Il-messaġġ

Print Friendly, PDF & Email

Kien il-Ħadd, il-25 t’Awwissu 2019, eżattament għall-ħabta tas-6.00 pm. Ħabbattna l-bieb tad-dar ta’ Marija Pavlović Lunetti, li tinstab viċin il-għolja Podbrdo, fejn Ommna Marija iżżur lil dan il-Wied tad-Dmugħ b’tant imħabba u kura ta’ omm li hi.

Dħalt. U sibt kappella ċkejkna, ħelwa u tassew li tilqgħek. Kulħadd kien misjub bilqiegħda fis-skiet jistenna l-mument biex tinbeda t-talba sabiħa u tant qawwija tar-Rużarju Mqaddes. U, kif dħalt u ħadt posti fuq l-altar mas-saċerdoti l-oħra, kif tant tajjeb ġie issuġerit lili qabel middejt riġlejja f’dak il-post qaddis, minnufih intradd is-salib u salpat it-talba ħelwa tar-Rużarju. It-talba ta’ Marija Omm Alla u Ommna!

L-ewwel posta intalbet bl-ilsien Kroat, it-tieni waħda bil-Franiż, it-tielet waħda bl-Ingliż, ir-raba’ bit-Taljan filwaqt li l-ħames waħda, iva, bil-Malti! Mela ilsieni u ilsienek! Hallelujah! Mhux importanti minn talabha daqskemm il-fatt li ġiet mitluba f’dan il-post qaddis. Għax kemm hu sabiħ meta aħna l-Maltin nsemmu leħinna, permezz ta’ ilsienna, f’dawn l-imkejjen mqaddsa mill-Mulej! L-għaliex anki aħna, għalkemm ċkejknin, nagħmlu wkoll parti mill-poplu qaddis ta’ Alla l-Ħaj! Dak il-poplu li għalih, Alla Missierna, tana lil Ibnu Ġesù biex jifdina, l-Ispirtu Qaddis biex iqaddisna u lil Marija Bintu u Ommna, biex timxi magħna din it-triq pellegrina li twassalna għas-Saltna tas-Sema.

Ir-Rużarju issokta jintalab. Intemmu l-ħames posti tal-glorja u dħalna f’dawk tal-ferħ. U hekk, kif intalab it-tieni misteru minn tal-ferħ, jiġifieri meta Sidtna Marija marret iżżur lil qaribha tagħha Santa Eliżabetta, tidħol Marija Pavlović Lunetti titlob magħna. Mat-tielet misteru, meta Sidna Ġesù Kristu twieled fl-għar ta’ Betlehem, ġara li tiġi Marija, Ommna. U, Marija Pavlović daħlet fl-esperjenza sabiex twasslilna l-messaġġ li Marija tat lilna l-bnedmin.

Tul din l-esperjenza tas-Sema ilkoll inżilna għarkuptejna. Is-skiet li kien isaltan fil-kappella kont tista’ taqtgħu b’sikkina. L-ebda ħoss li hu ħoss ma kien hemm. U hekk kif intemmet id-dehra Marija Pavlović bdiet titlob magħna l-bqija tal-posti tal-ferħ li kien fadal. Hekk kif spiċċa r-Rużarju inqara l-messaġġ għad-dinja. U l-messaġġ li tat Ommna Marija kien dan:

Għeżież Uliedi! Itolbu, aħdmu u kunu xhieda b’imħabba għas-Saltna tas-Sema li hi tajba għalikom li qiegħdin hawn, f’din id-dinja. Uliedi ċkejknin, Alla għad ibierek l-impenn tagħkom għal mitt darba; intom tkunu xhieda qalb il-popli. L-erwieħ ta’ dawk li ma jemmnux se jħossu l-grazzja tal-konverżjoni u s-Sema għad ikun grat għall-impenn u s-sagrifiċċji tagħkom. Uliedi ċkejknin, ixhdu bil-Kuruna tar-Rużarju f’idejkom li intom tiegħi u ddeċiedu għall-qdusija. Grazzi li weġibtu għas-sejħa tiegħi.

Mill-ewwel vers tiegħu naraw l-imħabba kbira li Marija Ommna għandha għal kull wieħed u waħda minna. Isejħilna uliedi għeżież! Hemm ħlewwa aktar minn din ħbieb? Imbagħad, wara t-tħaddina dritt tiġi l-ħidma! L-ewwel tip ta’ ħidma skont Marija hi: itolbu! Iva ħbieb! L-għaliex bit-talb jinferqu l-imwieġ tal-ħajja. Għax, it-talb veru, m’huwiex le xi aljenazzjoni minn xi ħaġa iżda impenn. U aħna nafu, kif tgħid it-taqbila li tana l-Mulej, li l-impenn iwassalni biex inħenn!

Fi kliem ieħor, Marija f’dan il-messaġġ qed tgħid lilek u lili biex naħdmu! U, b’talbna u ħidmietna nkunu xhieda b’imħabba għas-Saltna tas-Sema li hi tajba għalikom li qiegħdin hawn, f’din id-dinja. Mela x-xhieda Marija qed tikkwalifikaha permezz tad-don tal-imħabba. U l-imħabba għas-Saltna tas-Sema. F’kelma waħda, għall-post fejn int u jien għandna bżonn kbir li mmorru. L-għaliex din hi l-vera darna. U għaliha ġejna maħluqa.
Mela x’fiha is-Saltna ta’ Alla? Jgħidilna San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani: Is-Saltna ta’ Alla m’hijiex ikel u xorb, imma hi ġustizzja, u sliem, u grazzja fl-Ispirtu s-Santu (Rum 14:17). Żgur li mhux affarijiet li jgħaddu bħalma huma l-ikel u x-xorb. Li, għalkemm f’din id-dinja huma tabilħaqq neċessarji għalina biex ngħixu iżda jibqgħu xorta waħda affarijiet ta’ barra jew, saħansitra, indifferenti. Is-Saltna ta’ Alla hi ġustizzja l-għaliex tħaddan fiha l-maħfra tad-dnubiet u l-qdusija tal-qalb u tal-ħajja. Is-Saltna ta’ Alla hi sliem għax hi sliem fir-ruħ li tirċievi kontinwament il-ħniena tal-Mulej. U, dan is-sliem, hu wieħed li jirregola, imexxi u jġib l-armonija fil-qalb.

Fl-aħħar nett, din is-Saltna ta’ Alla hi grazzja jew ferħ fl-Ispirtu s-Santu. Hija s-Saltna ta’ Alla biss li tagħtina dak il-ferħ spiritwali solidu. Hi biss tagħtina dak il-ferħ li ġej mill-ħniena tal-Mulej. Hi biss tista’ tagħtina l-imħabba tal-Mulej li tinxteħet f’kull qalb li tilqagħha fl-Ispirtu s-Santu. Mela, din is-Saltna ta’ Alla, tagħtina dak li għandna tabilħaqq bżonn fid-dinja, f’pajjiżna, fil-familja u fil-komunità tagħna: il-ferħ li hu mwassal fir-ruħ mill-Ispirtu s-Santu u li jibqa’ f’dik ir-ruħ bl-influwenza tal-istess Spirtu. Għalhekk, is-Saltna ta’ Alla hi sieħba ġenwina ta’ dak li hemm fis-sema għax hi ġustizzja mingħajr dnub, paċi mingħajr taħwid u ferħ mingħajr l-ebda agunija nterna jew biża li tabilħaqq ibeżża’.

F’dan il-messaġġ Marija qed tgħidilna li dak li hemm fis-Sema jista’ u għandu jiġi fostna! Jista’ ikun li l-ferħ, il-qdusija u l-paċi t’hemm fuq jistgħu jkunu hawn magħna. Kulma rridu nagħmlu hu li nimpenjaw ruħna. Jiġifieri, li [nkunu] xhieda fost il-popli. U dan m’għandniex għalfejn naqsmu xi baħar kbir tafux inkella nirkbu xi ajruplan biex narawh iseħħ quddiem għajnejna. Ejjew ma ninsewx li pajjiżna stess sar pajjiż fejn jgħammru popli sħaħ. Barra minnhekk, anki fost dawn in-nies u anki fostna, il-Maltin u l-Għawdxin, hawn nies li ma jemmnux. Issa, jekk lil dawn in-nies inwasslulhom tabilħaqq il-ferħ, il-paċi u s-sewwa huma se jħossu l-grazzja tal-konverżjoni. Marija taf li dan ifisser, għalik u għalija, impenn u sagrifiċċji. Biss, u kif wegħdietna hi, s-Sema għad ikun grat għall-impenn u s-sagrifiċċji tagħkom.

Marija tgħallimna t-triq tal-umiltà. Għalhekk isejħilna: Uliedi ċkejknin. Tagħtina wkoll din il-missjoni ħelwa u qawwija daqs il-blat: ixhdu bil-Kuruna tar-Rużarju f’idejkom li intom tiegħi. Ejjew ma nistħux noħorġu l-Kuruna biex ngħidu r-Rużarju jew inkella biex inżommuha f’idejna. Bħalma kienet tagħmel Santa Tereża ta’ Kalkutta u tant qaddisin oħra.

Meta nwettqu dan kollu nkunu qed nuru tassew lill-Mulej li ħajjitna tkun saret deċiżjoni għall-qdusija vera!

X’messaġġ mimli ħajja hu dan hux!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: