Miet il-Kardinal Silvestrini


Ilbieraħ il-Ħamis 29 ta’ Awwissu tħabbret il-mewt tal-Kardinal Taljan Achille Silvestrini, il-Prefett Emeritu tal-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali fl-għomor ta’ 95 sena. Huwa ġie ordnat saċerdot fl-1946 u fl-1953 daħal fl-Akkademja Ekkleżjali Pontifiċja tal-Vatikan fejn is-saċerdoti jitħarrġu għas-servizz diplomatiku. Huwa ħadem f’bosta pajjiżi fosthom il-Vjetnam, iċ-Ċina, l-Indoneżja. Huwa kien il-mibgħut mis-Santa Sede għal Malta fl-1981 u fl-1985 kien involut fit-tfassil ta’ ftehim dwar l-iskejjel tal-Knisja mal-Gvern ta’ dak iż-żmien.

silves.jpgSan Ġwanni Pawlu II għamlu kardinal fl-1988 u ftit jiem wara ġie maħtur Prefett għas-Sinjatura Appostolika. Fl-1991 ġie maħtur Prefett għall-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali fejn baqa’ jokkupa l-kariga sakemm irtira lejn tmiem is-sena elfejn.

IL-Papa Franġisku f’messaġġ ta’ sogħba għall-mewt tal-Kardinal Silvestrini fakkar li dan id-diplomatiku qeda lill-Knisja taħt seba’ papiet b’impenn u dedikazzjoni kbira.

Bil-mewt tal-Kardinal Silvestrini, l-għadd ta’ kardinali madwar id-dinja issa huwa ta’ 215 li minnhom 118 huma taħt it-tmenin sena u għalhekk eliġibbli li jivvutaw għal Papa ġdid f’konklavi.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija