Puff! X’intiena!


Qiegħdin fis-sajf! Sħana issemmix! Toħroġ naqra u issir ilma! Aħseb u ara mela jekk titfa’ fuqek l-ilbies tax-xogħol, profan u sagru?! Ara kif issir ilma! U x’joħroġ minnek! U minni! Veru? Għax qiegħdin fl-arena sieħbi! Ma ħrabniex! Bqajna hemm! Intant! …

Iva! L-għaraq irejjaħ! U jrejjaħ bil-bosta! U, irridu jew ma rridux, dan iż-żmien tas-sajf hu żmien li nrejħu! Trejjaħ dik tat-takkuna. U trejjaħ dik naqra waħda imbaċċa. Irejjaħ dak li jilbes ix-shorts. U, jrejjaħ ukoll dak li jilbes il-libsa, bil-ġlekk u l-ingrava. U kollu smartphones u tablets. Irejjaħ u trejjaħ anki dak li jilbes il-labtu, is-suttana u anki t-tonka. Għax l-għaraq għaraq iġib! U, la ġejna għal dan, jekk irridu li fis-sajf noqgħodu mingħajr rwejjaħ nistgħu iva noqgħodu taħt id-doċċa u ma noħorġux minna! Imma, u fil-verità, nistgħu tassew nagħmluh dan? Li kieku nistgħu nagħmluh kieku min isuq il-karozzi tat-trasport pubbliku kif jista’ isuqhom jekk joqgħod dejjem taħt id-doċċa? U min jagħmel id-deliveries fil-ħwienet u l-istabbilimenti? Dak x’jagħmel? U min jagħmel ir-ronda bħala security hemm, fix-xemx, dak u dik x’jagħmel? U tagħmel? U l-pulizija u l-gwardjani li jkunu għassa fix-xmux? Dawn x’jaqbdu jagħmlu? U kieku min iżur il-morda u jqatta’ ħinu u saħħtu magħhom, dan ħa joqgħod fid-doċċa biss il-ġurnata kollha? Kieku x-xogħol hekk isir! U kieku min iqaddes, iqarar u l-hena tiegħu issibu dejjem lest li jservi n-nies? Dan miskin ħa jikkalzra ruħu u joqgħod taħt id-doċċa? U min iġib il-ħobża ta’ kuljum fix-xogħol tal-bini u xogħol ieħor li jirrikjedi ġiri bit-trakkijiet? Dan għandu jibqa’ ilsir tar-riħa tfuħ? U, il-kantaliena tibqa’ sejra, sejra u … sejra…

L-Ispirtu s-Santu, mill-ktieb tal-ħajja, jgħallimni li, fil-verità kollha, irejjaħ kulħadd! Għax, min jerfa’ abtu, kulħadd isib xi jxomm! Mela anki dawk li jkunu kważi jgħixu fl-aircondition! U li jinħaslu bil-fwieħa li jitfgħu fuqhom. B’riskju li jipperikolaw saħħithom mod ieħor! Anki dawn, ta’ l-uffiċini, aqta’ kemm jintnu! U jrejħu! Bħalma jrejħu dawk li xogħlhom hu li jkunu fuq xi “tmum”. Hux dak tal-familja jew ta’ għaqdiet oħra, żgħar u kbar, dan mhux importanti. Imma anki dawn tafux! Dawn irejħu wkoll! Biex ma ngħidx li aqta’ kemm irejħu bil-kbir!

Għax, u issa rridu nitħaddtu bil-verità u mhux l-għaliex ħsilt ħadt grazzja ma’ xi ħadd u mal-ieħor u l-oħra, għax xewxuni kontrieh u kontrieha, m’għandix demm, u allura ili li poġġejtu u poġġejtha fil-black books tiegħi b’linka li ma titħassarx, hemm ċertu rwejjaħ li jissuperaw bil-bosta l-irwejjaħ tal-għaraq tal-ġisem. U, jekk irridu nkunu ta’ veru u mhux ta’ qabda tpaċpiċ fil-vojt u b’hekk indaħħku partita nies bina, u anki lil brejbes li nħalluh jilgħab bina kif irid, irridu nammettu li aħna wkoll inbatu minnhom dawn l-irwejjaħ. Li ma jidhrux!

Is-sabiħa hi li dawn l-irwejjaħ m’humiex goffi bħal dawk li jiġu mill-għaraq tal-ġisem. Mela mill-persuni li jegħrqu! Ovvjament! U dawn ta’ l-aħħar, jegħrqu daqskemm jaħdmu u mhux jgħidu biss x’għandu isir u mbagħad Alla m’għamilhom! Ma jafux dawn jinħabbu. Jinħakku. Ma jafux jimxu bil-filosofija ħokkli dahri ħa nħokklok tiegħek. Agħmilli l-pjaċir ħa nagħmillek ieħor! Inkella!… Kos hux! U mhux għalhekk sieħbi li dawn dejjem jidhru koroħ! U jpinġuhom, minn wara dahrhom, dinożawri! Għall-bniedem sintendi! Hi x’inhi l-uniformi tiegħu u tagħha tafux! Hijiex dik tas-slaten tal-art jew dik tas-Sultan tas-slaten. Is-sabiħa hi li għall-Mulej huma dawn li se jidħlu fis-Saltna imma l-oħrajn se jkollhom problema kbira ħafna ħafna biex jidħlu! Intant!….

Mela, lura għall-intiena. Semmejt li hawn intejjen tas-seba’ pesti li ma jidhrux! U dawn jidħlu bil-pulit. Bil-prudenza. Imma ħej tal-waħx u tal-biża! Eżattament, tal-infern. Imma bil-pulit. U bl-edukazzjoni wkoll! Irwejjaħ smart! ngħidulhom aħna! U, il-Bibbja, il-Kelma ta’ Alla u l-Kelma tal-Veru Bniedem, titħaddet ħafna fuqhom! U, l-għaliex jiġu mill-ġisem, jiġifieri li jiġu minn rieda li m’hijiex taħt it-treġija tal-Ispirtu s-Santu imma hi mħollija għat-tiranija nfamja ta’ dak li tixxala fih ta’ bniedem u bniedma, dak ta’ denbu twil biha jagħmel festa tal-festi. U jnitten biha l-familji, is-soċjetà, il-kunventi, il-postijiet tax-xogħol, il-postijiet tad-divertiment u ibqa’ semmi, semmi, u … semmi…

Għalikom sinjuri l-intiena tal-intejjen! L-intiena li ma tissaportihiex! L-intiena li tqallagħlek l-istonku tiegħek! L-intiena li tgerrxek! L-intiena li ġġagħlek tgħaddi l-ilment! L-intiena li ma tissaportihiex! L-intiena li tgerfixlek il-wires! L-intiena li ma tħallikx tirraġuna! L-intiena li ma tħallikx tara! L-intiena li ġġagħlek titlifha! L-intiena li trid tara fejn se tagħti rasek biex taħrab minnha! Għalikom sinjuri l-intiena tal-intejjen! … Iż-żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn (Gal 5:19-21).

Din hi l-intiena vera! L-intiena tal-intejjen! Hi din l-intiena li għandna niġġieldu! Hi din it-tip ta’ ntiena li m’għandniex nittoleraw qatt u qatt bejnietna! L-intiena taż-żina. Li npaxxi lill-ġismi bla rażan. U mort ma’ min mort u ejja ħa mmorru. Puff x’intiena! L-intiena li moħħi dejjem jaħseb fuq l-istess ħaġa. U nara persuna għal dak li se tagħtini sesswalment u xejn aktar. Puff x’intiena! L-intiena li jien bla kontroll. Li persuna u oġġett nagħmilhom tiegħi akkost ta’ kollox. Puff x’intiena! L-intiena li jiena għall-flus u l-għana ta’ din l-art lest li nagħti ruħi lix-xitan. Puff x’intiena! L-intiena li jien niġri għand is-sħaħar ħa naqra l-futur. U, minflok li nħalli lil Ġesù jaqrali ruħi jien immur għand bniedem u bniedma bħali biex iħabbruli x’ħa jiġrili u hekk ninfetaħ u niftaħ lill-familja tiegħi għas-saħtiet kollha tax-xitan. Puff x’intiena! L-intiena li aqta’ kemm nobgħod u l-kelma maħfra ma nafx x’inhi. Puff x’intiena! L-intiena li jien gwerra ma’ kulħadd. Issa ma’ dak, dik u dawk. U dejjem nara ma’ min naqbad għax għandi xi jħabbattni. Puff x’intiena! L-intiena li jien dejjem irrabjat u irrabjata. Tant li minn persuna ferħana aqta’ kemm nibża’ minnha! U niġri fir-rokna sakemm nibbies! Bir-rabja li għandi tbaqbaq bija! Puff x’intiena! L-intiena li l-ambizzjoni li nsir xi ħaġa, hux fid-dinja ta’ Ċesari inkella dik ta’ Alla, tagħmilni crusher għax insir bla qalb u bla ħniena. Puff x’intiena! L-intiena li moħħi biex inħobb u naqdi mill-koxxa lil tal-klikka u niġi naqa’ u nqum minn ħuti l-oħra li qed ibatu tbatija tal-biża’. U li jien suppost qed nieħu ħsiebhom. Imma nagħżel li ma nagħtix kashom. Għax dawk m’humiex parti mill-klikka tiegħi. Puff x’intiena! L-intiena li nisker minn filgħodu sa filgħaxija. Akkost li kissirt familja u xebgħa relazzjonijiet sbieħ li kelli ta’ ħbiberija. Puff x’intiena! L-intiena li għalija, la llum qed ngħix, niddeverti mhux bħan-nies imma bħal ħnieżer. U hekk inħażżer miegħi lil dawk li mingħalija qed nagħtihom gost. Puff x’intiena!

Min jinten b’din l-intiena kollha? Ilkoll! Min jaħdem fix-xemx u min taħt l-aircondition u tih jikkundanna bla għarfien ta’ xejn lil min jitgħabba bil-piż tal-jum u s-sħana (ara Mt 20:12). U mhux għalhekk dawk li jagħmlu plejtu fuq l-irwejjaħ tal-għaraq ta’ ħaddieħor se jkollhom problema kbira quddiem is-Sultan! Għax lilhom is-Sid żgur se jgħidilhom: Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Jew kif tmur tgħid lil ħuk, ‘Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek,’ meta inti stess f’għajnek għandek travu? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk! (Mt 7:3-5).

Sur, sinjora, Mr, Miss, Dun, Patri, Bro. Dr., Mons, Onorevoli, Profs, u int min int, neħħi l-intiena tiegħek li ma tidhirx u li biha qed timpesta kull fejn tmur imbagħad għaraf neħħi t-tibna tal-intiena ta’ ħuk jew otħok li jegħrqu l-għaraq tal-ġisem! Għax l-għaraq ta’ dawn iż-żgħar li jaħdmu, u li m’għandux sajf u xitwa, hu l-istess għaraq ta’ Ġesù li għereq meta tela’ fuq il-muntanja Tabor. Kien dan l-għaraq ta’ tbatija ta’ xi ħadd li jħobb għax aqta’ kemm iservi! li biddel lil Ġesù għall-glorja fuq il-muntanja mqaddsa! Għaraq li kien jegħrqu kemm fl-eqqel tas-sajf u anki fl-eqqel tax-xitwa!

Spirtu s-Santu, agħtini doċċa friska u agħmilli d-deodrant tiegħek ħi tal-imħabba, tal-hena, tas-sliem, tas-sabar, tal-ħniena, tat-tjieba, tal-fidi, tal-ħlewwa, tar-rażan, tas-safa u tal-maħfra. Amen!

Għall-erwieħ Mulej! Kif issa fewwaħtilna kull m’hawn jaħasra!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.