Nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Settembru jaħbat it-80 anniversarju mill-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dakinhar fl-1939, il-Ġermanja invadiet lill-Polonja u dan wassal biex il-Gran Brettanja u Franza jiddikjaraw gwerra kontra l-Istat Nażista ta’ Adolf Hitler jumejn wara.

Il-Papa Franġisku fakkar dan il-jum traġiku kif ukoll il-kommemorazzjonijiet li se jsiru f’Varsavja, Vielum u bliet Pollakki oħra meta indirizza lill-pellegrini Pollakki fi tmiem l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa.
Il-Papa ħeġġeġ biex ilkoll nitolbu għall-paċi sabiex il-konsegwenzi traġiċi tal-mibgħeda – li ġabu biss qerda, tbatija u mewt – qatt ma jerġgħu jseħħu. Il-Papa stedinna wkoll nitolbu lil Alla sabiex il-paċi ssaltan fil-qlub ta’ kulħadd u fil-familji, is-soċjetajiet u fost il-popli.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija