Ajma Charlie! X’gidma fik!


Charlie! Hekk semmewh. Iswed iswed. Tista’ tgħidlu bellusi. Wiċċu tant hu helu. Qasir qasir. B’żaqqu kważi tħaxken mal-art. U b’denbu dejjem iferfer!

Ilvent kemm tridu s-sinjur! U dejjem attent. Ma tgħaddix nemusa minn quddiemu li, avolja annimal, ma jridx ikun jaf xi tfisser. Charlie jħobb ħafna jilgħab mat-tfal. U, kull meta jwaddbulu l-ballun, għalkemm mhux xi wieħed immusukulat miskin, għax żaqqu Alla jberikha u kważi tmisslu mal-art, aqta’ kif jirranka bil-first! U, meta ssib xi ballun idur, għid li se ssib lil Charlie jinbaħ jinbaħ madwaru! B’denbu iferfer! U jabqeż kif jista’ miskin! Għax żaqqu aqta’ kemm tfixklu! Heqq! Boċċu hu! Tar-razza miskin! Kos hux! Issa dan ma tgħidx xi wieħed li jħobb il-birra! Jew jiekol kulma jaraw għajnejh! Bħalma nagħmlu aħna l-bnedmin, nibda’ minni l-ewwel wieħed!

Imma le! Ikel il-bnedmin Charlie ma jistax imissu! Inkella, jekk iwebbes rasu u jagħmel fattih, imbagħad ikollu joqgħod bih! Għax problemi jkollu! U aqta’ kif jispiċċa bil-ġiri għand il-veterinarju! U int kif tista’ lill-kelb titimgħu l-pastizzi, il-pizza, il-laħam, il-patata chips u x’ma nafx jien? Mhux tistendinha b’idejk tkun qiegħed u qiegħdha jekk twebbes rasek? Mela, le Charlie ħi! Int għandek l-ikel tiegħek x’tiekol! L-ikel tal-klieb! Għax wieħed minnhom int!

Charlie għandu still kif jimxi. Għaddej, ippuppat ippuppat. U, bħas-soltu, jrid jara x’inhu jiġri quddiem għajnejh. Biss, fi kliem is-sidien tiegħu, Charlie aqta’ kemm hu intelliġenti! U, l-affarijiet, anki jekk hu sempliċi kelb, kapaċi jxommhom minn seba’ mili bogħod! Għax Charlie, nerġa’ ngħid, ta’ annimal li hu, xorta waħda iħoss u jaf jieħu ħsieb lis-sidien tiegħu! Ajma! L-aktar meta dawn ikunu għaddejjin minn xi waħda! Bħalma, u wara kollox, minn din il-waħda jgħaddi, tista’ tgħid, kulħadd! Mhux f’baħar wieħed qiegħdin!

Charlie l-hena tiegħu li jkun ma’ min qed irabbih. U meta jkun fil-kumpanija ta’ din il-persuna, ilsienu ma jieqafx jilgħaq ħa jbus. Għax Charlie jħoss li fil-ħajja m’hemmx isbaħ mill-imħabba. Dik l-imħabba li ma tfissirx il-ħaġa ta’ ftit minuti u mbagħad kulħadd idabbar rasu għal darb’oħra. Anki jekk hu kelb Charlie din ma jiflaħhiex. L-għaliex, fl-istint tiegħu, iħoss li l-imħabba hi xi ħaġa bil-wisq aktar sabiħa minn hekk! Għax l-imħabba hi vjaġġ ta’ skoperta. Li titlob il-ħin. U ħafna ħin. U hawn hu dettall li aqta’ kemm jogħġobni f’Charlie! Kieku qatt rajtlu xi arloġġ li jiswa’ il-belli tal-Ewro f’idejh! Kieku qatt rajtu għaddej b’xi ħaġa tlellex fuqu! Le ħbieb! Kollox b’ta fuqu senduqu! U kollox b’dak li l-Mulej tah! Naturali! Imma, u ħaġa tal-għaġeb, meta l-okkażjoni tqum, trid tara lil Charlie jferfer denbu bil-ferħ! U dan l-għaliex jifraħ ħafna u minn qalbu b’dawk li jaf!

Madankollu, u bħal tifel żgħir, avolja issa qabeż sewwa d-disa snin tiegħu, u li jiġu ugwali għal 64 sena ta’ ħajja ta’ bniedem, Charlie jħobb jiddeverti. Sintendi, ta’ kelb li hu. Dik il-mixja li joħduh minn żmien għal żmien aqta’ kemm ikun qed jistennieha! Għax Charlie jemmen bis-sħiħ li fil-ħajja, la tgħaddi malajr, ejjew ikollna kuntatt sabiħ u feliċi man-natura! Dik in-natura li l-Mulej tana minn imħabbtu. Minn qalbu. Għalina! Ħa ngawduha ilkoll flimkien!

Niftehmu! Ma rridx nagħti l-impressjoni li Charlie mhux ħabib ukoll tal-bini li għamel il-bniedem. Xejn minn dan! Anzi! Aqta’ kemm jieħu gost meta jieħduh dik l-imbierka passiġġjata max-xmara ħi! U hemm, f’dak il-beraħ, meta jneħħulu ċ-ċinga, tibda’ l-festa ta’ Charlie! Għax aqta’ kemm jibda’ jiġri ‘l hawn u ‘l hemm! U jħossu ferħan! Għax Charlie jaf li għalkemm hu sabiħ li joqgħod fuq is-sufan, inkella fuq is-sodda, jew fl-intrata, imma d-dar dejjem id-dar. U Charlie, minn qaddisu, ma tantx iħobb joqgħod id-dar! Dak il-mument fejn joħroġ naqra u jieħu ftit pjaċir barra tgħidx kemm ikun ilu jistennieh!

Charlie mbagħad għandu oħra: jħobb jiġri fl-ilma. Mela x’jagħmel? Meta joħduh ħdejn ix-xmara u jara dik l-imbierka funtana, li trid seba’ għajnejn biex taraha l-għaliex veru qiegħdha sabiħa, Charlie mill-ewwel jieħu r-rankatura u dritt … għal ġol-ilma. Ngħidilkom il-verità mhux dejjem joħodha bir-rankatura għal-ġol ilma Charlie tafux! Għax ġieli l-program ikollu jinbidel xi ftit. Biżżejjed ikollu xi sentiment li jaf jiskoraġixxielu ‘il qalbu. Allura x’jagħmlu sidinu biex jagħtuh kuraġġ? Mhux ovvja! Jaqbdu l-imbierek ballun u jitfgħuhulu fil-funtana. U Charlie dan li jkun irid! Il-ballun jgħum fil-funtana! Għax, bħal incredible hulk, jinsa’ kollox, jippoppa sidru, jirrejża saqajh ċkejknin, u b’ġirja waħda jagħtiha għal dik l-imbierka funtana! U, anki jekk ikun hemm dak l-ilma kiesaħ tax-xitwa ara taħsbu li Charlie se jħabbel moħħu! L-għaliex xorta waħda jibqa’ dieħel ġo fiha. B’ruħu u ġismu! U, b’qabża ħelwa minn tiegħu, jaħtaf dak il-ballun u b’denbu iswed jferfer u b’mixjietu mżeffna kemm tridha, arah imur għand sidinu biex jagħtihulhom. Ħa jerġgħu jitfgħuhulu! Dan Charlie wkoll!

Imma din ta’ denbu jferfer u mixjietu mżegilga kemm jista’ ikun lili aqta’ kemm idaħħakni! Dan l-għaliex tfakkarni bil-bosta fil-magħruf walz li kiteb il-kbir kompożitur u pjanist Russu ta’ l-era Sovjetika Dmitri Shostakovich, li twieled fil-25 ta’ Settembru 1906 u miet nhar id-9 t’Awwissu 1975. F’dan il-walz numru tnejn hemm biċċa veru ħelwa li aqta’ kemm tfakkarni f’Charlie! Mat-tieni moviment, wara daqqa tal-orkestra sħiħa, dritt dritt jidħol it-trumbun, sulu sulu. U, dan l-imbierek ta’ trumbun, li d-daqqa tiegħu tgħidx kemm hi qawwija, fl-istess ħin tfakkarni f’xi ħadd li kiel ikla nobis u spiċċa b’żaqq daqshiex! U mbagħad, meta qam minn fuq il-mejda u pprova jimxi, il-passi tiegħu daħluh f’żegliga waħda! Għalhekk, meta nisma’ dan it-trumbun idoqq f’dan il-walz, aqta’ kemm ninfaqa’ nidħak! U hemm, f’dik id-daqqa umoristika għall-aħħar tal-kbir Shostakovich, jitlagħli quddiem għajnejja r-ritratt ta’ Charlie! Il-kelb ċkejken u matnazz! Għaddej b’dik iż-żegliga tiegħu. Mad-daqqa tal-waltz. U li, kull pass li jagħti, sar għalih mixja. Żifna. Għax għandu l-piż xi jġorr miskin!

Biss, minn din il-partitura tal-mużika ta’ Shostakovich il-Mulej jgħallimni ħaġa kbira ħafna. Fil-ħajja il-fekkruna waslet kmieni u mhux il-fenek! Il-fekruna iggustat il-ħajja u mhux ‘l-ejja ħa mmorru’ tal-fenek mgerfex li l-ħajja qabadha u belagħha! Mela sewwa tagħmel Charlie li, fiċ-ċokon tiegħek, tieħu l-affarijiet bil-mod! U sewwa tagħmel li l-ħajja int ittogħma u mhux tiblagħha! Għalhekk ma nistax le ma nfaħħarx bil-bosta l-grazzja li l-Mulej ta lil seħibna Dimitri Shostakovich li, f’dan il-walz, seħħlu joħroġ il-karattru ħelu ta’ Charlie tagħna! Issa avolja lil Charlie ma kienx jafu imma b’dan il-walz Shostakovich seħħlu joħroġ il-grazzja li meta wieħed il-ħajja itogħma, bħaż-żifna tal-walz, diffiċli li mbagħad ma jagħtix kasha. Diffiċli li jħallieha tgħaddi minn taħt imnieħru. Għax min il-ħajja jiżfinha fit-temp tal-walz li jista’, tabilħaqq, jitgħallem minnha! U hekk, b’dak li tgħallem, jista’ jgħaddih lil ħaddieħor!

Imma, tgħidli int, Charlie, ta’ kelb li hu, x’jista’ jgħallimna? Jgħallimna ħafna ħbieb! Lil min ngħidu li nħobbuh u nħobbuha m’għandna qatt inħalluhom waħedhom. Għal ħafna ħinijiet. L-għaliex, meta nagħmlu hekk, b’dawn il-ħasdiet li nagħtuhom inkunu qiegħdin naqsmulhom qalbhom f’ma nafx kemm ‘il biċċa! L-istess miskin bħalma jiġrilu Charlie li, għal diversi raġunijiet, ġieli ma jkunux mas-sidien tiegħu. U meta l-mawriet tagħhom ikunu għall-għarrieda u fit-tul aqta’ kemm joħodha bi kbira! Aqta’ kemm ‘il ħarsa tiegħu tkun miskura! Għax la n-nies m’huma bhejjem u lanqas lill-bhejjem m’għandna nittrattawhom ta’ bhejjem! Għall-kuntrarju! Għandna nieħdu ħsiebhom! Aktar u aktar meta nafu kemm huma lejali lejna! Bħalma darba qaltli persuna: “Meta kont għaddejja minn xiex għaddejja imnalla li kelli l-kelba ħdejja. Li, avolja ma titkellimx, ma kinitx titlaqni minuta! U meta kienet tarani bid-dmugħ f’għajnejja kienet tiġi titfissed miegħi. Għax donnha kienet tkun taf minn liema baħar kont għaddejja!”

Charlie, ibqa’ kun intelliġenti ħabib! U ibqa’ kun int! Ibqa’ uri s-sentimenti tiegħek! Ħalli min suppost qed jieħu ħsiebek almenu jkollu l-kuxjenza li ma jħallikx waħdek għal tul kbir ta’ ħin. L-għaliex int, għalkemm bniedem m’intix, iżda jonqsok il-kelma, lilna l-bnedmin qed tgħallimna li l-ħajja m’hijiex la kif nidher u lanqas l-image li nagħti tiegħi nnifsi! Il-ħajja hi relazzjoni sinċiera ta’ mħabba, affett u akkumpanjament. U, dan kollu, plus is-sura tiegħek li tagħmlek tant u tant partikulari, għażiż Charlie, ajma x’gidma fik!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.