41 sena ilu Ġwanni Pawlu II kien maħtrur Papa


Bħal-lum 41 sena ilu, eżattament fis-16 ta’ Ottubru 1978, il-Kardinal Pollakk Karol Wojtyla kien elett bħala Papa u għażel għalih l-isem ta’ Ġwanni Pawlu II.  Kien l-ewwel Papa mhux Taljan f’aktar minn 400 sena.   Il-Papa ta’ qablu kien miet ħesrem wara biss 33 jum fit-tmexxija tal-Knisja u għalek, b’għażla ta’ Papa li kien għad kellu biss 58 sena, il-kardinali bħal donnhom xtaqu jassiguraw li ma jerġgħax ikun hemm pontifikat daqstant qasir.  Infatti Ġwanni Pawlu II kien baqa’ jmexxi l-Knisja Kattolika għal kważi 28 sena.

Fit-13 ta’ Mejju 1981, Jum il-Festa tal-Madonna ta’ Fatima, huwa u dieħel fi Pjazza San Pietru biex jagħmel l-Udjenza regolari ta’ kull nhar ta’ Erbgħa, Ġwanni Pawlu kien milqut minn tir sparat lejh minn Mehmet Ali Ağca. Għalkemm il-Papa kien ferut b’mod gravi ħafna, imma ġie meħlus tista’ tgħid b’miraklu, meta l-bullet waqaf biss ċentimetru ‘l bogħod minn qalbu.

Fost l-għadd kbir ta’ vjaġġi tiegħu, Ġwanni Pawlu kien ġie ukoll tliet darbiet f’pajjiżna, darbtejn minnhom b’mod uffiċjali f’Mejju tal-1990 u f’Mejju tal-2001.  Imma f’Settembru tal-1990, kien għamel waqfa qasira f’pajjiżna waqt li kien fi triqtu lejn it-Tanżanija.  Dakinhar huwa ma kienx niżel minn fuq l-ajruplan, imma kien ġie milqugħ fuq l-ajruplan stess mill-Isqfijiet Ġużeppi Mercieca u Nikol Cauchi u mill-mexxejja ċivili ta’ pajjiżna.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II miet fit-2 ta’ April tal-2005. Fil-funeral tiegħu, il-folla li ħonqot Pjazz San Pietru u t-toroq ta’ madwarha kienet infexxet tgħajjat, Santo Subito, biex turi li xtaqu jaraw lil dan il-Papa dikjarat qaddis fi żmien qasir. Infatti huwa kien ġie dikjara Beatu fl-1 ta’ Mejju tal-2011 mis-Suċċessur tiegħu Benedittu XVI u dikjarat Qaddis fis-27 ta’ April tal-2014 mill-Papa Franġisku.