Fil-25 ta’ Novembru l-Knisja tfakkar lil Santa Katerina ta’ Lixandra, Verġni u Martri li ħadet il-martirju fis-sena 305.
Ma għandna ebda aħbar ta’ din il-qaddisa, la fil-letteratura u lanqas fil-liturġija, ħlief minn żewġ dokumenti tardivi, il-Passio u l-Conversio, ta’ madwar is-seklu tmienja. Skont dawn l-Atti tagħha, Katerina kienet ta’ nisel irjali ta’ Lixandra, kienet studjuża ħafna, u kienet semgħet bil-Kristjaneżmu.
Il-ktieb tal-Iskrittura kien il-Vade Mecum ta’ ħajjitha li fiha ltaqgħet ma’ Alla. L-ewwel lejl wara l-magħmudija kellha viżjoni, fejn saret għarusa mistika ta’ Ġesù quddiem il-Madonna.
Fil-persekuzzjoni ta’ Massenzju (Massiminu), Imperatur ta’ Lixandra, Katerina, ta’ 18, marret iċċanfru għat-tiranija tiegħu. L-imperatur ma kellux il-ħila jweġibha, u sejjaħ 50 għaref biex iweġbuha. Dawn ikkonvinċew ruħhom bl-argumenti tagħha u l-imperatur inkurlat, ħaraqhom għax saru Nsara.
Katerina ħarġet rebbieħa, u Massenzju, wara li sawwatha, qafilha ġo ħabs. Wara dan telaq; iżda meta reġa’ ġie lura, sab li martu Fawstina marret iżżur lil Katerina fil-ħabs, u saret Nisranija flimkien ma’ 200 suldat tal-għassa. Ġew kollha maqtulin, u lill-qaddisa kkundannawha biex tiġi maqtula b’rota mdawra bl-imsiemer.
Meta ġew biex joqtluha, il-ktajjen tagħha nħallu u r-rota nkisret, waqt li l-imsiemer taru fl-arja u qatlu xi wħud li kienu preżenti. Fl-aħħar qatgħulha rasha.
Kienu l-monaċi li ġarrew il-ġisem tagħha fil-knisja li l-Imperatur Ġustinjanu kien bena ad unur tagħha, u minn dak iż-żmien il-monasteru beda jissejjaħ ta’ Santa Katerina.