Il-Papa żar id-dar tal-eks kmandant tal-Ġendarmerija tal-Vatikan


Wara li ntemmet il-kongregazzjoni ta’ waranofsinhar tas-Sinodu dwar l-Amażonja, nhar it-Tlieta li għadda, il-Papa Franġisku mar għal għarrieda jżur id-dar tal-eks kmandant tal-Ġendarmerija tal-Vatikan, Domenico Giani, li tinsab fil-konfini tas-Santa Sede.

Il-Papa qagħad jitkellem ma’ Giani, mal-mara u bintu.  L-eks kmandant għandu wkoll tifel li jgħix fl-Istati Uniti.  Iż-żjara tal-Papa hija konferma tal-apprezzament li l-Qdusija Tiegħu kien diġà esprima meta aċċetta r-riżenja ta’ Giani

Fl-istqarrija li ħarġet is-Santa Sede nhar it-Tnejn li għadda, ħabbret li l-Papa kien laqa’ r-riżenja tal-kmandant u li Franġisku apprezza l-ġest ta’ Giani li jagħmillu unur minkejja li hu ma kienx direttament responsabbli mill-pubblikazzjoni tad-dokument intern li bih ġew sospiżi ħames dipendenti tal-Vatikan.  Il-Papa apprezza ħafna l-fatt li Domenico Giani ħa fuqu r-responsabbiltà oġġettiva ta’ dak li ġara.

Il-Papa Franġsiku stqarr li Giani kien qeda dmiru bl-umiltà u d-diskrezzjoni fis-servizz lejn il-Ministeru Petrin u lejn is-Santa Sede taħt tliet Papiet differenti tul medda ta’ għoxrin sena.

Rapport tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija