Dik l-imbierka nemusa!

Print Friendly, PDF & Email

Bħalissa, waqt it-tibdil tat-temp, aħna u nitħejjew, bil-mod il-mod, għall-istaġun tax-xitwa, aqta’ kemm hawn nemus idur! U tifhimha! Ejjew ma ninsewx li s-sajf ta’ San Martin għadu ġej! Mela s-sħana għada tagħmel il-parti tagħha. U, l-istess sħana, tippermetti lil dawn il-ħlejjaq żgħar jwettqu l-attività niggieża tagħhom. Li, għal min jispiċċa l-vittma tagħhom, xejn u xejn mhi pjaċevoli!

Kemm trid tagħlaq sewwa hux biex dawn l-imberkin nemus ma jidħlulekx fid-dar! Hekk qaltli mara tal-familja fl-Isptar: Quddiemna għandna għalqa. U kull darba li niftaħ ftit għall-arja mill-ewwel jidħolli n-nemus jiġri ‘l ġewwa. In-nemus ma tafx minn fejn jidħollok ħbieb! Bla ma taf kif mill-ewwel tispiċċa b’xi erba’ jiġru fid-dar! U ħa ngħidilkom, jekk ma tieħux ħsiebhom l-esperjenza tagħhom taf tkun waħda ta’ tbatija mill-kbar nett! Ajma! L-aktar jekk ma jħallukx torqod billejl! U l-għada jkollok ġurnata xogħol lesta għalik!

B’niket ngħid li jien ukoll għaddejt minn din l-esperjenza qarsa. Esperjenza li ġagħlitni nbati wkoll. Fil-każ tiegħi ma daħallix riġment tafux! Nemusa kulma daħħlitli! Imma ħej, din l-imbierka nemusa kienet biżżejjed għalija biex kissritni! L-għaliex telfittni l-isbaħ nagħsa matul illejl u li kont qed nistennieha daqs il-ħobż! Aktar u aktar għax l-għada kelli tnax-il siegħa quddiemi ta’ ġiri kontinwu mal-kurituri ta’ Mater Dei. Li min jaħdem jew ħadem ix-xiftijiet fih jaf biss xi jfissru tassew!

Bħalma għedtilkom, l-esperjenza tan-nemusa ma tħajrek xejn. Anzi! Hi esperjenza ta’ tbatija! U tbatija kbira! Immaġina, fis-siegħa ta’ filgħodu, tkun rieqed għall-affari tiegħek u, f’daqqa waħda, tħoss dak il-qris u l-ħruq ħiereġ minn subgħajk ta’ idek il-leminija. Jiġifieri dik li hi biswit il-ħajt. Għall-ewwel tkun qisek anqas trid temmen li biċċa bħal din tkun qed tiġri, proprju, lilek! Abbli taħseb li tkun qed toħlom! Fejn naf! Forsi tkun qiegħed fl-isbaħ ħolma. Imma l-persistenza niggieża tan-nemusa tassew li ma tħallikx kwiet u kwieta qabel tagħmel xi ħaġa! U xi ħaġa minnufih! Għax dak it-tingiż tassew li ma tissaportihx!

Imbagħad, misjuq minn dak il-ħruġ, taqtagħha li tqum. Biex imbagħad, meta tqum, maħsud maħsud u, tixgħel id-dawl tal-lampa, xi issib? Żewġ ħbejżiet bojod bojod bid-demm miġbur ma’ dwarhom! Tibżax! M’għandekx għalfejn tmur l-università biex tinduna xi jkun ġara! U lanqas m’għandek għalfejn toħodha bir-rankatura biex tasal, ħelu ħelu, jew f’ħakka t’għajn, jiddependi dejjem mill-burdata li tkun fl-ewwel siegħa bikrija tal-jum, għall-konklużjoni ta’ x’ġara tabilħaqq! Kulma se ngħidlek hu li jkun biżżejjed għalik jekk tħares naqra lejn il-ħajt u taraha hemm! Wieqfa! Bil-wires il-kbar suwed tar-radar tagħha jiċċaqalqu. Għax, is-sinjura, lesta biex terġa’ ittir ħa tkompli terdagħlek demmek u demmi! Jekk jista’ ikun kollu!

Issa kieku tgħid li l-istorja hi hekk biss u tkun tista’ torqod, almenu s-sigħat li jkun fadal minn dak illejl midħun bil-gdiem tan-nemusa, fiha u ma fihiex! L-agħar hu meta din l-imbierka ħlejqa terġa’ ittir minn ma nafx fejn biex terġa’ tinżel u tkompli terdagħalek demmek! U demmi! Kos hux! Iva jaħasra m’hemmx ċans li lil din il-ħlejqa iwaqqafha xi ħadd? M’hemmx ċans li xi ħadd ifehma naqra, anki jekk tidher li ma trid tisma’ b’xejn għax qiegħdha tinġarr kontinwament minn dak l-istint insettiv, kemm qiegħdha tiskomoda bil-kbir ħajjet ieħor? L-aktar jekk l-għada għandu ġurnata xogħol quddiem wiċċu x’jaħdem?

Meta tħaddidt dan ma’ wieħed mill-ħaddiema barranin li hawn fostna, fuq din l-istorja, pront pront ikkumentali hekk: Anki nemusa trid tgħix Patri! Bqajt iċċassat bit-tweġiba stramba li tani. U stramba għax ħadd ma jieħu gost li ħlejqa oħra tgħix minn fuq demmu u demmha stess! U bin-nefħa li tħalli warajha wara li tkun inqdiet mingħajr ħadd ma qabbadha! Wara kollox, hemm tant modi li bih ħlejqa oħra tista’ tgħix? Iva għandha proprju tgħix b’dan il-mod krudili? U irħis?

L-istorja ħadet togħma mill-aktar interessanti meta tħaddidt l-istess kliem ma’ ħaddiem Malti. U dan, mingħajr ħafna teoriji platoniċi u telf u taħwid fl-isħab tal-affarijiet, qabad u qalli: Patri! Aħna daħlitilna dragon fly. U qtiltha tafx! Għax ma ħallitniex norqdu! Apparti l-kwistjoni jekk wieħed għandux joqtol nemusa jew le, il-fatt jibqa’ li naqra ta’ nemusa taf ittelliflek u tkissirlek il-ġurnata! Almenu fuq dan qed naqblu ilkoll! Nispera! Bħalma għedtilkom diġà, fil-każ tiegħi l-għada kelli tnax-il siegħa niġri mal-isptar Mater Dei. U, għalkemm dak il-ġiri kollu seta’ kellu l-effett li ma jħallinix norqod lanqas illejl ta’ wara, bħalma ġieli jiġrili sforz l-għejja li jkolli mill-ħidma tal-ġurnata, imma ħej il-kedda xorta waħda tkun ħaddtha millejl ta’ qabel minħabba ż-żjajjar mhux awtorizzati tan-nemusa!

Din l-esperjenza qarsa tan-nemusa fakkrittni f’xi ħaġa tassew importanti: kemm ħajjitna hi fraġli! Ara kemm naħslu nfasslu pjanijiet u x’ħa nagħmlu u ma nagħmlux! Kulma trid hu biċċa ta’ nemusa biex kollox isir suf! Għax, bil-għejja li jkollok, veru li ma tikkonċentrax ħbieb! Avoja tipprova kemm tipprova! L-għaliex, f’moħħok, tħoss it-toqol ta’ blata daqshiex li dejjem qiegħdha tagħfas fuqek! U dak it-tagħfis li ma jafx b’waqfien!

Kien hemm min qalli: U Patri! Kemm se ġġibha bi kbira! Issa orqod u jgħaddilek! Kif nista’ norqod sieħbi jekk in-nemusa għadha iddur f’kamarti? U, xi ħin issib il-Patri jistrieħ, bħall-istuka araha iddawwar denbha u tinżel għal rasha tattakka minnufih? U dan qed ngħidu l-għaliex mhux l-ewwel darba li ġrali hekk? Mela, is-soluzzjoni, m’hiex faċli le daqskemm wieħed jaħseb!

Biss din hi parti mill-istorja tan-nemusa. Aktar ma bdiet għaddejja l-ġurnata aktar ġie l-mument fejn fih stajt nistrieħ ftit. U hekk, il-biċċa tan-nemusa battiet fuq li battiet. Donnu l-Mulej, bil-maltempata li faqqgħet sewwasew wara n-nofsinnhar ta’ dak il-jum, issokta jsaħħaħni fuq xi ħaġa tassew utli għal ħajti: ebda maltemp li qatt ġie u m’għaddhiex! Għalhekk, l-istorja tan-nemusa, bħalma ġiet se tgħaddi wkoll!

Din l-esperjenza għallmittni li hu sabiħ li wieħed jitħaddet minn dak li jgħaddi minnu. Inkella kif se jara l-esperjenza tiegħu minn angolu ieħor? Kull ideja kellha r-rwol tagħha. Anki dik li, f’għajnejja, dehret banali għall-aħħar u kemm jista’ ikun. U, biex ma ninsiex, meta fil-ħajja jkollna ċ-ċans ejjew ħa nistrieħu! Għax aħna li qiegħdin taħt il-bastun nafu xi jsarraf it-toqol ta’ dak li qed nerfgħu. U mhux min jaf ikun u tkun gallarija għas-sitwazzjoni!

Għal dan kollu għażiża nemusa ma nistax ma ngħidlekx kelma waħda: INBIERKEK B’QALBI KOLLHA! It-tbissima ta’ San Franġisk biżżejjed hi biex qed isserraħli rasi dwarek!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: