L-Erbgħa 9 ta’ Ottubru, il-Papa Franġsiku kompla bil-katekeżi dwar l-Atti tal-Appostli waqt l-udjenza ġenerali fi Pjazza San Pietru. Ir-riflessjoni tal-Papa kienet dwar il-konverżjoni ta’ San Pawl li minn persekutur feroċi tal-Knisja sar predikatur qalbieni tal-Vanġelu.
Il-waqt kruċjali ta’ ħajtu, qal Franġsiku, wasal meta l-Mulej Irxoxt deherlu u staqsih: “Għaliex qed tippersegwitani?”
Dil-laqgħa ma’ Ġesù hi l-bdu ta’ mixja, vjaġġ, li ra lil Sawlu jinbidel f’Pawlu: strument magħżul minn Alla biex iwassal il-Kelma tal-Mulej lin-nazzjonijiet kollha.
Pawlu għadda mill-għama għad-dawl. Dan hu simbolu tal-passaġġ mill-mewt għall-ħajja. Issa Pawlu beda jara d-dinja minn lenti ġdida għal kollox.
It-twaħħid tagħna mal-Misteru tal-Għid bil-Magħmudija jifisser, bħalma ġara lil Pawlu, il-bidu ta’ ħajja ġdida, mod ġdid kif inħarsu lejn Alla u lejn l-oħrajn.
Nitolbu, qalilna l-Papa, biex inkunu nistgħu nġarrbu il-qawwa kollha tal-imħabba t’Alla, li hi biss tista’ tibdlilna qlubna tal-ġebel fi qlub tal-laħam, ittina l-ħila li nilqgħu lill-oħrajn bl-istess mod kif kien jilqagħhom Ġesù.
Rapport ta’ Joe Huber