Waqt is-sitt kongregazzjoni ġenerali tas-Sinodu speċjali dwar l-Amażonja, nhar it-Tlieta warnofsinhar, kien hemm għadd ta’ interventi dwar id-dramm tat-traffikar tad-droga.
Ingħad li t-tkabbir tal-kokaina kiber ħafna bi ħsara għall-ambjent. Ma’ dan wieħed irid iżid il-ħsara li qed issir bil-qerda tas-siġar għall-iżvilupp, u n-nirien imqabbdin apposta mill-ispekulaturi. Il-Knisja għandha tkun leħen profetiku biex l-organizzazzjonijiet internazzjonali jieħdu r-responsabbiltà tal-ekoloġija integrali.
Interventi oħra kienu dwar il-bilanċ li għandu jkun hemm bejn l-inkulturazzjoni u l-evanġeliżżazzjoni fuq l-eżempju mogħti lilna minn Ġesù nnifsu. Kien hemm min tkellem dwar dik li nsjeħulha ‘pjetà popolari’ jew aħjar it-tradizzjonijiet marbutin ma’ mkejjen jew okkażjonijiet partikolari fil-ħajja tal-insara lokali.
Tema li ma tgħoddx biss għall-Amażonja u li saru interventi dwarha kienet id-djalogu inter-reliġjuż u ekumeniku li għandu jħares lejn id-differenzi mhux bħala ostaklu imma bħala opportunità biex nikbru flimkien.
Għal din il-kongregazzjoni kien preżenti l-Papa Franġisku li għalaq b’talba għall-vittmi tal-isparatura fis-sinagoga li ħalliet għadd ta’ vittmi, fil-Ġermanja.
Rapport ta’ Joe Huber