Il-Festin ta’ Babette


F’ħarġa minnhom tal-‘Flimkien’ kien hemm artiklu minn Alfred Calleja, intitolat ‘Il-festa li għamlet Babette’. Hu artiklu tassew f’waqtu billi, kif isemmi l-artikolista, il-Papa Franġisku jikkwota l-film Babette’s Feast, fl-Amoris Laetitia. Xtaqt inżid mal-artiklu tal-‘Flimkien’ billi nirrakkonta l-istorja iktar fit-tul u ninforma li hemm verżjoni bl-Ingliż ta’ dan il-film, u min jixtieq jarah, jista’ jagħmel ikkuntatt fuq l-email iktar ‘l-isfel.

babette.jpgIl-Festin ta’ Babette, tal-kittieba Daniża Karen Blixen hi storja dwar komunita’ ta’ nies li ħajjithom kienet magħġuna mill-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom. L-istorja hi ambjentata ġo Jutland, id-Danimarka, fl-aħħar kwart tas-seklu dsatax. Żewġt aħwa nisa, imdaħħla fiż-żmien, Martine u Filippa, ulied ta’ qassis Luteran, meqjus bħala ‘profeta’ li waqqaf setta Kristjana t’awsterita’, jgħixu ħajja sempliċi ta’ tjubija u ta’ karita’. Huma jkomplu t-tifkira ta’ missierhom  billi jieħdu ħsieb id-dixxipli li kien baqa’.

Meta kienu żgħażagħ iż-żewġt aħwa ma kienux nieqsa mis-sbuħija imma billi dan ma kienx valur għal missierhom, huma qatt ma żżewġu. Imma tnejn min-nies minn barra r-raħal, imbiegħed mill-ibliet, kienu daħlu b’xi mod fil-ħajja ta’ Martine u ta’ Filippa. Lorenz Lowenhielm, kadett żagħżugħ eżiljat fis-sajf fid-dar taz-zija tiegħu ġo Jutland bħala kastig għal imġiba ħażina hu mirbuħ mill-ħlewwa ta’ Martine. Lorenz, li għandu ideali ta’ ħajja aħjar u aktar pura rnexxielu jidħol fil-grupp biex b’hekk jindiehes ma’ Martine. Ma jdumx ma jsib ruħu mifxul f’dan l-ambjent li kien impossibbli li jgħix fih u ftit wara jħalli l-grupp. L-ieħor kien Achille Papin, kantant famuż tal-opra li sab ruħu fil-kosta tar-raħal fejn kien qed ifittex il-mistrieħ.

Ħassu waħdu imma d-dwejjaq tiegħu marlu meta sema’ leħen Filippa f’melodija anġelika.  Billi ħaseb li l-leħen jista’ jsaħħar il-qlub ta’ ħafna fl-Ewropa, joffri ruħu biex iħarreġ lil Filippa fir-repertorji tal-opra. Imma l-vrus ta’ mħabba ġiegħlu lil Filippa biex ma tkomplix.

Snin wara, iż-żewġt aħwa kellhom jikkuntentaw li jgħixu weħidhom, f’ħajja ta’ reliġjożita’ stretta. Ix-xogħol tagħhom bla waqfien qalb il-foqra kien mgħejun minn seftura, Babette, li f’lejla ta’ maltemp erbatax il-sena qabel sabet ruħha fuq l-għatba tad-dar tagħhom, maħruba mit-terrur tal-gwerra ċivili ta’ Franza fejn inqatlu żewġha u binha. Babette kienet iżżomm ittra minn Achille Papin li ftakar f’Filippa wara ħamsa u tletin sena u assiguraha li fil-ġenna Babette se tkun l-aqwa artista bħalma riedha Alla u talab liż-żewġ aħwa biex jagħtuha kenn. Hekk għamlu u Babette għexet magħhom għal madwar ħmistax il-sena, tagħmel ix-xogħol tad-dar u ssajjar l-istess ikel, l-aktar ħut.

Is-setta tal-‘profeta’ kienet tilfet il-ħeġġa tagħha. Il-ftit dixxipli kienu xjaħu u spiċċaw jitlewmu bejniethom il-ħin kollu. Firdiet qodma ħadu l-ħajja mill-ġdid u d-dnubiet ta’ dari kienu jdallmu l-kongregazzjoni. Il-kant tagħhom, dak miktub mill-‘profeta’ ma baqax iqabbad il-ħeġġa u d-devozzjoni ta’ żmienu. Bit-tama li jfejqu ftit mill-ġrieħi tal-komunita’ Martine u Filippa ħasbu biex jagħmlu festa sempliċi f’ġieħ il-mitt sena ta’ missierhom kieku kien għadu ħaj.  Meta qorob il-jum, Babette semgħet li rebħet somma mdaqqsa fil-lotterija ta’ Franza, grazzi għal biljett li ħabib antik tagħha kien iġeddilha kull sena.

Babette taħseb x’tista’ tagħmel bil-flus li rebħet u titlob liż-żewġ aħwa biex iħalluha tħejji għal darba, ikla tassew Franċiza u sserviha għall-festa ta’ missierhom. Qablu, għalkemm kontra qalbhom u Babette ordnat minn Franza proviżjon li nies bħaż-żewġt aħwa ma ħolmux li jaraw: inbid, tjur u fkieren.  Martine u Filippa bdew jibżgħu li se ssir xi ħaġa kif jagħmlu s-sħaħar nhar ta’ Sibt u wissew lid-dixxipli l-oħra biex joqogħdu attenti. Ftiehmu li jieħdu sehem fl-ikla imma b’moħħhom fil-ħwejjeg ‘t’hemm fuq’.

Meta waslet il-lejla tal-festa, iz-zija ta’ Lowenhielm, waħda mid-dixxipli, ħabbret li n-neputi tagħha Lowenhielm, li issa kien sar ġeneral, se jkun ukoll għall-festa. Babette hi mitlufa fit-tħejjijiet għall-ikla li qatt ma kien hemm bħalha fir-raħal. Waslu l-mistednin, bi lbies li jġiblek dwejjaq u b’kuntrast mal-mejda mżejna kollha lwien. Il-ġeneral Lowenhielm, li hu biss ma kienx jaf bl-istrateġija tal-grupp hu miblugħ bid-dehra tal-mejda, bi platt wara ieħor u xorb mill-ifjen. Jibda’ jitkellem dwar ‘chef’ Pariġina famuża li fis-snin qabel il-gwerra ċivili kienet magħrufa bħala artista tat-tisjir. Kienet tqis it-tisjir bħala namra li tħalli wkoll gost spiritwali. Dan l-ikel, irrimarka l-ġeneral, hu hekk tajjeb bħal dak tal-Café Francais ta’ Pariġi fejn kienet issajjar din l-iċ-‘chef’ ta’ arti fit-tisjir.

Bil-mod il-mod, imsaħħna bl-inbejjed fini u bl-eżempju tal-ġeneral, il-mistednin bdew jinbidlu mhux biss fl-attitudni lejn il-festa, imma wkoll lejn xulxin. Firdiet qodma fiequ u dnubiet antiki ntesew minnufih. Il-ġeneral qam bil-wieqfa u tenna l-kliem tal-‘profeta’: ta’ dinja mdawla bl-imħabba. Iċ-ċena tagħlaq billi d-dixxipli, taħt qamar jiddi fil-pjazza tar-raħal, f’daqqa waħda jieħdu b’idejn xulxin u jiżfnu f’ċirku li ffurmaw.

Ġewwa, iż-żewġt aħwa irringrazzjaw lil Babette għall-festa li għamlet; saru jafu li kienet hi iċ-‘chef’ famuż tal-Café Francais u li mhix ser terġa’ lura f’art twelidha għax għall-ikla kienet nefqet il-flus kollha li rebħet mil-lotterija. Babette ħalliet lil Martine u lil Filippa mistagħġba x’ħin fissret li tat kollox mhux biss għalihom imma għaliex temmen li ġol-qalb ta’ kull artist hemm xewqa kbira li jitħallew jagħtu l-aħjar tagħhom. Filippa tenniet il-kliem li wasslilha Achille Papin li kien wegħidha li fil-ġenna Babette se tkun l-aqwa artista li Alla riedha tkun.

  • Il-komunita’ f’din l-istorja, li saret ukoll film minn Gabriel Axel, għandha xebħ għalkemm b’kuntrast mal-ewwel komunita’ nisranija. Kien hemm il-ħeġġa u s-sagrifiċċju ta’ nies qaddisa, imma b’rigorożita’ li ma taqbilx mal-ferħ tal-Aħbar it-Tajba .
  • L-istorja tgħallimna fost l-oħrajn li għalxejn inkunu ta’ ħajja tajba jekk ma nagħrfux immorru tajjeb mal-oħrajn. Ma nistgħux inkunu magħqudin ma’ Alla jekk m’għandniex ħlewwa ma’ dawk li huma qribna. Smajniha ħafna drabi li fid-dinja hawn ħafna nies qaddisin, imma diffiċli biex tgħix magħhom. Mhix ċajta li tgħaddi ħafna sigħat minn ħajtek ma’ min jgħir għalik u lest li jifraħ bil-waqgħat tiegħek, jew li b’mod pulit jinjorak.
  • Noqogħdu attenti li ma nkunux dixxipli f’komunita’ magħluqa, fejn kulħadd ikun fir-rokna qaddisa imma iżolata tiegħu.
  • Imiss magħna jista’ jkun hemm min hu artist, li għandu ħila moħbija, imma l-aspirazzjonijiet tiegħu jew tagħha huma fgati minn oħrajn li forsi bla ma jafu jimponu l-personalita’ tagħhom.
  • Kemm hi ħaġa sabiħa li nneħħu l-awsterita’ u d-dwejjaq u ndaħħlu s-serenita’ u l-ferħ kull fejn inkunu! L-ambjenti tagħna jridu jkunu ċena oħra, minkejja l-karattri u l-gosti differenti tal-persuni.
  • Bil-ferħ tagħna nistgħu naqilgħu lil sħabna minn xi dipressjoni li tolqotħhom u nagħtuhom kuraġġ ħalli jħarsu lejn is-sabiħ, ħalli jħarsu ‘l fuq,… mingħajr ma jinsew lil dawk li qegħdin qrib tagħhom kuljum.

Joe Galea

josephgaleam@gmail.com