Illum il-Knisja tfakkar lil San Franġisk Borgia


Fl-10 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil San San Franġisk Borgia, Presbiteru li għex bejn is-snin 1510 sa 1572.

Kien it-tielet ġeneral tal-Ġiżwiti, pro-neputi tal-Papa Alessandro VI u tar-Re Ferdinandu l-Kattoliku u twieled f’Gandia, Spanja. Wara edukazzjoni nisranija tajba fil-familja, mar isib kenn għand zijuh, arċisqof, Saragossa, waqt rewwixta f’pajjiżu. Tħarreġ fl-istudji tal-mużika u l-armi.

Bejn l-1523 u l-1525 mar Valladolid, bħala paġġ ta’ Ġovanna, omm Karlu V. Fl-1528, l-Imperatur sejjaħlu fil-qorti tiegħu u ħajru biex jiżżewweġ. Iżżewweġ lil Leonora de Castro, id-dama preferita tal-Imperatriċi, sena wara. Sa minn dan iż-żmien il-qaddis kien magħruf għat-tjubija u għall-onestà tiegħu. Maħtur viċi-re tal-Katalonja (1539-1543) u duka ta’ Gandia rieġa b’għaqal kbir is-sudditi tiegħu sa mewt martu (1546).

Meħlus mix-xkiel tad-dinja talab lil Sant’Injazju biex jilqgħu fil-Kumpanija ta’ Ġesù. Il-Loyola laqgħu bil-ferħ; iżda qallu biex jistenna sakemm ikun ħaseb għal uliedu u għat-twaqqif ta’ kulleġġ universitarju f’Gandia, waqt li fl-istess ħin jibda l-kors tat-teoloġija f’pajjiżu. Għamel l-ewwel voti fl-1548 fil-kappella tal-kulleġġ, f’Gandia.

Libes ta’ patri u ordna saċerdot fit-23 ta’ Mejju, 1551. Beda jipprietka fil-Guipuzcoa minn belt għal oħra u jgħallem il-katekiżmu lit-tfal. L-ubbidjenza ġegħlitu jnaqqas il-mortifikazzjoni tiegħu. Ħafna bdew jieħdu l-parir tiegħu. Sant’Injazju, fl-1554, ħatru kummissarju ġenerali ta’ Spanja u tal-Portugall. Fil-1565, ġie maħtur it-tielet ġeneral tal-ordni. Matul il-ġeneralat tiegħu (1565-1572), hekk kabbar il-ħidma tal-kumpanija mad-dinja kollha, li jista’ jissejjaħ it-tieni fundatur tal-ordni.

Bena knisja għall-istudenti tal-Collegio Romano u rranġa l-programm tal-istudji tiegħu. Bena wkoll il-knisja ta’ Sant’Andrea al Quirinale, bid-dar tan-novizzjat u kabbar il-Ġermaniku li jħejji l-missjunarji għal pajjiżi protestanti. Taħtu l-ordni kiber fl-Ewropa u daħal il-Polonja. Kibru wkoll il-missjonijiet tal-Ġiżwiti u nfetħet il-missjoni ġdida fl-Indja tal-Punent. Kien meqjum ħafna mill-Papa Piju V. Fl-1571, il-Papa, bagħtu mal-Kardinal Bonelli Franza, Spanja u l-Portugall, fejn ġie milqugħ minn folol kbar li “riedu jaraw il-qaddis” u jisimgħuh jipprietka: anki r-Re Filippu laqgħu bil-ferħ, bħall-poplu.

Lura mill-vjaġġ, ħassu ħażin Ferrara u d-duka, kuġinuh, bagħtu Ruma ġo katalett. Miet Ruma jumejn wara li wasal, f’nofs il-lejl bejn it-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru tal-1572. Ġie kkanonizzat minn Klement X fl-1671.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.