Clown jew Buffu? Forsi clown hi iktar pulita minn buffu, għax fil-Malti buffu għandha konnotazzjoni li ma tirriflettix is-simpatija li ġġib f’moħħna l-kelma clown. B’hekk, f’din ir-riflessjoni se nqisu lill-buffu bħala persuna mill-iktar simpatika, kif tassew hu.
Il-buffu hu rifless tal-kundizzjoni umana, fit-totalita’ tagħha. La hu raġel u lanqas mara. Mhuwiex biss personaġġ tat-tijatru; mhuwiex biss wieħed minn dawk il-buffi li naraw fit-toroq tagħna. Il-maskra tal-buffu tiġbor fiha l-maskri li jilbsu n-nies fil-ħajja ta’ kuljum. Il-buffu jidħol fil-persuni kollha li, għalkemm ma jilbsux bħalu, ma jinżebgħux bħalu u ma jiċċaqilqux bħalu, jistgħu jirriflettu lill-buffu u jgħidu għalihom: ecce homo, “dan hu l-bniedem”, “dan hu jien.”
Il-buffu tal-Miserere! Fil-kapolavur ta’ George Rouault, Miserere (Ħenn għalina), li hu serje ta’ 58 pitturi li Rouault beda fl-1912 u temm fl-1927 dwar il-moħqrija li l-bniedem jagħmel lill-bniedem u dwar il-frugħa tal-gwerra, fost l-uċuħ ta’ Kristu hemm dak ta’ buffu żgħażugh, b’caption li tgħid: “Min qatt ma libes maskra?”
Dan ix-xogħol hu sintesi ta’ arti kbira, ta’ Kristu u tal-buffu. Rouault kien iħobb il-buffi u kien jidentifika lilu nnifsu magħhom. Kien il-gost tiegħu li jiltaqa’ ma’ xi buffu u jikteb dwaru. Il-buffi li penġa Rouault huma ritratt tiegħu nnifsu.
Il-buffu jilħaq lill-bniedem fis-sofferenza kif ukoll fil-miżerja tiegħu. Fil-fatt, waqt li nidħqu bil-buffu, inkunu qed nidħqu bina nfusna. Il-miżerji li jolqtu lill-buffu huma l-istess miżerji tagħna. Meta jċappsulu l-krema ta’ kejk ma’ wiċċu, meta jagħtuh daqqa ta’ sieq fuq wara, jew meta l-buffu jistabat mal-art, inkunu aħna li qed naqilgħu dawk id-daqqiet. Kemm-il darba l-buffu jiltaqa’ mal-bqija tal-bnedmin fil-faqar tagħhom, fid-diżappunti tagħhom, fil-waqgħat tagħhom. L-istess bħal Ġesu’ fil-Passjoni tiegħu, li qabel ma ħaduh għall-mewt, waqqgħuh għaż-żebliħ, mgħotti b’mantar aħmar u b’kuruna tax-xewk fuq rasu.
U bħalma l-buffu jnissel il-ferħ fl-oħrajn, hekk Ġesu’ ġab il-ferħ lill-bnedmin. Kemm-il darba Ġesu’ jsemmi “Imberkin” fis-sens ta’ “għandkom għaliex tifirħu” (eż. fil-barkiet, Lq 6, 21-22). Kemm-il darba Ġesu’ jsemmi l-’festa’, okkażjoni ta’ ferħ, biss biss sitt darbiet fit-tixbihat tan-nagħġa u tad-dramma l-mitlufa u tal-iben il-ħali. Bħall-buffu li hu raġġ ta’ tama f’dinja, xi drabi serja żżejjed bla bżonn u b’moħħ ir-riħ fejn għandha tkun serja, Ġesu’ jnissel it-tama. Fil-fatt, it-tema tal-Miserere ta’ Rouault, li semmejna iktar ‘il fuq, mhix ħaġa oħra ħlief it-tama.
Il-buffu jdaħħak f’waqtu. Il-buffu hu sensittiv, u ma jdaħħaqx meta mhux f’waqtu. Għax mhux faċli li wieħed jibqa’, kif jgħidu l-Ingliżi, b’sense of humour, f’waqtiet diffiċli. Dan minkejja li ċ-ċajt tal-buffu hu magħmul minn bluha, minn dgħufija, minn faqar u minn sofferenza bħal dawk tal-persuna li qed jipprova jferraħ. Quddiem is-sofferenza, meta din tmiss fil-fond, wieħed ma jidħaqx. Jekk il-buffi jmorru jżuru l-morda fl-isptar, tkun biċċa delikata ħafna għalihom. Imma jafu jkunu daqshekk intelliġenti li wkoll hemmhekk iferrħu lill-batut. Il-buffu jista’ jiftaħ lill-bniedem għat-tama. Ħaddieħor mhux aċċettat li jiċċajta f’waqtiet diffiċli. Il-buffu jipprova, bi prudenza, għax jaf li min jingħalaq fit-tbatija u d-dwejjaq tiegħu, faċli jaqta’ qalbu mill-ħajja u jżid il-miżerja tiegħu. Il-ftuħ li joffri l-buffu hu ta’ valur li oħrajn ma jistgħux joffruh għax il-buffu hu aċċettat kif inhu.
Jekk inwarrbu d-daħq u l-ferħ anke minn sitwazzjoni ta’ mard u tbatija, inkunu qed nagħmlu ekonomija mis-salib. Imma ma jridx ikun talb ta’ tifħir li jinjora n-naħa traġika tal-bniedem. Talb li jevita li jħares wicc imbwicc lejn il-ħazen u lejn it-tbatija, ma fihx sens, u lanqas hu ġust li wieħed jitlob hekk f’sitwazzjonijiet diffiċli. Diffiċli biex it-talb ta’ tifħir jgħix mat-tbatija. Imma l-buffu kapaċi jagħmel dan, kif Ġesu’ kien kapaċi jitlob b’tifħir lill-Missier: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, li żammejt dawn il-ħwejjeġ moħbija lill-għorrief u lid-dehnin u għarrafthom liż-żgħar. Iva, Missier, għax hekk għoġbok.” (Lq 10, 21) U hawnhekk ma narawx riferenza għall-buffu, iż-‘żgħir’, is-‘sempliċi’?
Id-daħk li jqajjem il-buffu mhuwiex vulgari, għax kieku ma jkollux lit-tfal bħala l-ispettaturi privileġġjati tiegħu. Mela biex nidħlu fiċ-ċirku tal-buffu, irridu nisimgħu l-parir ta’ Ġesu: “Jekk ma terġgħux issiru bħal tfal żgħar, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet.” (Mt 18, 3)
Il-buffu hu t-tifel fis-sens Evanġeliku. Dan it-‘tifel’ idaħħalna fil-misteru taċ-‘ċokon’ ta’ Kristu. Hu jneħħi l-qxur kollha tal- kburija u tal-apparenzi li nistgħu nxiddu. Il-buffu jistedinna biex nieħdu distanza minna nfusna u minn dak li jiċċirkonda l-ħajja tagħna. Iġibna f’sensina u jgħidilna li aħna serji wisq għax qed nieħdu l-affarijiet b’serjeta’ iktar milli jixirqilhom. Ġieli ma nagħmlux distinzjoni f’dak li hu serju u dak li mhux, li huwa s-sintomu tal-Fariżej.
Il-kundizzjoni umana li jippreżentalna l-buffu hi dik li ġiet magħżula minn Kristu u li baqgħet miegħu sal-mewt tiegħu. Hi ħaġa straordinarja li minn buffu tgħaddi għal Kristu. Imma kemm hu importanti li nagħmlu dan. Il-buffu hu ħieles u xi drabi jagħmel il-gabrijoli. Għandu liberta’ f’imġibtu, li hi ta’ dawk li jħallu lilhom infushom jiġu mmexxija mill-Ispirtu. F’dan is-sens li l-liberta tal-buffu hi l-liberta’ ta’ Kristu. Id-daħq hu triq ta’ liberta’; li timxi ma’ Kristu, bħad-dixxipli ta’ Emmaws, li fit-triq tiskopri tagħrif u għerf, u taddotta l-arti ta’ kif tgħix. Il-buffu bid-daħk tiegħu jagħmel parti minn dan l-għerf. Li tidħaq bik innifsek, bil-kundizzjoni umana tiegħek, mill-miżerja ta’ midneb, din tista’ tkun attitudni spiritwali. Forsi fl-ambjenti tagħna, anke bħala Knisja, irridu nimxu ‘l quddiem biex nieħdu lilna nfusna b’inqas serjeta’.
Li tidħaq fit-talb! Huwa t-talb li jdaħħalna f’din il-liberta’ u jgħinna nsibu t-triq ta’ ħeffa interjuri bħal dik tal-buffu. Il-buffu jidher goff, imma jaf ikun ħafif ukoll. It-talb jgħin ukoll biex napprofondixxu fina l-misteru tal-Inkarnazzjoni u nħaffu t-triq li twassalna lejn Ġesu’; Ġesu’ li kellu qalb ‘ħafifa’, qalb li tidħaq. Għalina mhuwiex l-aqwa li nemmnu f’Alla, għax fir-reliġjonijiet kollha, anke mhux Insara, in-nies jemmnu f’Alla! Bħala Nsara rridu nsegwu lil Kristu, li hu fil-qalba tal-fidi tagħna. Bih li l-Kelma saret laħam. Miegħu, is-sema niżlet fil-livell tal-art. Jekk inwarrbu l-fatt li aħna bnedmin tad-demm u l-laħam, inkunu nwarrbu lil Kristu, li ħa s-sura tagħna. Meta l-kundizzjoni umana tagħna tkun mgħejxa bl-imħabba, allura dan jagħtina l-ferħ. Allura nidħqu. Mhux dan li jagħmel il-buffu?
Ġieli tlabna lil Alla jagħtina d-don tad-daħq u taċ-ċajt? Dan jeħlisna mit-tensjonijiet, jisdrammatizza sitwazjonijiet diffiċli, lill-problemi żgħar ta’ kuljum iħallihom fil-qies tagħhom, ma jkabbarhomx. Billi t-talb hu fl-istess ħin att ta’ umilta’ u ta’ mħabba, huwa sors ta’ ferħ. X’jimporta jekk lil xiħadd iħares ċass lejn Ġesu’ Ewkaristija jaħsbuh iblah? Forsi jkun qed iħalli lil Ġesu’ jħares lejh. Fit-talb tagħna għandna nħallu lil Ġesu’, bil-kunfidenza kollha, joqgħod iħares lejna. U dan iserrħilna moħħna, kif tgħid għanja li ttenni: “Tibżax, ħalli lil Kristu jħares lejk!”
Għalkemm fl-istampi ma jidhirx hekk, il-Kurat ta’ Ars, JeanMarie Vianney, kien jiċċajta wkoll. Dan għax kien tassew umli, u ċ-ċajt hu wieħed mill-frottiet tal-umilta’. Jgħid: “Aħna niswew daqs kemm niswew quddiem Alla, xejn iżjed!” Ġwanni XXIII, magħruf għall-battuti tiegħu, kien jgħid: “U wara kollox, jien ma jien xejn ħlief Papa!”
Yves Patenoitre hu Isqof, li fil-preżent hu fid-djoċesi ta’ Troyes, fi Franza. Meta kien żgħir il-ġenituri tiegħu għaddewlu attitudni ta’ gost fil-ħajja. Kien imsaħħar mill-buffi u kien iferraħ ‘l oħrajn billi jagħmilha ta’ buffu. Skopra l-vokazzjoni tiegħu meta kien Lourdes, ħalla d-drama u l-Liġi u sar saċerdot fl-1965. L-Isqof Patenoitre jgħid li filwaqt li hu suċċessur tal-appostli, irid ikun xhud tat-tenerezza u tas-sens ta’ ferħ ta’ Alla. Jgħid ukoll li Ġesu’ jistedinna biex napprofondixxu l-umanita’ tagħna u li ċ-ċajt u d-daħq jagħmilna iktar umani.
Ma rridux ninsew lil San Ġorġ Preca li bħala seminarista ħalla ż-żgħażagħ tal-għalqa ta’ Luċtu jiħduh biċ-ċajt waqt li jkellimhom fuq ħwejjeġ serji, anzi jisuttawh bil-biċċiet tas-siġaretti jaqbdu fid-dlam. U bħala qassis, b’suttana tkaxkar mal-art, jimbotta karretta biż-żibel kif ordnalu tifel, jitbaxxa biex irewwah kenur li tifla ma setgħetx tqabbad, jew dieħel il-belt fuq in-naħa ta’ wara ta’ karettun biż-żiemel.
Jekk m’aħniex se nidħqu u ndaħħqu bħall-buffu, u wkoll nidħqu bina stess, il-Mulej innifsu se jkun li jidħaq bin-nuqqas ta’ sense of humour tagħna.
MHUX NIEQSA MIĊ-ĊAJT
(Talba ta’ Philippe Warnier)
Mulej, li int imħabba,
xi drabi ismek idoqq bi tbissima.
Meta inti tgħarraf ħwejjeg kbar liċ-ċkejknin
u taħbihom mill-għorrief u mill-b’saħħithom,
l-imħabba tiegħek mhix nieqsa miċ-ċajt.
Meta inti tidher taħt il-bixra ta’ vjaġġatur
u tħalli l-mejda bla kliem u bla sliem,
l-imħabba tiegħek mhix nieqsa miċ-ċajt.
Meta inti tiġik ħniena mis-Samaritan, midneb għal xi wħud,
waqt li l-qassisin tiegħek jibqgħu għaddejjin fi triqthom,
l-imħabba tiegħek mhix nieqsa miċ-ċajt.
Meta inti ma tismax it-talbiet tagħna
u tisma’ dawk li aħna ma tlabniex,
l-imħabba tiegħek mhix nieqsa miċ-ċajt.
Iva, Mulej, inti l-imħabba,
u t-bissima tal-imħabba tiegħek, tidher fiċ-ċajt tiegħek!!
Minn Joseph Galea