Xbieha ta’ San Ġorġ Preca f’Lourdes


Il-ħajja ta’ San Ġorġ Preca hi karatterizzata b’umiltà straordinarja tant li ried jintesa għal kollox wara mewtu. Ma riedx li jiġi mfakkar, u l-kanonizzazzjoni tiegħu mill-Papa Benedittu XVI fil-Vatikan nhar it-3 ta’ Ġunju 2007 kienet prova ċara ta’ dan. Lejliet iċ-ċelebrazzjoni kien bnazzi f’Ruma hekk li l-Maltin li kienu hemm ġew mistiedna mill-organizzaturi biex fl-għodwa tal-kanonizzazzjoni ma jinsewx iġibu magħhom flixkun ilma minħabba s-sħana, u beritta biex jgħattu rashom mix-xemx. Dan għax deher li dak il-Ħadd kienet se tkun ġurnata bnazzi u sħuna. Minflok, kif bdiet il-funzjoni, l-ilma ġie b’gelqul minn fuq u dawk li kienu fi pjazzja San Pietru ħadu tixriba li jibqgu jiftakru. Kif spiċċat il-funzjoni, ix-xemx ħarġet sabiħa u b’inkejja bħal biex tikkonferma li San Ġorġ Preca mis-sema ma kienx kuntent li qed issirlu ċelebrazzjoni mill-Knisja biex quddiem id-dinja tqiegħdu bħala wieħed mill-qaddisin tagħha, meqjum fuq l-altari.

Imma din ix-xewqa umli ta’ San Ġorġ Preca ma rnexxiliex tkun milqugħa mill-Maltin, li jriduh li jibqa’ mfakkar mhux biss bħala persunaġġ fl-istorja bħala l-qaddis Malti imma wkoll għall-eżempju ta’ ħajja qaddisa, u mhux biss f’Malta imma wkoll ‘lil hemm minn xtutna.

Għalhekk nhar is-Sibt 30 ta’ Ġunju 2018 kienet waħda mill-okkażjonijiet li żġur se tgħin biex l-għarfien u d-devozzjoni lejn San Ġorġ Preca titwasslu lil aktar nies mad-dinja. Dan sar bl-approvazzjoni tal-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna, billi ġiet kummissjonata pittura bix-xbieha ta’ San Ġorġ Preca biex titqiegħed f’waħda mill-kappelli li hemm f’Lourdes. Kienet l-ewwel ċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Il-kappella fejn tqiegħed il-kwadru ta’ San Ġorġ Preca hija dik ta’ San Kosma u San Damjan, li tinsab fuq in-naħa tax-xelluġ quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes. Il-kwadru ġie mpitter mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia.

preca.jpg
Pittura ta’ San Ġorġ Preca, mill-artist Għawdxi Manuel Farruġia. Ritratt Raymond Zammit

Madwar mitt persuna ħadu sehem fi żjara ta’ Maltin li waslu Lourdes il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju 2018. Il-pelleġrinaġġ lejn il-grotta ta’ Lourdes, immexxi minn Mons. Joe Galea Curmi, beda fid-9.30 ta’ filgħodu, f’ġurnata ta’ bnazzi, mill-lukanda Lys de Marie, f’Avenue Peyramale. Fit-triq, Mons. Joe Galea Curmi żamm ir-relikwija ta’ San Ġorġ Preca filwaqt li l-kwadru bix-xbieha ta’ San Ġorġ Preca nġarr minn membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M). Il-mixja fis-skiet, kif wieħed jistenna fl-ambjent ta’ qrib il-grotta tal-Madonna, għaddiet minn Avenue Peyramale għal Avenue Bernadette Soubirous, Boulevard Pere Remi Sempe, Porte Saint Michel (in-naħa fejn hemm il-Kurċifiss), daret mal-istatwa ta’ Marija Inkurunata li hemm quddiem is-santwarju, sal-kappella ta’ San Kożma u San Damjan, fejn kellha ssir l-inawgurazzjoni tal-kwadru. Il-pittura tqiegħdet fuq stand ħdejn l-altar filwaqt li relikwija tal-qaddis kienet esposta fuq l-altar f’ostensorju li nġieb mill-Museum tal-Imsida. Ir-relikwija se titħalla fl-altar tal-kappella filwaqt li l-kwadru se jitqiegħed mal-ħajt fil-faċċata kif tħares lejn l-altar.

Il-Quddiesa kienet konċelebrata bil-Malti minn Mons. Isqof Joe Galea Curmi flimkien mal-Kappillan Dun Gordon Refalo, Patri Bertrand Vella u Patri Leonard Falzon. Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Joe Galea Curmi qal: “Kemm nixtieq jiena li meta n-nies jisimgħu b’Malta, jgħidu San Ġorġ Preca; jiġihom f’moħħhom San Ġorġ Preca. Jistgħu jiġuhom f’moħħhom ukoll ħafna affarijiet, mhux bilfors kollox tajjeb, imma jekk jiġihom San Ġorġ Preca f’moħħhom, u jagħtihom ħaġa verament sabiħa u li din tgħinhom, biex aħna wkoll inkunu xerridna dak li hu sabiħ u tajjeb u għażiż. San Ġorġ Preca, meta waqqaf is-Soċjetà tal-MUSEUM, ried proprju l-isem MUSEUM, li huwa Mgħallem kemm nixtieq li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju! Dan hu proprju dak li smajna mill-Vanġelu llum minn San Mark”. L-Isqof Galea Curmi semma’ wkoll episodju tal-familja tiegħu relatat ma’ Dun Ġorġ, meta ta parir lil mama’ tiegħu biex tieħu l-vokazzjoni taż-żwieġ għax kienet qed tikkonfondi tiżżewwiġx jew le.

Wara t-Tqarbin, dawk preżenti ngħaqdu f’rinġrazzjament mill-ktejjeb Ftuħ il-Qalb, b’talbiet ta’ San Ġorġ Preca, u li kien ingħata lil kull parteċipant tal-pelleġrinaġġ. Mument kommoventi kien meta, fl-għeluq tal-Quddiesa, tkanta l-Innu Malti.

Il-wasla fil-pjazza tas-Santwarju ta’ Lourdes

Il-Ħadd, 1 ta’ Lulju, il-pelleġrini ħadu sehem fil-Quddiesa Internazzjonali li ssir fil-Bażilka ta’ San Piju X. Għal din il-Quddiesa, bħalma dejjem mistenni, attendew numru kbir ta’ viżitaturi, nies fil-karozzelli u għadd ta’ voluntieri li jgħinu lill-morda li jmorru Lourdes. L-aktar li kien hemm mid-djoċesijiet Spanjoli, li għamlu l-okkażjoni tassew ċelebrattiva. Il-kor u l-orġni żiedu mal-atmosfera festiva. Il-Quddiesa kienet preseduta mill-Arċisqof ta’ Barcelona, u konċelebrata ma’ numru kbir ta’ Saċerdoti. Mons. Isqof Joe Galea Curmi kien wieħed mill-Isqfijiet fuq l-altar mal-Kardinal. Il-Kappillan ta’ Lourdes, qabel il-Quddiesa semma’ li fost l-Isqfijiet li qed jikkonċelebraw hawn Isqof li se jieħu l-kariġa dalwaqt, proprju għall-Mons. Galea Curmi.

Tard il-Ħadd filgħaxija kienet okkażjoni sabiħa oħra għall-pelleġrini Maltin, li marru flimkien mad-Direttur Spiritwali tal-ġrupp, Patri Bertrand Vella u r-rapreżentanti tal-MUSEUM, fuq in-naħa l-oħra tax-xmara, quddiem il-ġrotta tal-Madonna, għal laqgħa ta’ talb b’talbiet u tifħir lill-Madonna minn San Ġorġ Preca, fosthom il-litanija Libsa ta’ Ġieh. Tkantaw xi innijiet, fosthom Ismagħha l-Għanja Sidtna Marija. Il-laqgħa ntemmet bis-Salve Reġina u bir-Rużarju.

maltin.jpg
Il-grupp tal-Maltin waqt laqgħa Marjana b’talbiet ta’ San Ġorġ Preca, in-naħa l-oħra tal-grotta

It-Tnejn, 2 ta’ Lulju, filgħodu, il-pelleġrini ħadu sehem f’Quddiesa konċelebrata bl-Inġliż, fejn ukoll ħa sehem l-Isqof Mons. Joe Galea Curmi, fil-ġrotta tal-Madonna.

Waranofsinhar sar ingħad ir-Rużarju flimkien ma’ ġruppi Inġlizi, li ġie trasmess fuq it-televiżjoni ta’ Lourdes u fuq stazzjonijiet oħra. Għaxar Maltin ġew mistiedna biex ikunu ħdejn il-Monsinjur li mexxa r-Rużarju. Il-Monsinjur introduċa lill-Isqof Joe Galea Curmi u qal kelmtejn tassew f’waqthom dwar San Ġorġ Preca u dwar il-kontribut li ta lill-Knisja bil-ħidma tiegħu fit-tagħlim tal-katekiżmu.

Bl-inizjattiva u bl-għajnuna ta’ ħafna, issa għandna x-xbieha ta’ San Ġorġ Preca f’Lourdes, biex kulmin iżur dan il-post qaddis, ikun jista’ jitlob quddiem il-kwadru ta’ San Ġorġ Preca fil-kappella ta’ San Kosma u San Damjan. Tkun ħaġa sabiħa li l-ġruppi li jitilgħu Lourdes jorġanizzaw Quddiesa bil-Malti f’din il-kappella.

Kitba ta Joe Galea