Meta nerġgħu naqbdu t-triq …


F’xi ħin jew ieħor ilkoll kemm aħna nitilfu ftit it-triq. Min għax jgħaddi minn art pjuttost imxarrba. U min l-għaliex jgħaddi minn waħda ta’ asfalt jikwi issemmix! U, is-sħana tax-xemx, taf tgħaġġlu jsib bil-ġiri l-post tal-kenn. Daqskemm tkun taħraq! U x’jiġri? Waqt li jkun qiegħed ifittex bil-ġenn dan l-imbierek post ta’ tama malajr jarma jitfixkel u jieħu triq b’oħra!

Lil min tlum ħbieb? Tista’, fil-verità, tlum lil xi ħadd? Żgur li le! U għalhekk, u dan ngħidu b’paċi kbira f’qalbi, ma nista’ niġġudika lil ħadd! Għax il-Mulej ikun jaf l-istorja kollha! Mill-A saż-Żeta! Għax fil-ħajja, l-importanti, mhux li nitilfu t-triq daqskemm li nerġgħu nsibuha mill-ġdid! U, meta nerġgħu nsibuha, u dejjem bil-għajnuna tal-Mulej, aqta’ kemm inħossuna aħjar! Fil-paċi! Fil-ħniena! U b’ħafna ferħ fil-qalb!

Imma issa, jien li sibt it-triq, x’ħa nagħmel? Jien li erġajt qbadt it-triq lejn is-sewwa, li twassalni fis-Saltna tad-Dawl, x’ħa noqgħod nagħmel? Żgur li mhux ħa naħli l-ħin u noqgħod b’idejja fuq żaqqi! U ma nagħmel xejn! Inkella, jekk nagħżel li nagħmel hekk, x’ġid tabilħaqq inkun qed nagħmel lili nnifsi? U lil ħaddieħor? Li, bid-dritt kollu, għandu jkollu aċċess għall-għarfien li ġejt mogħti jien? Minn fuq? Mis-Saltna tal-imħabba, l-hena u s-sliem?

U hemm hu San Franġisk! Ejja nxammru l-kmiem ħa nagħmlu xi ħaġa! Għax s’issa għadna m’għamilna xejn! Iva ngħidlek, għażiż ħija u oħti, s’issa għadna m’għamilna xejn! Veru li ppruvajna ngħinu dik in-naqra. Imma x’inhi din in-naqra ħdejn dan il-bżonn enormi li hawn jitkarrab fostna? U kif tista’ in-naqra tiegħi tassew tgħin biex ittaffi l-bżonn li qed jiekol u jibla’ l-enerġija kollha li qed isib quddiemu?

Imma ejja ma ninsewx il-biċċa għerf kbira tal-vanġelu, sewwasew tal-għani li sab ruħu f’art l-imwiet. Dan x’qallu lil Abraham? ‘Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar (Lq 16:24). Hemm hu l-għani! Talab lil Abraham biex jibgħat lil Lazzru jbill sebgħu fl-ilma. Għalih kien biżżejjed li xi ħadd jaħjiħ b’qattra! Għax meta nħossuna maqtugħin, waħedna, ‘il bogħod, kull qattra ta’ mħabba vera tgħodd! U, bħall-għani, aħna wkoll iva ngħollu leħenna (ara Lq 16:24), bit-tama li xi ħadd jismagħana!

Mela jien, li l-Mulej tani l-grazzja li naqbad it-triq, jiġifieri t-triq tas-sewwa, tal-qdusija, ejja nisma’ l-għajta fgata ta’ min qed jitlobni l-qattra tal-imħabba ta’ Kristu. Dik l-imħabba li m’għandhiex x’taqsam mas-sentimenti jew inkella togħxa bl-argumenti. Iżda hi dik l-imħabba li taf takkumpanja. Dik l-imħabba li turi l-għarfien tal-verità. U kemm ħbieb, f’dan ir-rigward, jolqotni dak il-passaġġ tal-vanġelu meta l-ġemgħa kienet qisha bħal nagħaġ li m’għandhomx ragħaj. L-għaliex kienet ġemgħa mħawda. U ma tafx fejn se taqbad tmur u tagħti rasha. U x’kienet it-tweġiba ta’ Ġesù? Ħa nħallu l-Kelma ta’ Alla tgħallimna waħediha hi! Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ (Mk 6:34).

Għiduli ftit hawnx bżonn illum li, int u jien, li għadna kemm qbadna t-triq lura lejn Alla Missierna, għandniex nieħdu fuqna l-attitudni ta’ Ġesù li nitħassru lil dawk li għandna madwarna? Għax narawhom mitlufin? U minn fuq li noqgħodu ninħlew f’ħafna tgħajjir, insulti u ġudizzji kontriehom u li ma jwassluna imkien għajr biex niħraxu aktar għal xulxin, nagħmlu bħal Ġesù, u nidħlu fi djalogu magħhom? U nħallu lill-Ispirtu s-Santu jurina t-triq biex flimkien Hu jkabbarna fl-għarfien veru ta’ ħafna ħwejjeġ importanti għas-salvazzjoni tagħna u tagħhom? Għax Ġesù, wettaq dak li wettaq, u għallem dak li għallem, l-għaliex kien mimli bl-Ispirtu s-Santu (Lq 4:1)?

U x’benefiċċji hemm li nħalli lill-Ispirtu s-Santu jimlieni bih innifsu? L-Ispirtu s-Santu, la hu l-Mulej li jagħti l-ħajja, jaf eżattament x’inhi l-ħajja. Jaf jara l-fond tal-affarijiet. Jaf jinżel fil-profond tal-ħwejjeġ kollha. Għax, la hu Ruħ il-Qodos, jaf imur għar-ruħ ta’ kull ħaġa maħluqa, ta’ kull sitwazzjoni, raġunament u esperjenza. Mela, jien li ħallejt lil dan l-Ispirtu jibda’ jmexxi, bil-mod il-mod, lil ħajti, ejja issa nintroduċieh lil min għadu fid-dlam. U ma jistax jara. U, tant kemm ma jistax jara, li xeba’ jolqot diffrejh ta’ riġlejh u, tista’ tgħid, kull parti ta’ ġismu, issa ma’ ħaġa u issa m’oħra. U, għall-persuna li hi daqshekk imbenġla, x’hemm aktar importanti u meħtieġ għajr li jkollha d-dawl ħa tara fejn timxi?

Kemm hu meħtieġ għalhekk dan is-servizz li nisimgħu lil xulxin! B’ħafna u ħafna paċenzja! U x’għaqal ikun fih dak il-pajjiż, dik il-knisja, dik il-familja u dik il-komunità fejn jiġi nvestit ħafna ħin fis-smiegħ. Għax huwa meta nisimgħu lil xulxin li nistgħu nintroduċu lil dawn, li tant inħobbu u li nixtiequ ngħinuhom bl-art u s-sema, għas-smiegħ tal-Mulej innifsu! L’Alla tal-paċi, tal-verità, tal-ħniena u tal-ħajja vera u sabiħa!

Djalogu ta’ din ix-xorta ma’ dawn ħutna iwassalna biex nifhmu dak li darba mara qaltli fir-restorant tal-Isptar, waqt li kont qed nieħu kikkra kafè cappuccino, filgħodu: Patri! It-talb ISALVA! Għalkemm qalithieli minn taħt l-ilsien iżda l-verità li għaddietli f’din is-sentenza sempliċi tassew li rehdietni! Iva ħbieb! It-talb isalva! Għax it-talb iwassalna biex nagħrfu, bil-mod il-mod, x’hemm bżonn li jsir. U, fl-Ispirtu Qaddis, dan il-bżonn nirrispondu għalih b’inizjattivi li, l-għaliex ikunu ġejjin mit-talb, ifejqu lil min jirċievhom u jwettaqhom!

Xi ġmiel hux meta nerġgħu naqbdu t-triq!…

Patri Mario Attard OFM Cap