“Dħalt iċ-Ċina mill-bieb tal-isports”


Bejn il-15 u l-24 ta’ Awissu 2008 iċ-Ċina laqgħet id-29 edizzjoni tal-Logħob Olimpiku. Għalkemm iċ-Ċiina rebħet dan id-dritt minn fost kontendenti oħra, ħafna ma kinux kuntenti li l-logħbiet se jsir f’pajjiż mhux demokratiku. Il-Gvern f’Peking għamel minn kollox biex inessi t-tifkira tad-demm li xtered f’Ġunju tal-1989 fil-Pjazza ta’ Tienanmen.

etchegaray.jpeg
Il-Kardinal Roger Etchegaray

L-avvenimenti fit-Tibet f’dak iż-żmien kif ukoll l-indħil taċ-Ċina f’pajjiżi fl-Afrika bħal f’Darfour saħħew il-fehma ta’ dawk li mmilitaw għad-dritt tal-libertà. Iċ-Ċina kienet applikat għal-Logħob Olimpiku 2008 fis-sena 2000; biex tintgħażel kellha bżonn il-voti mill-pajjiżi għax kien hemm kontendenti oħra b’potenzjal qawwi.

F’dan l-eżerċizzju l-Gvern ta’ Peking ried li jiġbed is-simpatija tal-Vatikan u għal din ir-raġuni l-Kardinal Roger Etchegaray, wieħed mill-ikbar kollaboraturi tal-Papa Ġwanni Pawlu II kien mistieden mill-Ministru tal-Isports taċ-Ċina biex iżur il-pajjiż. Il-Papa inkuraġġieh biex jaċċetta għax kien jemmen li l-okkażjonijiet kollha huma tajba biex jesprimu l-istima tal-Knisja lejn il-poplu Ċiniż.

Lill-ġurnalisti li kienu qed jistennewh fl-ajruport ta’ Peking, il-Kardinal qalilhom: “Dħalt iċ-Ċina mill-bieb tal-isports, f’kelma oħra mill-bieb taż-żgħażagħ.” Jista’ jkun li dan kien episodju iżolat u li l-bieb li semma l-Kardinal Etchegaray mhux se jinfetaħ malajr, imma jirrifletti t-tama li jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-Knisja u ċ-Ċina fid-dawl tal-ħsibijiet missjunarji tal-aħħar Papiet.

(Mill-Ktieb Smajt tħabbat il-qalb tad-dinja, Roger Etchegaray,  2007)

Ħajr lil Joe Galea

}ajt