Matul ix-xahar ta’ Awwissu kelli esperjenza tassew ħelwa fuq NET FM. Dan l-għaliex kelli nbakkar filgħodu, kmieni kmieni, mill-5am sas-6am biex inkun eżatt, ħalli nkun fil-programm ħelu li jippreżenta Noel Bartolo, Jum Ġdid.
Jum Ġdid! X’hemm isbaħ minnu! Veru? Talbieraħ issa għadda! Mar! Telaq! Spiċċa! U x’baqa’ minnu għajr dak li tniżżel issa fit-tifkiriet? Mhux dak li baqa’ tassew jagħmel sens? U jibqa’ jagħmel sens l-għaliex, int u jien, qed ngħixu f’din id-dinja u nagħmlu parti minnha. L-esperjenza ħelwa li l-Mulej tani f’dawn il-programmi ta’ Jum Ġdid, għodu għodu, offrietli l-opportunità tad-deheb li nesperjenza l-moviment tal-Ispirtu s-Santu. Dak il-moviment li nsibuh imqaxxar fit-tieni vers tal-ktieb tal-Ġenesi. L-għaliex hemm, f’dan il-ktieb, fl-ewwel ktieb tal-Bibbja, li jitħaddet ukoll minn xi ħaġa ġdida, għax jinsab sewwasew fil-bidu, insib il-verb tant sabiħ u affaxxinanti: jittajjar. Li bl-ilsien Lhudi hu מְרַחֶ֖פֶת (me·ra·che·fet). Hekk jgħid it-test sagru: U kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla (Ġen 1:2).
U int min qallek li, fid-dinja, fis-soċjetà, fil-familja u fil-komunità tallum għandniex bżonn li nerġgħu lura għat-titjira tal-Ispirtu s-Santu fuqna? Mhux ilkoll nafu kemm għandna taħwid, baħħ, dlam u ilmijiet madwarna? Mhux ilkoll konxji ta’ kemm għandna diffikultajiet u problemi li, sewwasew mas-salmista, qed nispiċċaw induru fuq il-Mulej, (għax tassew li m’hemmx fuq min iddur aktar), u bl-akbar qawwa u insistenza ngħidulu, jew aħjar ngħajtulu: Salvani minn kull min iħabbatni, u eħlisni (S 7:2)? Jew inkella, u meta nsibu ruħna dahrna mal-ħajt sewwa, għax inkunu tassew fuq il-preċipizzju, nitolbuh bil-ħniena u għarkupptejna: Salvani, o Alla, għax l-ilma laħaq sa griżmejja (S 69:2)? Ajma! L-aktar jekk nitolbu sakemm ninħanqu! U kważi nibdew ninfew bil-battikata li nieħdu waqt li nitolbu b’dik il-passjoni u l-ħerqa kollha! Mela kif qed jgħid, eżattament, is-salmista: Ma niflaħx ngħajjat iżjed, griżmejja nħanqu; tgħammxu għajnejja, jien u nistenna ‘l Alla tiegħi (S 69:4).
Imma, quddiem dan il-baħħ, dlam, ilmijiet u konfużjoni, jitfaċċa l-verb רָחַף (râchaph), li juri biċ-ċar l-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu, li jtella’ l-ispirtu dgħajjef tiegħi u tiegħek u jorbtu miegħu! L-Ispirtu s-Santu! Il-Mulej li jagħti l-ħajja! U hekk nista’ ngħid li seħħ f’dawn il-programmi għeżież li fuqhom, Noel u jien, tlabna flimkien bil-ħerqa biex l-Ispirtu tal-Mulej joqgħod fuq il-ħsibjiet tagħna. Jistrieħ fuqhom. Jivvibrahom. Jiżfen fuqhom u bihom. Imexxihom. Iċaqlaqhom. Irattabhom.
Insomma! Kemm ħwejjeġ jagħmel bil-ħsibijiet tagħna l-Ispirtu tal-Mulej hux! Meta nagħtuhomlu fit-talb. Għalhekk min dawn l-affarijiet jidħak bihom, għax ma jemminhomx, qiegħed, jaħasra, iċaħħad lilu nnifsu u lilha nnifisha, minn dan il-ġid kollu li l-Ispirtu s-Santu irid jagħmel bil-ħsibijiet tagħna. Jekk, u dejjem, inkunu rridu nagħtuhomlu!
U x’għamel il-Mulej bil-ħsibijiet tagħna fil-programm Jum Ġdid? Meta jien u Noel tajniehomlu fit-talb? X’għamilx! X’ma qalx! X’għallimx! X’ma iffurmax! Beda l-Ispirtu tal-Mulej, bl-għerf kbir mill-Anzjan Taddew minn Vitnovica: il-ħsibijiet tagħna jiddeterminaw ħajjitna. U, minn din il-biċċa għerf, xellel tixlila għerf oħra l-Mulej: Quddiem l-imħabba kollox jiddgħajjef.
U issokta idur l-Ispirtu tal-Mulej fil-qalba tar-ruħ u l-ġisem tagħna. Waqt ix-xandira. U tana biċċa għerf oħra. Jekk irrid li kollox jikkrolla ħa nibqa’ nikkontrolla! Kemm hi veru din fil-familji u l-komunitajiet! L-aktar meta dawn isiru aġenziji ta’ kontroll bla sens u mhux bejtiet ta’ mħabba li tibni! U, la semmejna li bdejna l-ġurnata, kif tridna din ma nibdewhiex b’barka? Għax x’hemm isbaħ milli nibdew jum ġdid jekk mhux billi nbierku lil saħħitna? Mela, ibda’ l-ġurnata tiegħek billi tbierek lil saħħtek. Poġġi idek fuq żaqqek u kellem lil saħħtek u għidilha: Saħħti! Inbierkek fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Amen. U agħmel salib fuqha. Ma naħsibx li biex tagħmel hekk trid tagħmel xi baċellerat fit-teoloġija. Jew inkella trid iġġib xi permess biex tevanġelizza. Wara kollox il-permess jagħtihulna biss l-Ispirtu s-Santu, il-Mulej li jagħti l-ħajja. Mingħajr ma joqgħod jistenna xi approvazzjoni ta’ bniedem li illum online mal-Mulej u għada offline. Li issa jgħid mod u mbagħad jagħmel mod ieħor. Mela meta se jitgħallem jagħlaq ħalqu ħalli ħajtu stess tkun priedtka? Prosit Ġesù! Prosit San Franġisk! U prosit int ukoll Papa Franġisk!
Kompla jdur u jistrieħ fuq ħsibijietna l-Ispirtu tal-Mulej. U hawn hi biċċa għerf mill-iprem: Aħjar nieħu break inkella insir stake! U min m’għandux bżonn jieħu break ħbieb? Mhux ilkoll dan għandna bżonnu? Għax meta nsir stake min tridu jsalvani? It-tgergir tan-nies? Il-kummenti bla sens ta’ min jgħix magħna? Li aktar moħħu u moħħha biex tiġġudikana u tikkundannana milli tħobbna? Għalhekk, jekk gidmuk b’dan il-mod, ħa nfakkrek ftit fis-Salib tat-Tħaddina li jilbes Papa Franġisku. Hemm, fiċ-ċentru tiegħu, dan is-Salib għandu lir-Ragħaj it-Tajjeb li qed jgħannaq miegħu lin-nagħġa li kienet intilfitlu. Għax, dan ir-Ragħaj, ir-Ragħaj tar-rgħajja, hekk kapaċi jagħmel: jgħannaq. Mhux le jagħti bil-ponn. Lanqas li jgħaddi minn xi kuritur u ma jkellmekx. Inkella agħar, jikkonġura fil-moħbi ħa jagħmillek il-ħsara. Le! Dan ir-Ragħaj idejH jużahom biex jgħannaq u mhux biex jagħti bil-ponn. Biex ifejjaq u qatt biex iferi.
Insomma! It-tidwira tal-programmi kienet kbira ħuti! Għalhekk nixtieq issa nagħlaq bi ħsieb ħelu li l-Mulej tana f’wieħed mill-programmi. Spirtu s-Santu iċċarġjani jekk ma tridx li ħdejk tarani. Fi kliem ieħor, ibda’ il-ġurnata tiegħek bil-Konsagrazzjoni lill-Ispirtu s-Santu. Tibżax! Ma’ l-Ispirtu s-Santu kollox ikunlek Jum Ġdid! Kollox jiġġedded! Kollox jieħu u jagħti l-ħajja!
X’esperjenza ħelwa qattajt ma’ ħija Noel Bartolo fil-programm Jum Ġdid fuq Net FM! Matul ix-xahar sħun t’Awwissu!
Patri Mario Attard OFM Cap