Tagħrif lill-ġurnalisti dwar dak li qed isir waqt is-Sinodu


Fil-laqgħa mal-ġurnalisti, il-‘briefing’, ingħata aktar tagħrif dwar dak li qed isir waqt is-sessjonijiet ġenerali tas-Sinodu speċjali dwar l-Amażonja li qed isir bħalissa fil-Vatikan

Patri Giacomo Costa, Ġiżwita, is-Segretarju tal-Kummissjoni għall-informazzjoni, ta ħjiel dwar dak li qed jingħad rigward il-ministeri li jistgħu jsiru mil-lajċi u dwar l-importanza li jitħeġġu aktar nisa jaħdmu fil-qasam ekkleżjali.

Xjenzjat rebbieħ tal-Premju Nobel, Carlos Alfonso Nobre, tkellem dwar il-kontribut li tista’ tagħti x-xjenza fid-diskussjonijiet dwar ir-reġjun amażżoniku. Il-progress fil-qasam xjentifiku, osserva l-kelliem, jista’ joffri soluzzjonijiet għas-saħħa fiżika tal-Amażonja u sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet li jgħixu fiha.

Kelliema oħra mill-Brażil ikkundannat il-fatt li b’dak li qed jiġri qed tinqered il-biodiversità li qed thedded ukoll il-ħajja tal-popolazzjonijiet indiġeni, u tribujiet oħra li ftit għandhom kuntatt mal-bqija tad-dinja.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija