Belt fit-tramuntana tal-Italja se tibda tagħti multa ta’ 400 ewro lil min jinqabad jidgħi. Il-kunsill lokali tal-belt ta’ Saonara, li fiha jgħixu madwar 10,000 ruħ, ftit ‘il bogħod minn Padova, ħareġ liġi li tagħmel illegali id-dagħa u l-kliem ħażin fil-pubbliku li jingħad kontra kull fidi u reliġjon.

Is-sindku, Walter Stefan qal li din il-mossa kienet intenzjonali kontra mġiba mhux ċivili , filwaqt li tħeġġeġ id-diċenza pubblika. Huwa żied jgħid li d-dagħa huwa offensiv, u b’din il-liġi ħadd ma jkun jista’ joffendi xi reliġjon, għax il-fidili għandhom jkunu rispettati.
Is-sindku, li huwa Kattoliku, saħaq li din il-liġi hija intiża biex tħares mhux biss il-Kristjaneżmu, iżda lill-Musulmani, il-Buddisti u reliġjonijiet oħra.
Barra l-provvedimenti kontra d-dagħa, hemm sanzjonijiet oħra kontra minn joħroġ il-kelb bla ċinga u jħallih iħammeġ u kontra dawk li jwaddbu l-iskart f’postijiet pubbliċi.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija