Il-bidla


Is-sitta t’Awwissu. Il-festa tas-Salvatur. Il-festa tal-Ħellies tal-umanità. Il-festa ta’ Ħal-Lija. Il-festa ta’ meta Ġesù, flimkien ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni, tellagħhom fuq il-Għolja mqaddsa tat-Tabor u tbiddel quddiemhom.

Imma għalfejn tellagħhom hemm fuq? U, ngħid jien, kellu għalfejn itellagħhom fuq għolja daqshekk wieqfa? Li anki illum, avolja bil-van tal-Għarbi bit-turbant, xorta waħda tħossok ħa tistordi int u titlagħha riekeb u riekba? Daqskemm hi wieqfa u fiha dawrien? Imma Ġesù, lil dawn il-povri Pietru, Ġakbu u Ġwanni, għalfejn tellagħhom hemm fuq? Fuq il-quċċata ta’ din l-għolja? Li, daqskemm hi kbira, tista’ liberament issejħilha “muntanja”? Biex jieħu gost jifliġhom? Biex iħallihom tal-post? Imma ejja ma naġgħlux sieħbi! U nimxu bil-mod! Ejja ma nħallux dawn il-mistoqsijiet validissmi kemm tridhom ma jkunux huma li jħalluna tal-post. Għax jimlewna b’tant ħerqa li ma nifilħux għaliha. U hekk nispiċċaw, int u jien, naqtgħu nifisna u anqas ħaqq il-kedda li nieħdu!

Mela, tellagħhom fuq il-għolja. Hu tellagħhom u mhux telgħu ilkoll flimkien. Mingħajr it-tmexxija ta’ ħadd. Le ħbieb! Xi ħadd kellu jkun il-king tas-sitwazzjoni. U liema king seta’ ikun il-king tas-sitwazzjoni jekk mhux il-King stess ta’ kull sitwazzjoni? Sew jekk dan il-King jiġi mistieden li jkun King u sew jekk dan il-King jiġi brutalment imwarrab. Dan hu l-King li għalih il-Bibbja tgħidilna, mingħajr ħafna tidwir ta’ diskors, fl-aħħar ktieb tagħha, liema ktieb hu l-bidu u t-tmiem ta’ kollox, ta’ kulma nħalaq u għad irid jinħalaq fl-eternità: Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien (Apk 19:16)! Hu kien qed imexxi t-triq! U mhux huma!

U, biex jitilgħu s’hemm fuq, għax minn hemm fuq aqta’ x’dehra hemm, u dejjem għal min kellu l-grazzja li jmur u, sintendi, li jtella’ lin-nies, kellhom jegħrqu l-għaraq biex jitilgħu! Żgur li ma telgħux imrikkbin mill-Għarbi. Bil-van. U x’Għarbi Għarbi! Kieku mal-Għarbi sew! Imma le ħbieb! Hemm fuq kellhom jitilgħu b’riġlejhom stess! Qalb dak il-ħaxix, siġar u ġebel! U, jekk jogħġbok, dejjem għat-telgħa! Sakemm jaslu s’hemm fuq! U, bilħaqq, għax inkella ninsa’ dan id-dettall importantissmu: u ara taħsbu li meta telgħu hemm fuq kellhom xi riħa taqsam ta’ deodorant tafux! Neħħuha minn raskom li hekk kien il-każ! Telgħu hemm fuq b’riħa ta’ għaraq taqsam u tas-seba’ pesti. Għax bnedmin ħbieb! Li jegħrqu! Bħalma negħrqu int u jien fl-għaraq ta’ ġbinna. Speċjalment jekk xogħlna jinvolvi l-maratona tas-sigħat. Bħalma hu tiegħi u, nimmaġina, tiegħek ukoll. Issa fhimtni u qed isserraħni! Għax fl-aħħar sibt lil min veru jifhimni! Grazzi minn qalbi! Intant!…

Mela, u quddiem dan ix-xenarju kollu, it-tagħlima hi kbira ħbieb! U rejali rejalissma! Għax fil-ħajja, il-veru suċċess jiġi bis-sagrifiċċju. Bl-għaraq. Bl-għejja. Bis-sħana tat-taħbit. U, kull sagrifiċċju, irejjaħ tafux! Min jaf kemm deċiżjonijiet inkunu rridu nagħmlu biex naslu fejn għandna bżonn naslu. Le ħi! Ma mmorrux nieklu kull nhar ta’ Sibt u Ħadd bħalma jagħmlu l-bqija ta’ sħabna. Inkella dik il-kamra tal-banju kif ħa ssir? Lanqas m’għandna għalfejn insiefru mat-tlett darbiet fis-sena bħall-ġirien. Biex, għall-apparenza, inkun bħalhom. Inkella kif se naqilgħu qala’ d-dar kif imiss? U kif se ngħinu lit-tifel u lit-tifla li se jiżżewweġ u tiżżewweġ? Kos hux! Kemm irejħu d-deċiżjonijiet li jkollna nagħmlu biex ma nimxux mal-massa! U kemm, l-għaliex id-deċiżjonijiet tagħna jkunu differenti minn tal-bqija, niġbdu paroli fil-vojt fuqna bħalma jagħmel iz-zokkor lid-dubbien! Imma jkollna nagħmluhom dawn id-deċiżjonijiet! Jekk ma rridux li nibqgħu bla viżjoni! Bla investiment! Bla futur! Bla skop! Mela, aħjar ir-rejħa tal-għaraq tas-sagrifiċċju u illum għandna xi ħaġa milli l-fwieħa li nkun bħal ħaddieħor u m’għandi xejn. U sempliċiment l-għaliex ix-xlief ma jwassalli qatt!

Barra minhekk, il-biċċa tal-bidla ta’ Ġesù fuq il-muntanja Tabor tfakkarni wkoll fit-tagħlima li fil-ħajja ma nistgħux naslu għas-suċċess billi nieħdu x-short cut! Dan bħal min għandu żiemel u biex jirbaħ bilfors it-tiġrija bih aqta’ kemm ibellagħlu ħa jiġri! U hekk iż-żiemel, meta jittestjawh għad-doping, aqta’ miskin kif jinqabad mill-qrun li jkun waħħallu sidu! Fil-ħajja ħbieb ma nistgħu qatt nieħdu t-triq tal-qerq biex naslu fejn irridu! Għax jekk ngħaddsu rasna u nagħmlu fattina, u s-suċċess jiġi xorta waħda, fil-fond ta’ qalbna qatt ma nistgħu nkunu rasna mistrieħa. U, fil-kuxjenza tagħna, dejjem ikollna xi jħabbatna.

Min irid jasal għas-suċċess akkost li jqarraq, u hekk jieħu t-triq il-qasira għall-prestiġju, jiġrilu eżattament kif ġralu l-imsejken Maradona meta l-Arġentina għelbet lill-Ingilterra 2-1. L-ewwel goal, il-goal li skurja b’idejh, il-goal li aqta’ kemm ingħata pubbliċità madwar l-erbat irjieħ tad-dinja!, kien il-famuż goal li tefa’ lill-Arġentina fil-finali tat-tazza tad-dinja. Veru li fuq dan l-imbierek goal nkitbu l-volumi fuqu. U ma nafx għalkemm il-miljun ta’ drabi ġie iffotografat.
Imma, dak il-goal, fil-verità kollha, kien fih dinjità? Illum ngħid li dak il-goal kien eżatt bħall-biċċa tas-sulfarina. Li, meta nħokkuha mal-ħajt tal-kaxxa tal-kartun tal-kubrit, tieħu mill-ewwel, tagħmel fjamma, imma, miskina, ħajjitha fi snienha qiegħdha. Għax malajr tintefa’ tiġri!

Hekk ġralu l-ewwel goal ta’ Maradona mal-Ingliżi. Veru li jgħodd l-għaliex ir-referee Tuneżin, Ali Bin Nasser, l-għaliex ma rax il-ballun, ġie milgħub minn Maradona li aqta’ kemm feraħ u lagħabha li skurja bis-sew. U x’ma jgħidlux Maradona lil dan ir-referee “ħabib etern” meta mar iżuru fit-Tuneżija nhar is-17 ta’ Awwissu 2015! Imma x’valur fih dak il-goal? Anki jekk ġab suċċess u ngħata l-isem il-“goal tal-id ta’ Alla”. Madankollu, u b’daqshekk, nista’ inżeffen kemm niflaħ lill-Mulej fih? Jista’ l-isem ta’ Alla jnaqqas qattra li hi qattra mill-viljakkerija tal-goal? Żgur li le! Għax dan kien goal ta’ bla dinjità! Għas-sempliċi raġuni li kien goal qarrieq!

Imma x’differenza kien it-tieni goal ta’ Maradona, li ġie minn serpentina eċċezzjonali u ta’ ġenjalità liema bħalha ta’ player li kien jagħmel il-mirakli kull darba li l-ballun kien ikun f’saqajh! Mhux ċajta ħbieb taqbeż lil Peter Beardsley, Peter Reid, Terry Butcher għal darbtejn u lil Terry Fenwick! U, jekk jogħġbok, wara din il-ġirja li taf il-bidu tagħha daqs sittin jarda u li ħadet mal-għaxar sekondi, jasal quddiem il-goalkeeper Ingliż, Peter Shilton, u b’finta mill-aqwa Maradona rnexxielu jħawdu għal kollox.

Naħseb li taqblu miegħi li t-tieni goal għandu dinjità kbira. Għax ġie mis-sewwa. It-tieni goal, irrilevanti jekk iżżommx ma’ l-Ingliżi jew le, għadek tista’ titpaxxa bih minn fuq il-You Tube! Għax hu goal ta’ surmast. Imma ħej, Maradona, biex skurja t-tieni goal, kemm kellu jiġri, jaqgħad u jdur mal-ground! Għax dan kien goal ta’ suċċess! Kien goal bis-sengħa! Kien goal bis-sens! Kien goal li biex sar, Maradona kellu jieħu r-rankatura. Mela l-istess rankatura bħalma ħadu Ġesù, Pietru, Ġakbu u Ġwanni sakemm wasslu s’hemm fuq. Fuq il-muntanja! Għax il-veru suċċess dejjem għandu bżonn ir-rankatura. Li jisimha r-rankatura tas-sagrifiċċju.

Imbagħad, meta Ġesù tbiddel quddiem it-tlett appostli tiegħu dawn ħakmithom il-biża’! U liema bidla, tajba kemm hi tajba, u meħtieġa kemm hi meħtieġa, ma tbeżżax? Il-ġdid dejjem ġdid hux tassew! Min jaf x’se jiġri? Min jaf jekk nidrax? Min jaf kif ħa jimxu miegħi? Min jaf hekk u min jaf hekk? Fil-bidla dejjem hemm il-biża’ ta’ dak li għadna ma nafuhx. Għax fil-futur! U, min jaf dak li għalina hu l-futur jekk mhux il-Mulej waħdu, li għalih il-futur tagħna hu l-preżent?

Il-bidla tgħarraq u trejjaħ bl-għaraq. Imma sabiħa. Meħtieġa. Għax, la tiġi bis-sewwa, għandha dejjem suċċess u dinjità.

Mulej, fi żminijiet li dejjem qed jitbiddlu issokta biddilni fik innifsek. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap