Eucharistein, Wied ta’ Grazzja

Print Friendly, PDF & Email

Jismu Jérémie. Swor Nadia-Marie, li tmexxi d-Dar Ġenerali tal-Fraternità Eucharistein li qiegħda f’Epinassey, villaġġ maġenb għolja ftit kilometri ’l bogħod mix-xmara Léman, fl-Iżvizzera, bl-attenzjoni li tagħti lil Jérémie tagħti xhieda ta’ dak li temmen u tal-ideal li ddedikat ħajjitha għalih. Suor Nadia-Marie tmur tara lil Jérémie regolarment fl-isptar psikjatriku fejn jgħaddi ġranet għall-kura.

Jérémie hu żagħżugħ fit-tletinijiet tiegħu li fl-aħħar sena kien milqugħ mill-Fraternità Eucharistein. Huwa jbati minn skiżofrenija li hija diżordni fil-moħħ li ġġib immaġinazzjonijiet, ħsibijiet u mġibiet strambi, u delużjoni. L-iskiżofreniku jisma’ vuċijiet u jara dehriet li jeżistu biss fl-immaġinazzjoni tiegħu. Dan iż-żagħżugħ ibati wkoll minn bipolarità. Din hi diżordni oħra karatterizzata minn burdati estremi u perjodi ta’ dipressjoni. Il-bipolari jgħaddi minn burdati ta’ ferħ kbir u sentimenti ta’ “kollox sew” għal perjodi ta’ dipressjoni profonda. Madankollu jimpressjona bit-tbissima kbira u sabiħa tiegħu. Dan hu kuntrast li jiskantak minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Qabel ma ngħaqad mal-komunità Jérémie kien jaħdem bħala kok.

Eucharistein 2_
Żagħżugħ li għadu kif wasal f’Eucharistein

“Kont sejjer tajjeb,” jgħid Jérémie. “Kelli r-ristorant tiegħi, kelli l-ħbieb u kont għaddej ħajja normali. Imbagħad il-marda daħlet ’il ġewwa, u hemm beda l-infern.” L-infern tiegħu dam xi snin sakemm triqtu wasslitu f’Eucharistein. Issa jistqarr: “Jien ferħan ħafna. Nirringrazzja lil Alla kuljum għall-marda tiegħi, għax mingħajrha ma kontx niltaqa’ ma’ Ġesù.”

Il-Fundatur ta’ Eucharistein

Fir-razzett tal-Fraternità, kmieni wara nofisnhar, Patri Nicolas Buttet, il-fundatur u moderatur – figura kariżmatika ta’ din il-komunità żagħżugħa – jieqaf biex jieħu ftit mistrieħ billi jedha mal-annimali tar-razzett. Jgħid li “l-Ewkaristija hi r-rimedju għal żewġ tentazzjonijiet tal-lum: is-suppervja u d-disperazzjoni. Meta wieħed jadura lil Ġesù fl-Ewkaristija ma jistax fl-istess ħin ma jkunx milqut mill-umiltà ta’ Alla u ma jkunx assigurat mill-preżenza tiegħu.” Patri Buttet iqum iktar kmieni mill-bqija tal-komunità biex jagħmel ħin twil ta’ adorazzjoni. “Kif illesti mit-talb, ma jkolli xejn x’nagħmel ħlief li nħalli l-ġurnata għaddejja.”

Patri Buttet hu avukat u kien deputat fil-Parlament Żvizzeru. Wara konverżjoni diffiċli mar għal xi snin fl-eremitaġġ. “Hemmhekk għamilt esperjenza fundamentali, dik li nħalli lili nnifsi nintelaq spiritwalment f’Alla. Meta ħallejt kollox għal Kristu – il-karriera, il-ħbieb, il-familja, is-sigurtajiet qarrieqa tiegħi – b’xi mod għereqt f’Alla, bħal wieħed li jaqbeż fil-vojt, u kif għamilt din il-qabża sibt il-ferħ veru; dak il-ferħ tal-preżenza ta’ Alla, il-ferħ tal-imħabba tiegħu bla qies għalija.”

Eucharistein 1_
Patri Buttet, il-Fundatur, fil-ħin ta’ mistrieħ

Kienet esperjenza li wara Patri Buttet ma waqafx milli jaqsamha mal-oħrajn. U hekk bdiet il-Fraternità Eucharistein. Jum minnhom waħda mara resqet ħdejn l-eremitaġġ, telgħet fuq l-għolja u kienet se tneħħi ħajjitha. “Ma stajtx inżommha,” jgħid Patri Buttet. “Għedtilha biss biex tgħaddi xi ġranet quddiem dak li jiena nemmen li hu Kristu rxuxtat, quddiem Ġesù Ewkaristija. Iż-żagħżugħa aċċettat u m’għamlitx dak li kienet se tagħmel. F’dawk il-jiem iltaqgħet ma’ Ġesù.”

 L-Eucharistein Bdiet fl-1996

Minkejja li l-bidu tagħha hu riċenti, fl-1996, il-Fraternità Eucharistein għandha erbat idjar (Epinassey u Bourguillon, fl-Iżvizzra, Château Rima u Sant-Jeoire, fi Franza) u madwar 40 patri u soru li jgħixu s-sempliċità tal-Vanġelu u l-abbandun fil-providenza fi spirtu Franġiskan. Fid-djar Eucharistein joqogħdu nisa u rġiel ikkonsagrati u persuni li jkunu milqugħin fid-djar tal-komunità għal żmien ta’ mistrieħ u riabilitazzjoni.

Dawn tal-aħħar ikunu għaddew minn ħafna provi, bħalma huma d-dipressjoni gravi, mard ieħor psikjatriku, l-alkoħoliżmu u l-vizzju tad-droga.

Christine, mara ta’ 40 sena, waslet f’Eucharistein fl-2012 bi tliet problemi. Kellha dipendenza fuq l-alkoħol hekk li meta ngħaqdet mal-Fraternità kellha bidu diffiċli – ħarbiet mid-dar u vjolenza kontra l-patrijiet u s-sorijiet. Imbagħad bil-mod il-mod sabet il-paċi. “L-ewwelnett,” tirrakkonta Christine, “dak li laqatni kien li sibt nies li jifhmuni. Hawn mhux biss ċentru fejn tista’ tfiq minn dak li jkun qed ikissrek, imma wkoll dar fejn tħossok milqugħa u maħbuba. Hawn verament jieħdu ħsiebek u l-ambjent hu familjari ħafna. Il-mod ta’ mħabba li juruk mal-merħba, il-preżenza mingħajr kundizzjonijiet tal-patrijiet u s-sorijiet, il-kura psikoloġika u l-mediċini li jkollok bżonn, huma l-ingredjenti tar-riċetta tal-komunità.”

Ir-Riċetta ta’ Eucharistein

Swor Nadia-Marie tgħid li din ir-riċetta tinkludi l-imħabba fraterna, ix-xogħol manwali u t-talb: “Kulmin nilqgħu hu mistenni li jieħu sehem f’din ir-riċetta. Jekk jaċċettaw li jieħdu din l-okkażjoni, kollox isir possibbli għalihom. Aħna m’aħniex ħlief il-kawża sekondarja, il-kawża primarja hu Alla. U l-istat li fih dawn in-nies jaslu għandna b’xi mod isir opportunità ta’ grazzja għalihom, għax huma ma jistgħux jagħmlu ħaġa oħra ħlief li jerfgħu l-għajta tagħhom lejn is-sema,… u Alla jweġibhom.”

Għal ħin twil f’kull lejla l-patrijiet u s-sorijiet jinġabru quddiem is-Sagrament espost fil-kappella. Iċ-ċentru u l-ħajja tal-komunità hu t-talb, għax l-istess komunità temmen li r-rimedju hu fl-adorazzjoni perpetwa tal-Ewkaristija, is-sagrament tal-imħabba, li minnu tiġi kull grazzja. Wara t-talb il-patrijiet u s-sorijiet imorru lura fil-kamra tagħhom biex jorqdu l-bqija tal-lejl. U l-għada jkunu jistgħu jqabblu l-kwalità ta’ relazzjoni tagħhom ma’ Kristu adurat fis-Sagrament Imqaddes mal-attitudni li se juru mal-persuni li jkunu milqugħin fil-komunità Eucharistein.

Kotba ta’ Joe Galea