Sejħa mis-Santa Sede biex it-Tfal jinħelsu mill-gwerer


Is-Santa Sede tikkudanna l-vjolenza u l-abbuż tad-drittijiet tat-tfal li jbatu minħabba sitwazzjoniet ta’ kunflitti armati u tagħmel appell lill-komunità internazzjonali biex iżżid l-isforzi ħalli t-tfal ma jibqgħux jissejħu għall-ġlied bħala suldati u sabiex il-vittmi żgħażagħ ta’ vjolazzjonijiet oħra jkunu integrati mill-ġdid fis-soċjetà.

tfal gwerra.jpg

L-Arċisqof Bernard Aouza, l-Osservatur Premanenti tas-Santa Sede fi ħdan il-Ġnus Magħquda, fi New York, għamel dan l-appell waqt li l-Kunsill tas-Sigurtà kien qed jiddiskuti s-sehem tat-tfal fil-kunflitti armati.

Huwa lmenta li t-tfal li suppost huma ħielsa biex jitgħallmu u jilgħabu, minflok, saru vittmi ta’ vjolazzjonijiet gravi li mhux biss jisirqulhom il-ferħ uniku tat-tfulija imma jħalli marka fiżika, emozzjonali u psikoloġika fuq ħajjithom kollha, minbarra l-ħsara soċjali.

F’xi partijiet tal-Afrika, qal Mons Aouza, bosta tfal u żgħażagħ ma jmorrux skola biex jaħdmu fil-minjieri.  Agħar minn hekk huma jkunu mġagħalin jiġġieldu fil-gwerer bl-iskuża biex imantnu l-familji fqar tagħhom.

L-Arċisqof żied jgħid li l-paċi fil-familji u fl-iskejjel, u r-rwol kruċjali tan-nisa bħala “għalliema tal-paċi” huma indispensabbli biex dawn il-fenomeni jkunu miġġielda mill-għeruq tagħhom.

Id-diplomatiku tas-Santa Sede qal li l-bumbardament ta’ skejjel, ċentri mediċi u djar tal-kenn waqt il-kunflitti, huma ksur tal-liġi internazzjonali u tal-liġi umanitarja internazzjonali u għalhekk għandhom jieqfu darba għal dejjem.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija