Ortodossa, jiġifieri li Ġesù qajjem lil Ommu minn raqda profonda, illum nixtieq li nitolbu flimkien biex il-Knisja tagħna tqum minn ċerta raqda!

Ilkoll nafu x’jiġri meta wieħed jaħkmu “ħmar il-lejl” – filwaqt li jkun rieqed, wieħed jagħmel ħwejjeġ li s-soltu jkun jagħmel imma mingħajr ma jifhem xi jkun qed jagħmel. Għalkemm ikun b’għajnejh miftuħa, fir-realtà jkun rieqed. Ir-raqda tant tkun fonda li mhux lakemm wieħed iqum minnha.

Issa f’xi waqtiet nibża’ li aħna, kemm bħala soċjetà u kemm bħala Knisja, ikollna minn tal-ħmar il-lejl. Huwa minnu li għandna għajnejna miftuħa, imma ma aħniex konxji mit-taqlib u t-tibdil li għaddej madwarna, tant li bqajna nġibu ruħna bħal dejjem daqslikieku ma qed jiġri xejn madwarna. Tant ninsabu reqdin fil-fond li xi darba għad nistenbħu u nindunaw li d-dinja nbidlet u aħna bqajna l-art!

F’din il-Festa ta’ Santa Marija nitolbu lill-Madonna taqlgħalna l-grazzja li kif hi għamlet l-esperjenza ta’ Kristu li qajjimha mir-“raqda”, hija tgħin lilna biex intajru n-ngħas li għandna fuqna u nqumu – tgħinna individwalment, bħala familji (kieku tafu kemm qalbi tuġagħni bil-ġerħat tal-familji tagħna!), u bħala komunità Nisranija. Nixtieq li Santa Marija tqajjem fir-ruħ ta’ kull Għawdxi l-vera devozzjoni lejha. Dan kien wieħed mill-għanijiet għaliex nedejt is-Sena Marjana: biex bl-għajnuna tal-grazzja nippruvaw inqajmu fina din l-imħabba vera lejn Marija.

Għax min jieħu lil Marija għandu, iqum għall-ħajja tal-fidi. Marija hija d-dixxiplu perfett li mxiet wara Ġesù. Marija hija l-mudell ta’ kif isseħħ l-għaqda tal-bniedem ma’ Ġesù. Għalhekk, meta qed inħeġġeġ biex f’ruħna tqum il-vera devozzjoni Marjana, nixtieq li nara tixxettel mill-ġdid fina l-fidi Kristjana, nixtieq li l-fidi tagħna ma tkunx daqshekk mitruħa li ma tagħmel ebda differenza. Hija l-fidi ħajja u mħeġġa li ssawwar il-kuxjenzi lluppjati tagħna.

Min għandu lil Marija f’ħajtu, għandu “Omm” li tħobbu u tieħu ħsiebu. Għalhekk, f’soċjetà li b’xorti ħażina qed tagħżel li tinża’ l-libsa ta’ omm (u nittama li l-komunitajiet Insara ma jitteħdux minn dan l-atteġġjament), ma għandu jkun hawn ħadd li jaħseb li huwa orfni u dan f’kull sens tal-kelma. Bil-kura materna tagħha, Marija takkumpanja fit-toroq wegħrin tal-ħajja lil dawk kollha li huma mitluqa waħidhom, dgħajfin u foqra.

Meta qed ngħid li nixtieq li nqajmu fina d-devozzjoni Marjana, qed nagħmel stedina biex niftħu għajnejna ħalli nagħrfu x’inhi s-sejħa tagħna bħala Knisja llum. Għax Marija hija mudell għall-Knisja. Il-Knisja mhix hawn biex tiżgura xi identità partitika lil xi grupp, xi pjattaforma biex nitkesksu lejn xulxin jew xi aġenzija kulturali; imma hija mibgħuta biex bħal Marija twassal lil Kristu u l-Vanġelu tiegħu. Meta l-Knisja ma tlaqqagħniex ma’ Ġesù, tkun Knisja mejta! Hija tassew ħasra li f’xi waqtiet il-Knisja tinħakem minn nagħsa profonda u tinsa l-ġmiel tal-missjoni li fdalha Ġesù.

Is-salmista jgħid: “Qum, ruħ tiegħi, qum, arpa u ċetra, ħa nqajjem sbiħ il-jum” (57:9; 108:1). Bit-Taljan, “svegliati, cuore mio, svegliatevi, arpa e cetra, voglio svegliare l’aurora”. Fl-“awrora” l-Missirijiet tal-Knisja jaraw referenza għall-Verġni Mbierka. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II sejjaħ lil Marija “tama u awrora ta’ salvazzjoni għad-dinja kollha” (Omelija fit-8 ta’ Settembru 1988). Dakinhar tal-Għid tal-Assunta għalina reġa’ sebaħ jum ġdid – jum li ma għandux iħallina norqdu, għax id-dawl ta’ Kristu Rxoxt reġa’ idda għalina! Imma trid tkun id-devozzjoni vera Marjana li ddewwaqna dan kollu.

Il-jiem tal-Kwindiċina nqishom l-arpa u ċ-ċetra li jistgħu jqajmu fina din l-imħabba sinċiera u awtentika lejn il-Madonna. Huma ġranet li matulhom nitolbu, nisimgħu tagħlim bis-sens dwar il-Madonna, u bix-xieraq niċċelebraw lil Santa Marija. Ħa tkun għalhekk il-Kwindiċina “arpa u ċetra” li jqajmu fir-ruħ tagħna u fostna bħala komunità ekkleżjali “l-Awrora” – lil Santa Marija. Għax jekk din id-devozjoni vera Marjana tixxettel u tikber fil-qlub tagħna, speċjalment fil-qlub taż-żgħar, bir-raġun inħarsu lejn il-ġejjieni b’ħafna tamiet.

Dan huwa l-awgurju tiegħi lill-Parroċċa tal-Katidral u lill-Knisja f’Għawdex kollha issa li kważi wasalna biex intemmu s-Sena Marjana.