Il-ġrajjiet li minnhom għaddejja l-Knisja Nisranija qed inisslu dubji fost ħafna li l-Knisja hi miexja lejn żminijiet li fihom se tispiċċa fix-xejn, jew li għalkemm tibqa’ teżisti, se titlef l-iskop tagħha. Jibqgħu is-simboli, il-knejjes sbieħ, it-tifkiriet tal-imgħoddi, imma mingħajr ruħ. Il-biżgħa dwar il-futur tal-Knisja ħa l-post tas-sigurtà li kellhom dawk ta’ żminijiet oħra; sigurtà mibnija fuq kliem Kristu li l-Knisja se tibqa’ sal-aħħar taż-żminijiet.
Għaliex id-dubju?
Dan id-dubju nibet minn sinjali li jagħtu xi ftit tar-raġun lil min qed jibża’ għall-futur tal-Knisja. Membri għolja tal-knisja, f’xi każi, ma weġbux b’ubbidjenza għall-awtorità tal-Knisja fil-persuna tal-Papa. Kull meta tinqala’ polemika ta’ duttrina jew dwar tibdil ieħor, il-Knisja qed tweġġa’ b’mod li jinkwieta lil min għandu l-Knisja għal qalbu. Il-poplu Nisrani m’għadux iwieġeb b’rispett bħal fl-imgħoddi u dan għax ħafna qed jgħixu fi spiritwalità medjokri. Dawk li mhumiex fil-knisja m’għadhomx jagħrfu lill-Insara minn kemm jinħabbu bejniethom. Nafu li l-Knisja kienet tikber meta l-pagani jaraw fiha komunità li ta’ min jissieħeb fiha.
Illum inħossu li l-Knisja qed taħdem f’dinja fejn naqas is-sens ta’ Alla u fejn it-taqlib politiku, il-ġenn għad-divertiment u l-idolatrija għall-flus, jaljenaw minn dak li hu spiritwali u li jitlob obbligi u ċaħdiet. F’artijiet fejn il-Knisja kellha Insara ġodda, fejn missjunarji ħadmu għal snin twal, il-movimenti ta’ nazzjonaliżmu warrbu l-valuri tal-Vanġelu u qiesu lill-Knisja bħala l-ispalla ta’ min kien ħakem lil arthom. Żdiedu b’ mod allarmanti t-tkeċċijiet ta’ membri tal-Knisja f’pajjiżi fejn qabel kienet aċċettata u fejn kienet qed tespandi.
Dawn l-avvenimenti ma jawgurawx futur sabiħ għall-Knisja. Però, l-għoxrin sekli li fihom baqgħet miexja, minkejja t-taqlib u l-inkwiet, huma sinjal li l-Knisja mhix riesqa lejn tmiemha. Il-Knisja hi mibnija fuq il-fidi f’Ġesù, fidi li hu kebbes fl-Appostli u li dawn għaddew lil ta’ warajhom. Hija l-fidi li trid tmexxi l-Knisja, il-fidi li tirbah fuq id-dubji, meta wieħed jifhem li Alla ma jħarisx lejn il-futur bħalma nħarsu aħna. Min jemmen fil-Knisja, jemmen fil-futur tagħha. Għax bi Knisja ma nifhmux l-istrutturi li naraw jinbidlu fiha, id-dixxiplini li tneħħi jew l-iżbalji li ġieli jsiru mill-membri fi ħdanha.
Minkejja l-paġni suwed fl-istorja tal-Knisja, baqgħu jitwieldu Nsara ġodda, li taħt il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, għexu bħala ċelluli f’ħaga ħajja; u l-Knisja hi ħajja.
Id-dubji joħorġu wkoll mill-urġenza ta’ xi wħud li jridu l-Knisja tikber malajr, fi żmienhom, tant huma inkwtati bil-futur tagħha. L-Appostli wkoll riedu li s-saltna t’Alla tiġi f’qasir żmien. Għalhekk li d-dubji tal-lum huma d-dubji tal-Appostli, li kienu dubji li għebu mal-fidi li Ġesù saħħaħ fl-Appostli. Lanqas il-persekuzzjoni ma qatgħetilhom qalbhom. Illum qed inħarsu lejn il-futur bħalma ħarset il-Knisja fi twelidha, meta kellha dik il-biċċa xogħol iebsa biex tinqata’ mir-religjon Lhudija. Wara dan ġiet imġiegħla tinħeba fil-katakombi u tgħaddi perjodi ta’ klandestinità. Il-Knisja baqgħet tittama fil-futur meta ntrabtet ma’ gverijiet u kellha titqabad mas-setgħa temporali. L-istorja tal-Knisja kienet prova li għaddiet minnha. U ladarba żammet sal-lum, għax m’għandhiex tibqa miexja lejn l-iskop tagħha, lejn il-milja tagħha?
Il-Knisja fil-ħsieb ta’ Alla
Il-Knisja hi l-mod kif Alla ħadem fl-istorja l-pjan tas-salvazzjoni. Għandha bidu fl-istorja; bdiet fiż-żmien. Kien Alla li oriġinaha meta f’Adam ra simbolu ta’ komunità. Sa mill-bidu, Alla indirizza ruħu lill-bniedem bħala ħafna u mhux bħala bniedem wieħed. Jekk il-Bibbja ssemmi individwi bħal Abraham u Mosè, dawn kienu jirrappreżentaw il-poplu kollu. Ma’ Adam, Abraham u Mosè kien hemm marbuta d-dinja ta’ żmienhom. ‘Il quddiem, it-tribujiet Lhudin ingħaqdu f’poplu li jemmen f’Alla, b’mod li kellhom eperjenza aktar qrib ta’ Alla. Mal-poplu Lhudi Alla għamel patt ta’ ħbiberija, li wassal biex imbagħad jiltaqa’ mal-bniedem permezz ta’ Ġesù. Alla ddjaloga mal-bniedem permezz tal-Kelma tiegħu, li ġabet bidla kbira. Kristu għallem li hu ż-żmien tal-inawgurazzjoni tas-saltna ta’ Alla, kif stieden Ġwanni l-Battista: “Indmu għax is-saltna tas-smewwiet waslet.” Wara li arrestaw lil Ġwanni l-Battista, Ġesù mar il-Galilija jxandar il-bxara t-tajba: “Iż-żmien hu mitmum u s-saltna ta’ Alla waslet”. (Mk 1,15)
Il-miġja ta’ Ġesù fid-dinja qasmet il-barrieri li kienu hemm qabel bejn il-Lhud u l-popli l-oħra. Ġesù miet għad-dinja kollha, biex kulħadd ikollu wirt mill-qdusija ta’ Alla. Il-poplu qaddis, li hu l-Knisja, kellu jkun magħmul minn kull parti tad-dinja: “Wara dan ħarist u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribu, minn kull poplu u lsien weqfin quddiem it-tron tal-ħaruf lebsin ilbiesi twal bojod u bil-frieghi tal-palm f’idejhom.” (Apok 7, 9). “U ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u sliem lil dawk li kienu fil-qrib.” (Ef 2, 17)
Ġesù ħadem biex il-poplu ta’ Alla jaqbeż il-fruntieri tiegħu u jsir Knisja b’nies mid-dinja kollha, għax il-Knisja kellha tkun indipendenti minn kull fattur uman waqt li tirrispetta l- kulturi differenti tal-ġnus: “Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta’ kulħadd u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu. Għax kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva. Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg. Alla hu sid kulħadd. Hu għani ma dawk kollha li jsejħulu.” (Rum 10, 13 u 14) Bi Kristu, minn poplu marbut ma’ art waħda, bdiet il-Knisja, magħmula wkoll minn dawk li l-Lhud kienu jqisuhom għedewwa. Il-Bibbja turina kif il-Lhud talbu lil Alla biex jumilja l-popli l-oħra u jqegħidhom bħala mirfes għal riglejhom. L-oħrajn kienu pagani u għalhekk mhumiex tajbin għas-saltna ta’ Alla. Ġesù biddel din il-mentalità meta ndiehes ma’ dawk li skont il-Lhud ma setgħux jirtu s-saltna ta’ Alla, meta bierek lill-għedewwa u talab għal saltna spiritwali. Wera li kulhadd hu msejjaħ għas-saltna ta’ Alla: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut.” (Lq 4, 44). Dan qalu meta n-nies ma riduhx jiċċaqlaq minn ħdejhom. B’Ġesù, il-poplu t’Alla ħa karattru universali: “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda u ragħaj wieħed.” (Ġw 10, 16)
Ir-raġun tat-tama fil-futur tal-Knisja
Niltaqgħu mal-kelma ‘eskatologija’, ħierġa mill-kelma ‘ta escatha’, li tfsser l-aħħar ħwejjeġ. L-eskatoloġija hi l-istudju dwar l-aħħar ħwejjeg li minnhom se tgħaddi d-dinja u l-bniedem. Minbarra l-eskatoloġija tal-bniedem u tad-dinja, hemm l-eskatologija tal-Knisja, jew x’se jsir mill-poplu ta’ Alla. Kif bdiet il-Knisja, nafu. Ġesù spjega li din hi żerriegħa li għad tikber. Fiż-żerriegħa diġà hemm dak li għad jikber. Din is-saltna ta’ Alla, jew is-saltna tas-sema, hi msemmija għal mija u ħamsa u ħamsin darba fit-Testment il-Ġdid. Ġesù qal li s-saltna għad tasal fil-glorja tagħha.
Il-Knisja tħares lejn is-sema, fejn se tkun komunità mwiegħda li tgħix fil-glorja. Din tkun perfetta meta tingħarbel fil-ġudizzju. Illum għadha fi triqtha. Hi s-saltna ta’ Alla fuq l-art, miexja f’misteru ta’ fidi. Il-Knisja t’issa hi parti mis-saltna tas-sema lura għand il-Missier. Hi l-poplu f’pellegrinaġġ fi triq lejn l-art imwiegħda li Alla se juriha. Mhijiex poplu rebbieħ digà; għad ma waslitx fl-art imwiegħda. Il-Knisja tasal meta l-missjoni tagħha hi magħrufa mad-dinja kollha. Il-pjan ta’ Alla hu li jiġbor fiha lill-umanità. Skont il-‘Lumen Gentium’, it-tajbin, ibda minn Abel, ir-raġel ġust, sal-aħħar bniedem tajjeb. jinġabru mal-Missier fil-Knisja universali. Dan hu l-misteru, jew il pjan sigriet ta’ Alla: “Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel u li kellu jseħħ meta tasal il milja taż-żminijiet, jiġifieri li kollox jinġabar taħt ras waħda, li hu Kristu; kulma hu fl-art u kulma hu fis-sema.” (Efes 1, 9)
Il-futur tal-Knisja hu misteru. San Pawl kellu l-ħila jħares ‘lil hemm mill-oħrajn u jaħseb fl-oriġini. Il-Knisja ma kellhiex tibqa’ komunità magħluqa, anzi trid tikber waqt li tibqa’ marbuta ma’ Kristu. Il-Knisja tħares ‘il quddiem b’tama, ukoll waqt il persekuzzjoni, dejjem tilmaħ il-belt imqaddsa li hemm fl-Apokalissi u lil Ġerusalemm il-ġdida. L-Apokalissi, li jsemmi dawn it tixbieh, huwa l-ktieb tat-tama Nisranija.
Il-Knisja, mibnija fuq Kristu, imwettqa bl-Ispirtu s-Santu, hi fdata f’idejn il-bnedmin. Hi tintrefa ’l fuq mill-firdiet u mill-politika tal-ġnus u taddatta ruħha skont il-post fejn tkun, għax trid tiġbor fiha l-popli kollha. Il-poplu l-ġdid ta’ Alla jrid jaqbeż il-kwadru ta’ art waħda bħal ma kien dak qadim, il-Lhud, u jinfetah għall-umanità kollha. Dak li qabel Alla qal għal-Lhud jiġi trasferit għall-Knisja: “Intom tkunu l-poplu tiegħi u jien inkun Alla tagħkom.” (Eżek 36, 28) Bħalma l-poplu l-qadim kellu esperjezna ta’ Alla, hekk il-Knisja tiġi mmexxija minn Alla sakemm tgħaddi għall-mistrieħ imwiegħed. Tħalli l-Babilonja, l-art tal-jasar, u tinġabar f’Ġerusalemm, il-belt fejn jgħammar Alla.
Sadattant il-Knisja tibqa’ b’riġlejha fl-art. L-istorja tagħha tibqa’ titħallat mal-istorja tad-dinja. Hi l-poplu ta’ Alla bl-għeruq fl-istorja. Hi għaddejja minn trasformazzjoni kontinwa, u għaliex hi ħajja trid tinbidel minn żmien għal żmien. Meta wieħed jifhem li l-Knisja hi xogħol Alla, titrabba fih it-tama. Imma l-futur tal-Knisja jkun sabiħ jekk l-Insara jieħdu t-twemmin tagħhom bħala ħaġa personali, billi jkunu xhieda tal-Knisja fil-ħajja. Ir-rebħa tal-aħħar li se jkollha l-Knisja tistrieh fuq il-fatt li n-Nisrani għandu tama qawwija, dik it-tama li hi Kristu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!” (Lq 12, 32). Il-Knisja hi l-barka, li d-dinja għandha bżonn. Bir-raġun li l-Bibbja, bl-aħħar kliem tal-Apokalissi, tispiċċa hekk: “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù tkun ma’ kulħadd! Ammen.” (Apok 22, 21)
Kitba ta’ Joe Galea