Bir-Ruħ u bil-Ġisem


Is-sens tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija

It-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija jsaħħaħ il-wegħda li għamlilna Ġesu’: li ngħixu m’Alla għall-eternita’. Dan naffermawh fil-Kredu meta niddikjaraw: “Nemmen fil-qawmien mill-imwiet.” Kif se tkun dil-ħajja m’Alla? Kull wieħed joħlom l-idea tiegħu dwar il-ġenna. Imma din żgur tkun aħjar minn dak kollu li nistgħu nimmaġinaw.

assunta.jpg

Illum il-Knisja tfakkarna li, bħal Marija, il-vokazzjoni tal-bniedem hi li jidħol f’relazzjoni mal-Kreatur tiegħu. In-nifs li bih Alla ta l-ħajja lill-ewwel raġel u mara jimmarka lill-umanita’ kollha bis-“sura u x-xbieha tiegħu” (Ġenesi 1:26-27). L-Aħbar it-Tajba mhijiex biss li aħna organiżmi bijoloġiċi kumplessi, imma li aħna kreaturi msejħa biex nieħdu sehem mill-ħajja tal-Kreatur tagħna.

Il-Knisja tfakkarna wkoll li Alla jsalva l-persuna umana kollha, ruħ u ġisem. Ir-ruħ ta’ Marija jista’ jkun li kienet xi ħaġa mhux komuni, imma kien bil-liberta’ kollha li qiegħdet lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajjitha, tal-għażliet tagħha u tal-fedelta’ tagħha. U l-ġisem ta’ Marija? Niżbaljaw jekk naħsbu li kien perfett u kollu dija. Bħal tagħna, il-ġisem tagħha kellu l-marki taż-żmien li għadda minn fuqha, tal-kura tal-oħrajn, tal-qadi, tat-tbatija kif ukoll tal-mard.

It-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija jikkonferma d-destin glorjuż f’ruħna u f’ġisimna, avolja fil-limitazzjonijiet tagħna. Dan il-“qawmien mill-imwiet” hu punt ċentrali tal-fidi tagħna.

Li niċċelebraw it-Tlugħ is-Sema ta’ Marija jagħtina l-okkażjoni li nerġgħu nisimgħu l-istedina biex naqdu u nfaħħru lil Alla bl-esseri kollu tagħna, ruħ u ġisem, fis-servizz tal-aktar foqra. U li nġeddu l-ferħ li ġejna mwiegħda futur bħal dan.

Kitba ta’ Joe Galea