Inkunu aktar Missjunarji


IL-100 SENA MILL-PUBBLIKAZZJONI TAL-ITTRA APPOSTILKA ‘MAXIMUM ILLUD’ TAL-PAPA BENEDITTUR XV  (1919 – 2019).  

Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar OFMCap

  1. IS-SEJĦA TAL-KNISJA HI SEJĦA MISSJUNARJA

Proprju 100 sena ilu, nhar it-30 ta’ Novembru tas-sena 1919, kien il-Papa Benedittu XV li ta lill-Knisja Kattolika dokument li għadu attwali u relevanti sal-ġurnata tallum. Dan id-dokument bl-isem “MAXIMUM ILLUD” jitkellem dwar is-sejħa tal-Knisja li hija sejħa ta’ KNISJA MISSJUNARJA. Kien proprju wara li ntemmet l-1 Gwerra Dinjija li l-Papa Benedittu stess sejħilha “qerda bla sens ta’ ħajjiet umani”, meta huwa,  propju fis-6 sena tal-Pontifikat tiegħu, mar jagħtina dokument fejn il-kontenut tiegħu jittratta diversi aspetti li jolqtu l-ħidma missjunarja tal-Knisja.

benedict_xv[1].jpg
Il-Papa Benedittu XV

Il-Papa Benedittu XV f’din l-Ittra Apstolika “Maximum illud” jippreżenta quddiem l-Kattoliċi kollha s-sejħa li Ġesù għamel lill-Appostli qabel ma telgħa s-sema, sejħa li għada relevanti anke llum għal kull nisrani: dik li imorru nxandru l-Bxara T-Tajba lill-ġnus kollha.

Il-Papa fil-kitba tiegħu jagħti ħarsa lill-għadd bla tarf ta’ appostli- missjunarji li matul l-istorja tal-Knisja taw il-kontribut tagħhom sabiex it-Tħabbira tal-Bxara tal-Evanġelju tinxtered mad-dinja kollha. Filwaqt li huwa japprezza din il-ħidma mwettqa b’manjiera erojka u jsellem lil kull missjunarju li b’xi mod jew ieħor taw il-kontribut tagħhom, il-Papa Benedittu XV jippreżentalna l-għan ta’ din l-Ittra Apostolika. Huwa jagħmel riferenza għal żewġ missjunarji kbar: San Franġisk Saverju fl-Indja u Bartolomé de las Casas fl-Amerika. Kienu ħafna dawk il-missjunarji li mietu martri bil-għan li jxandru l-Evanġelju u jwasslu lil Kristu lil dawk li kienu għadhom ma jafux bih. Ħafna oħrajn ħallew eżempji kbar ta’ ħajja qaddisa filwaqt li oħrajn waqqfu diversi opri ta’ karità (Maximum Illud 1919, § 3-5).

Il-Papa jenfasizza li l-għan ta’ kull ħidma missjunarja għandu jkun wieħed spiritwali, ‘il bogħod minn kull ħsieb ta’ ħakma kolonjali jew politika (Maximum Illud 1919, § 5-7).  U dan id-dmir għandu jitwettaq bla ebda interess persunali (Maximum Illud 1919, § 19-21).

Punti nteressanti li għadhom relevanti sal-ġurnata tallum għalkemm għaddew 100 sena huma:

  1. Il-preparazzjoni li l-Isqfijiet u Superjuri tar-Reliġjużi huma obbligati li jagħtu lil dawk li jkunu ser jintbagħtu bħala missjunarji.
  2. Huwa jsemmi wkoll x’tip ta’ preparazzjoni għandhom jingħataw il-missjunarji qabel ma jintbgħatu għall-ħidma tagħhom. Fosthom isemmi: it-tagħlim tal-lingwa u għarfien tal-kultura tan-nies li sejrin jaħdmu magħhom u fosthom. Il-Papa Benedittu XV jenfasizza wkoll il-preparazzjoni spiritwali tal-missjunarju.
  3. Il-ħtieġa li l-missjunarji fil-pajjiż fejn ikunu mibgħuta jinvestu l-enerġija possibbli sabiex jiffurmaw il-kleru tal-post. Meta l-knisja lokali jkollha s-saċerdoti u r-reliġjużi tagħha tkun tista’ tikber aktar, dawn ikunu aktar evanġelizzaturi effikaċi w effiċjenti billi jkunu jafu aktar lin-nieshom bil-kultura tagħhom (Maximum Illud 1919, § 14).
  4. Il-Papa jagħmilha ċara li s-sejħa missjunarja ma tolqotx biss lil dawk is-saċerdoti u reliġjużi rġiel u nisa li jħallu pajjiżhom sabiex imorru f’pajjiżi tal-missjoni. Kull nisrani huwa msejjaħ sabiex ikun missjunarju anke jekk jibqa’ f’pajjiżu. U dan kull min hu mgħammed għandu jagħmlu permezz tat-talb u sagrifiċċji li joffri għall-missjunarji u għall-artijiet tal-missjoni. Dan l-ispirtu missjunarju jkomplu jintwera wkoll bil-ġenerożita li kull nisrani hu fid-dmir li juri bl-għotjiet finanzjarji bil-għan li kull ħidma missjunarja tiġi mgħejuna (Maximum Illud 1919, § 30-36).

 

  1. IL-PAPA FRANĠISKU JFAKKAR

Il-Papa Franġisku deċiż li mhux ser iħalli dan iċ-ċentinarju jgħaddi mingħajr ma jiġi mfakkar kif inhu xieraq. Huwa diġa antiċipa u xandar il-ħsieb tiegħu. B’inizjattiva tal-Papa din Is-sena, jiġifieri is-sena  2019 hija SENA MISSJUNARJA fejn ix-xahar ta’ Ottubru 2019 kien XAHAR MISSJUN ARJU EXTRAORDINARJU. Dan il-Papa Franġisku wrieh u ħabbru sa miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġurnata Missjuanrja tat-22 ta’ Ottubru tas-sena 2017.

Papa Franġisku jagħmel riferenza għall-Ittra Apostolika “Maximum Illud” fil-messaġġ tiegħu għall-Ġurnata Missjunarja li ġiet ċċelebrata il-Ħadd, 20 ta’ Ottubru. Fi kliemu l-Papa jurina kemm il-validità u r-relevanza ta’ din l-Ittra anke illum, mitt sena wara. Dan joħroġ mill-istess identità ta’ Knisja Missjuanrja li kienet, għada u tibqa’.

Il-Papa Bergoglio jagħmel riferenza għall-Ittra Apostolika “Divinum illud” tal-Papa Benedittu XV bħala dokument li ta animazzjoni  w entużjażmu ġodda fl-istorja tal-ħidma missjunarja fil-Knisja. U din l-istess animazzjoni w entużjażmu hemm bżonn li anke llum jiġu mqajjma mill-ġdid. Fl-ittra li l-Papa Franġisku bagħat lill-Karindal Fernando Filoni bħala Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli, jikteb hekk: “Dak li l-Papa Benedittu XV xandar u xtaq 100 sena ilu, u dak li l-Konċilju Vatikan II insista dwaru 50 sena ilu għadu u jibqa’ relevanti sal-ġurnata tallum”.

Il-Papa Franġisku jixtieq li din is-sena 2019 u b’mod speċjali x-xahar ta’ Ottubru ta’ din l-istess sena tkun okkażjoni sabiex fil-Knisja nkomplu b’aktar inisitenza nkattru aktar għarfien dwar il-ħidma missjunarja “ad gentes” fi ħdan il-Knisja u fl-istess waqt inkomplu nġeddu din il-ħidma missjunarja, mogħtija direttament minn Kristu (Mk 16,15), skont il-ħtiġijiet tad-dinja tallum.