Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Marija Fawstina Kowalska


Fil-5 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil Santa Marija Fawstina Kowalska, Verġni u Appostlu tal-Ħniena Divina,  li għexet bejn is-snin 1905 sa 1938.

Santa Marija Fawstina Kowalska, magħrufa llum fid-dinja kollha bħala ‘l-Appostlu tal-Ħniena Divina,’ hija meqjusa mit-teoloġi bħala waħda mill-mistiċi kbar tal-Knisja.

Hija kienet it-tielet wild minn għaxra mweldin ġo familja kampanjola, fqira u reliġjuża fi Glogowiec, raħal fil-qalba tal-Polonja. Fawstina ġiet mgħammda fil-Knisja parrokkjali qrib Swinice, Warckie, u ngħatat l-isem ta’ Helena. Sa minn tfulitha fiha spikkaw it-tjubija, l-imħabba għat-talb, il-bżulija u l-ubbidjenza; kif ukoll is-sensittività kbira li hi kellha għall-miżerja umana. Bilkemm laħqet għamlet tliet snin ta’ skola, għax fl-età ta’ erbatax-il sena telqet mid-dar sabiex tgħin lill-ġenituri tagħha u taqla’ l-għejxien tagħha bħala qaddejja fil-bliet ta’ Aleksandrow u Lodz li jinsabu fil-qrib.

Meta kellha biss seba’ snin (sentejn qabel l-ewwel Tqarbina tagħha) Helena kienet diġà qiegħda tħoss ġewwa ruħha s-sejħa għall-ħajja reliġjuża.

Meta iktar tard qalet lill-ġenituri tagħha b’din ix-xewqa, bil-qawwa kollha huma ma ridux iħalluha tingħalaq f’kunvent. Minħabba din is-sitwazzjoni, Helena għamlet li setgħet biex twarrab din is-sejħa divina. Imma wara dehra ta’ Kristu jbati, Hu ċanfarha b’dal-kliem: Kemm ser indum nissaportik u kemm ser iddum tgħidli le? (Djarju, 9) u bdiet tfittex kunvent fejn setgħet tidħol.

Ħabbtet ħafna bibien ta’ kunventi, imma ħadd ma laqgħaha. Fl-aħħar nhar l-1 ta’ Awwissu 1925, Helena daħlet fil-kunvent tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena fi Triq Zytnia ġo Varsavja. Fid-Djarju tagħha, hija kitbet: “Deherli li kont dħalt fil-ħajja tal-Ġenna. Kien hemm talba waħda ħierġa bil-qawwa kollha minn qalbi, talba ta’ radd il-ħajr.” (Djarju, 17)

Madanakollu, wara ftit ġimgħat kellha tentazzjoni kbira li tmur f’kongregazzjoni oħra fejn ikollhom iktar ħin għat-talb. Kien f’dan il-waqt li l-Mulej Ġesù wrieha wiċċu midrub mimli tbatija u qalilha: ‘Ser tkun int li tikkaġunali dan l-uġigħ jekk inti tħalli dan il-kunvent. Jiena għal hawn sejjaħtlek u għal imkien iżjed; u Jiena ħejjejt ħafna grazzji għalik. ‘(Djarju, 19)

Meta daħlet fil-Kongregazzjoni, Helena irċeviet l-isem ta’ Swor Fawstina. Hija għamlet in-novizzjat tagħha fi Krakovja, u hemmhekk fil-preżenza tal-Isqof Stanislaus Rospond, ħadet l-ewwel voti reliġjużi tagħha. Ħames snin wara għamlet il-professjoni tal-voti perpetwi tal-kastità, faqar u ubbidjenza. Għalkemm ingħatat xogħol f’xi wħud mid-djar tal-Kongregazzjoni tagħha, għaddiet żmien itwal fid-djar ta’ Krakovja, Plock u Vilnius, fejn wettqet id-dmirijiet ta’ koka, ġardinara u purtinara.

Minn barra ma kien hemm xejn x’juri l-ħajja mistika tagħha tal-għaġeb u mimlija għana. Hija kienet twettaq id-dmirijiet tagħha b’ħeġġa kbira, kienet tosserva bil-fedeltà r-regoli kollha tal-ħajja reliġjuża, kienet iżżomm il-ġabra u s-skiet, fil-waqt li l-ħin kollu kienet iġġib ruħha b’mod naturali, dejjem burdata tajba, ta’ qalbha tajba u mimlija mħabba li ma tfittixx li hu tagħha mal-proxxmu.

Ħajjitha kollha kienet mibnija fuq sforz kontinwu għal għaqda dejjem iktar sħiħa ma’ Alla waqt li tikkopera ma’ Ġesù b’għadd ta’ sagrifiċċji fil-ħidma tas-salvazzjoni tal-erwieħ. Hija stqarret fid-Djarju tagħha, ‘Ġesù tiegħi, Inti taf li, sa minn ċkuniti, jiena ridt insir qaddisa kbira, jiġifieri, jiena ridt inħobbok bi mħabba hekk kbira li ma jkun hemm ħadd iżjed li jkun ħabbek daqshekk s’issa.’ (Djarju, 1372)

Huwa d-Djarju tagħha li jikxfilna l-profondità tal-ħajja spiritwali tagħha. Jekk naqraw dawn il-pitazzi b’attenzjoni, ikollna stampa tal-ogħla grad tal-għaqda tar-ruħ tagħha ma’ Alla: kemm Alla fittex li jżomm kumpanija lir-ruħ tagħha, kif ukoll l-isforzi u t-taqbid tagħha fit-triq lejn il-perfezzjoni Nisranija. Il-Mulej taha grazzji kbar: id-don tal-kontemplazzjoni, b’għerf profond tal-misteru tal-ħniena ta’ Alla; dehriet; rivelazzjonijiet; il-pjagi moħbijin; id-don tal-profezija u li taqra l-erwieħ, kif ukoll id-don mhux komuni taż-żwieġ mistiku. Għalkemm kellha din l-abbundanza ta’ doni, kitbet hekk: ‘La grazzji, la rivelazzjonijiet, la estasi, lanqas id-doni mogħtija lir-ruħ ma jagħmluha perfetta, imma aktar il-għaqda intima tar-ruħ ma’ Alla … Il-qdusija u l-perfezzjoni tiegħi huma bbażati fuq l-għaqda intima tar-rieda tiegħi mar-rieda ta’ Alla.’ (Djarju, 1107)

L-istil awster ta’ ħajjitha flimkien mas-sawm li kien jgħejjiha, li hi kienet ħadet fuqha nnifisha wkoll qabel ma ngħaqdet mal-Kongregazzjoni, tant neħħewlha s-saħħa minn ġisimha li meta kienet għadha postulanta kien meħtieġ li jibagħtuha Skolimow qrib Varsavja sabiex tkun tista’ terġa’ tieħu saħħitha. Qrib it-tmiem tal-ewwel sena tan-novizzjat tagħha, kellha esperjenzi mistiċi li ġabulha uġigħ mhux tas-soltu ta’ dak li jsejħulu l-lejl mudlam (tar-ruħ), u iktar tard kellha tbatijiet spiritwali u morali li kellhom x’jaqsmu mat-twettiq tal-missjoni li hija kienet qiegħda tirċievi mingħand il-Mulej Ġesù. Swor Fawstina offriet ħajjitha bħala sagrifiċċju għall-midinbin u minħabba dan kellha tbati wkoll diversi tbatijiet, sabiex permezz tagħhom setgħet tgħin lil ruħhom. Fl-aħħar snin ta’ ħajjitha t-tbatijiet interni ta’ dak li jsejħulu l-lejl passiv tar-ruħ u mard tal-ġisem żdiedu fl-intensità. It-tuberkolożi li xterditilha attakkatilha l-pulmuni u l-kanal tal-ikel. Minħabba f’hekk darbtejn kellha toqgħod għall-kura ta’ diversi xhur fl-isptar ta’ Triq Pradnik fi Krakovja.

Bla saħħa f’ġisimha imma matura għal kollox spiritwalment, hija mietet b’fama ta’ qaddisa, f’għaqda mistika ma’ Alla, nhar il-5 ta’ Ottubru, 1938. Bil-kemm kellha 33 sena, li tlettax-il sena minnhom għexithom bħala reliġjuża. Il-fdalijiet tagħha tpoġġew fil-qabar komuni fiċ-ċimiterju tal-kunvent fi Krakovja – Lagiewniki. Fl-1966, waqt il-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni għall-beatifikazzjoni ta’ Swor Fawstina, il-fdalijiet tagħha ġew trasferiti għall-kappella tal-kunvent.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.