Illum il-Knisja tfakkar lil San Kolumbanu

Print Friendly, PDF & Email

Fit-23 ta’ Novembru l-Knisja tfakkar lil San Kolumbanu, Abbati li għex bejn is-snin 540 sa 615.

San Kolumbanu twieled f’Leinster, fl-Irlanda, fl-ewwel nofs tas-seklu sitta. Meta kien għadu żagħżugħ, kellu ħafna tentazzjonijiet kontra s-safa. Biex jaħrab mit-tlellix tad-dinja, u fuq il-parir ta’ San Comgall, daħal patri fil-Monasteru ta’ Bangor, Ulster, mnejn wara ħajja monastika ħarxa ta’ 30 sena, bil-permess ta’ San Comgall, telaq missjunarju fi Franza madwar is-sena 585.

Hemmhekk, is-sultan tal-Borgonja, Gontram, tah biċċa art xagħrija li fuqha kien hemm il-kastell ta’ Annegray nofsu mwaqqa’. F’dan il-kastell San Kolumbanu waqqaf l-ewwel monasteru tiegħu. Tant iffjorixxa, li f’qasir żmien kellu jibni żewġ monasteri oħra, wieħed f’Luxeuil, u l-ieħor f’Fontaine.

Malajr twaqqfu monasteri oħra fi Franza, il-Ġermanja, l-Isvizzera u l-Italja. Ir-regola ta’ dan il-fundatur qaddis, u l-ikbar missjunarju Irlandiż fl-Ewropa, kienet ħarxa wisq iktar minn ta’ San Benedittu, u baqa’ josserva l-Għid u l-Liturġija “Celitika”, bħal Ġwanni l-Battista, ħadha bl-aħrax kontra l-iskandli tar-Re Teodoriku II tal-Burgundie, li fis-sena 610, keċċa lill-missjunarji Irlandiżi.

Il-monasteri ta’ San Kolumbanu, bħall-monasteri l-oħra fl-Ewropa, kienu jservu bħala sptarijiet, lukandi, irziezet, u postijiet ta’ kultura u tagħlim. Ir-regola li ppreskriva għall-monasteri tiegħu kellha bħala għan ewlieni l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu, u kienet ibbażata fuq dixxiplina stretta ta’ talb, studju u xogħol.

Bħal San Pawl, Kolumbanu sofra l-għarqa, imma milqugħ mir-Re Teodobert II ta’ Neustria fil-belt ta’ Metz u mir-Re Agilulf tal-Lombardija, ipprietka l-ewwel, qalb il-Ġermaniżi qrib Bregenz u l-Għadira Kostanz, imbagħad l-Italja, fejn waqqaf l-Abbazija famuża ta’ Bobbio, fejn miet ta’ madwar 75 sena fil-21 ta’ Novembru, 615, u fejn jinsab meqjum il-fdal tiegħu.

Fost id-dixxipli tiegħu nsemmu biss lil San Gallo, fundatur tal-Abbazija (illum Katidral) ta’ dan l-isem fl-Isvizzera, li maż-żmien saret ċentru mill-aqwa ta’ arti, letteratura u mużika. Imma minħabba l-ħruxija tar-Regola ta’ San Kolumbanu, il-monasteri tal-ordni tiegħu lkoll spiċċaw biex ħaddnu r-Regola Benedittina.

San Kolumbanu sar wieħed mill-ikbar missjunarji Irlandiżi. Għalhekk jistħoqqlu ġieħ kbir għall-ħidma siewja li wettaq b’risq il-ħajja Nisranija u reliġjuża.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading