Kif xbajt!


Ġieli l-frażi toħroġilna minn fommna bla ma rridu! Għax, u ngħiduha kif inhi, il-ħajja hi dik li hi! Saret wisq u wisq, a la Ingliża, demanding!

Sirna wisq għandna x’nagħmlu. U, kif dejjem jgħallimni l-Mulej f’ħajti, ċerti affarijiet ma tistax ma tagħmilhomx. Inkella kif ħa nibqgħu għaddejjin? Kif ħa ngħixu f’dik il-paċi? U, fuq kollox, f’dik iċ-ċerta ordni? U hawn il-bużillis ta’ kollox ħbieb: l-ordni! Imma x’ordni hu dak li qiegħdin nitħaddtu fuqu? Huwa l-ordni tal-affarijiet li għandi nagħmel għax pasparthom f’moħħi? Jew, l-għaliex f’dak il-jum, inkella għax ilu jiġrili hekk, qammarli li nagħmel din il-ħaġa u mhux l-oħra?

Bil-mod! Ejja ma niġrux! Iva! Ċerta ordni trid tkun. Il-Kelma ta’ Alla tgħallimni li anki fis-sema hemm l-ordni. U issa ejja ma mmorrux ħafna u ħafna ‘il bogħod: anki fil-quddiesa stess, eżattament fis-Santus, jiġifieri fil-Qaddis, Qaddis, Qaddis, qabel il-konsagrazzjoni, dan l-ordni jissemma. Sintendi, qed nirreferi għall-ordni tal-anġli, tal-arkanġli, tad-dominazzjonijiet, tas-setgħat u l-bqija. Għax din hija l-ordni tal-anġli fis-sema. Li, il-ħin kollu, qiegħdin jaduraw lill-Mulej fil-maestà eterna tiegħu.

Issa, ġaladarba l-ordni trid tkun, tajjeb li nfakkru wkoll li, kif kienu jgħallmuni, almenu meta kont fil-bankijiet tad-duttrina, żomm l-ordni ħalli l-ordni iżżomm lilek! Hekk aħjar ħbieb! Għax jien ukoll għandi bżonn l-ordni. Inkella inkun fid-diżordni. Imma, u hawn se jerġa’ jaqa’ l-għażż għal darb’oħra, x’ordni hi din li qed nitħaddtu fuqha? M’hijiex l-ordni li twassal għad-diżordni fil-moħħ. M’hijiex l-ordni mela li ġġagħli naħsel idejja għal ma nafx kemm-il darba. Lanqas ma hi l-ordni li ġġagħli niċċekkja jekk il-bieb tad-dar jew tal-kamra għalaqtux għal numru kbir ta’ drabi. Din l-ordni ma tagħmilx storja għax inwaqqa’ xi naqra kafè jew tè mal-art. U lanqas ma hi l-ordni tad-dar u tal-kamra xummiema li, jekk allaħares qatt ikun hemm xi ħaġa mhux f’postha, allura f’dak il-ħin propjru ġiet l-aħħar tad-dinja. Le! Din l-ordni ma tħaddan qatt magħha diżordni ta’ din il-kwalità!

Għax, din l-ordni, m’hijiex xi argużina ħbieb daqskemm ħelliesa. Hi l-ordni mela li nsibu fl-aqwa ktieb tal-ħsieb li qatt eżiżta u li jista’ qatt jeżiżti fid-dinja. Il-Bibbja! U, partikularment, fis-Salm 23. Dan l-ordni jien nilmħu, jiddi, mingħajr ma jlellex, fil-versi minn 1 sa 3: Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni; f’mergħat kollha ħdura jqegħedni. Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; hemm hu jrejjaqni. F’dawn il-versi jispikka dan l-ordni mill-isbaħ!

L-ewwel nett, dan l-ordni, min iħarsu, ma jkun jonqsu xejn! Hekk jgħid is-Salm 23: xejn ma jonqosni (Salm 23:1). M’għandniex xi ngħidu, dan l-ordni mhux sistema. Dan l-għaliex li kieku kien sistema, allura konna niġu ċikku briku! Is-sistemi hemm sistemi oħra x’jirregolawhom. U, fil-qalba tad-diskors, żgur li m’huma qatt oriġinali. L-għaliex huma sistemi. Mela xi ħaġa maħluqa u maħkuma. Huma, biex ngħid hekk, sistemi mixlufa. Safejn jasal ix-xlief tas-sistema. Dan l-għaliex huma ipprogrammati. U hawn hi t-tagħlima: anki jekk l-intelliġenza artifiċjali, meta użata tajjeb, tagħmel ħafna ġid, biss xorta tibqa’ sistema. Xorta tibqa’ limitata. Xorta tibqa’ suġġetta għall-updating. Jew, biex nuża terminu aktar ekkleżjatistiku u tal-libsa twila, xorta tkun sistema li titlob l-aġġornament!

Iżda l-ordni li qed jipproponi s-Salm 23 ġej mis-sors ta’ kollox! Ġej mill-Ħallieq u s-Salvatur! Ġej minn dak li l-loġika tiegħu mhix il-loġika tagħna. Għax, il-loġika tiegħu, kuntrarju għal dik tagħna, mhix astratta imma prattika għall-aħħar. Il-loġika tiegħu m’hijiex iffriżata f’teoriji. Iżda hi, biex ngħidu hekk, tlaħħim. Tad-demm u l-laħam. Bir-ruħ u bid-divinità. Fil-persuna ta’ Ġesù Kristu Ibnu u Ħuna l-Kbir! Il-loġika ta’ dan Alla ma tafx b’sistemi oħra iżda issir persuna. Li magħha, kuntrarju għall-magna, magħha nistgħu nirrelataw. Nistgħu niftħu djalogu. Nistgħu noħolqu relazzjoni. Mhux virtwali imma rejali! U rejali għall-aħħar! Saħansitra, u bis-saħħa tat-tqarbin imqaddes, din is-sistema, li hi PERSUNA, tiġi fina. Ħalli ddaħħalna fl-ordni tagħha. Dak l-ordni li hu ordni. Jekk, allura, qbilna li l-ordni tagħna hu diżordni.

Il-Mulej, l-ordni fih innifsu, joħodni f’mergħat kollhom ħdura (Salm 23:2). Awċ x’gost! Mela ħa jaqtagħni mir-rutrina ħi! Dik ir-rutina li ġġagħlni nara kollox kaxxi, blokki, turruni, munzelli u għid li trid! Jiġifieri dik ir-rutina li ma tħallinix inqum b’kuraġġ għal jum li jkun ġej fuqi tal-għada. U, għax inħoss li għandi ngħidha, din ir-rutina nħossha bħal balla fuq l-istonku. Għax dejjem l-istess! Uff! Xi dwejjaq!

Imma hemm ara Hu kif jirraġuna? Jaqtagħni mir-rutina! Għax joħodni ħdejn in-natural! Il-mergħat kollhom ħdura. Biex, bil-ħdura tal-mergħat, jimlieni bl-istess ħajja li hemm fiH! Għax, fil-ħdura tal-mergħat, dak it-toqol li jkolli fuqi jitlaq! Għax, il-Mulej, joħoduli iva dak it-toqol bil-ħdura tal-mergħat kollhom ħajja. Li ħalaqhom Hu stess! Oh xi ġmiel dak it-tapit aħdar li jħabbar il-qawwa tal-ħajja! U l-ħajja bil-kotra!

Imma l-mergħat huma biss riżultat ta’ element ieħor importanti għas-serħan tiegħi: l-ilma fejn nistrieħ (Salm 23:2). Dan l-ilma li, bħalma nkantaw fl-għanja magħrufa Xmara, hu frisk u ħaj! Frisk, għax ġej mill-muntanji! Mela mill-post fejn l-art u s-sema jingħaqdu. U fejn, int u jien, immorru fuqhom biex niltaqgħu miegħU, wiċċ imb’wiċċ. Iżda, dan l-ilma, hu wkoll ħaj. Għax dejjem ġej! Kien, qiegħed u jibqa’ jaħdem! Għalhekk mela jibqa’ safi. Ħa jġibna f’tagħna!

Allura, il-freskezza tal-ilma, li dejjem għaddej, meta nixorbu minnu, għax ġej mill-għejjun l-aktar safja, se jqajjimna mit-tħeddil li bih tħeddilna r-rutina. U, il-ħajja, għalina, ma tibqax aktar problema iżda issir opportunità. Ma tibqax le aktar sqaq li jagħlaq iżda issir bieb miftuħ għall-oċejan li ma jispiċċa qatt! L-għaliex tkun immexxija mill-Mulej. Mill-assolut. Li, elf sena huma għali[h] bħal jum ta’ lbieraħ li għadda, jew bħal sahra tal-lejl (Salm 90:4). U li, kif jgħidilna għalih il-ktieb tal-Profeta Iżaija, “Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi m’humiex triqatkom, oraklu tal-Mulej. Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ‘l fuq minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom (Is 55:8-9).

Allura jien, li dejjem sejjer u sejra u li minn fommi dejjem qed toħroġ il-kelma: Kif ġbajt! x’se nagħmel? Itolbu jagħtik l-għerfU. Itolbu jurik kif għandek tistrieħ. Itolbu hekk, kif taf titlob int, minn qalbek. Bħalma iben jitlob lil ommu. U bint titlob lil missierha. U tibżax! Għax jieħdok bis-serjetà! Għax Hu stess jurik x’pass għandek tieħu. Biex taqta’ mir-rutina. Ħalli, għal ftit żmien, u waqt li tkun fix-xogħol, jieħdok fejn il-ħdura tal-mergħat u l-ilma tas-serħan. Mhux importanti jekk din il-waqfa tkunx xi safra, pellegrinaġġ, ħarġa, ikla, ħarġa, żjara f’Għawdex jew inkella f’dar tal-villeġġatura. Int itolbu! U l-aqwa li titolbu! Ħa jurik! Ħa tistrieħ! Ħalli l-intern tiegħek jerġa’ isir niedi għax jixxarrab mill-ħniena tal-Mulej li taħji u sserraħ.

U hekk, f’ħajtek, u f’ħajti, nibqgħu naħdmu. Nagħtu servizz. Bil-ferħ! Bl-entużjażmu! Mingħajr ma nixbgħu!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.