Fiċ-Ċina saret it-tieni konsagrazzjoni episkopali


Il-Vatikan ilbieraħ ikkonferma li fiċ-Ċina saret it-tieni konsagrazzjoni episkopali skont il-ftehim proviżjorju bejn is-Santa Sede u ċ-Ċina meta ġie kkonsagrat b’mandat pontifiċju l-Isqof Mons Stefano Xu Hongwei. Iċ-ċerimonja tal-konsagrazzjoni saret fil-Katidral ta’ San Mikiel u għaliha attendew mal-elf ruħ. Dan l-Isqof Koadjatur ġdid għandu 44 sena, studja Ruma u l-Kanada u ħadem f’bosta parroċċi fiċ-Ċina.

cq5dam.thumbnail.cropped.1000.563
L-Isqof Mons Stefano Xu Hongwei

Id-djoċesi fejn se jkun qed imexxi hija missjoni antika tal-Istitut Pontifiċju għall-Missjonijiet Barranin u tgħodd mat-tletin elf fidil, 30 saċerdot u 11-il reliġjużi nisa.

Dan il-ftehim proviżjorju li huwa frott ħidma twila u gradwali ġie maqbul wara proċess twil ta’ negozjati u jista’ jiġi rivedut perjodikament. Jitkellem fost l-oħrajn dwar n-nomina tal-Isqfijiet li hija kwistjoni importanti ħafna fil-ħajja tal-Knisja u joħloq il-kondizzjonijiet għal kollaborazzjoni akbar fuq livell bilaterali.

It-tama hija li dan il-ftehim jgħin proċess ta’ djalogu istituzzjonali u jkun ta’ kontribut pożittiv għall-ħajja tal-Knisja Kattolika fiċ-Ċina, għall-ġid komuni tal-poplu Ċiniż u għall-paċi fid-dinja.

Fiċ-Ċina għad hemm restrizzjonijiet kbar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prattika tal-fidi tant li għal snin twal kien hemm żewġ knejjes paralleli, il-Knisja kkontrollata mill-Gvern u l-Knisja moħbija fidila lejn il-Papa.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija