Quddiesa għall‑istudenti fil‑bidu tal‑kampanja ‘Milied Flimkien’


Il-Ġimgħa, 6 ta’ Diċembru 2019: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għall-istudenti tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti fil-bidu tal-kampanja ‘Milied Flimkien’, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. 

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja ħafna liż-żgħażagħ li tawna riflessjonijiet tassew sbieħ u għallmuna li l-Milied huwa dejjem attwali. Is-sinjal tal-Milied huwa tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura. Il-maxtura kienet il-post fejn ipoġġu l-għalf għall-annimali minn fejn ikunu jistgħu imaxtru l-ġwież u dak li jingħatalhom. U din it-tarbija li hija wkoll ir-raġel ta’ 33 sena li jgħidilna: “Dan hu ġismi, dan hu demmi”. Din it-tarbija f’maxtura hija dak li jgħidilna: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”. Meta aħna naħsbu fil-kliem li tgħidilna din it-tarbija meta tikber, nifhmu tassew min hi u għaliex għandna nifirħu fit-twelid tagħha.

Il-kelma li tiġbor dak kollu li qalulna ż-żgħażagħ bl-arti u bil-ħila tagħhom, hija l-kelma li qal Ġesù, “Dak li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Aħna faċli li nintilfu fil-preokkupazzjoni tagħna għaliex inkissrilna l-Bambin tal-ġibs jew tat-tafal u ninsew li fostna, madwarna, il-Mulej qiegħed iħabbat fuq il-bieb tal-qalb tagħna jitlobna l-kenn. U għalhekk dan il-Milied forsi iżjed minn Milidijiet oħra, huwa stedina għalina li nersqu lejn l-essenzjal, li ma nibqgħux nintilfu fis-sokor tax-xiri u fis-sokor tax-xorb u fiċ-ċelebrazzjonijiet li minflok jiċċelebraw il-Milied, ibegħeduna mis-sinifikat profond tiegħu għax isiru aljenazzjoni.

Kieku niddeċiedu nitfu d-dwal u nixegħlu xemgħa waħda quddiem it-tarbija Ġesù jew quddiem il-presepju bħalma qed jistieden mill-ġdid il-Papa lid-dinja Kattolika tagħna kollha. Aħna għall-grazzja t’Alla anke minħabba San Ġorġ Preca, ħallejna fil-familji tagħna, fil-parroċċi, fis-soċjetà dan is-sinjal li jiġbor il-fqar u l-għonja, għandek ir-ragħajja u għandek il-Maġi lkoll jaduraw tarbija “Illum twildilkom is-Salvatur”.

Qegħdin niltaqgħu fil-festa ta’ Father Christmas għaliex aħna ngħidulu Fr Christmas, addirittura ġibnielu mara li jisimha Mary Christmas, imma dak huwa icing fuq personaġġ ta’ vera u minħabba l-icing li għamilnielu u din il-barnuża ħamra, nessejna lil xulxin min hu. Fr Christmas huwa Santa Klaws, huwa San Nikola – isqof Kattoliku magħruf għall-ġenerożità tiegħu, għall-għerf u l-qdusija tiegħu. Il-festa tiegħu tkun bħal-lum fis-6 ta’ Diċembru. Min hawn mis-Siġġiewi jafha bl-amment din. Imma dan l-imbierek Santa Klaws, San Nikola ,ukoll ippruvajna nnessu min hu tassew u minflok il-mitra tal-isqof għamilnielu l-barnuża bil-pompom u d-daqqna tiegħu ta’ isqof orjentali għamilnieha goffa. Jekk kienx qawwi bħali jew le ma nafx, imma Fr Christnas tafu li mhux irqiq u għalhekk insejna min hu tassew Fr Christmas.

Illum nistedinkom biex nifhmu li dan il-personaġġ li aħna niċċelebraw fil-jiem ta’ qabel il-Milied, kien bniedem li ddefenda l-innoċenza tat-tfal u d-dinjità tan-nisa. U għax għamel hekk, kien tassew xhud tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Jekk inti tħares lejn l-ikonografija, jiġifieri l-mod kif titwassal ix-xbieha ta’ San Nikola, ħafna drabi ssibu bi tliet boroż tad-deheb fuq ktieb. X’kienet, x’inhi l-istorja u nieqaf biha.

Kien hemm raġel li kellu tliet ulied bniet. Kien sinjur u ried iżewweġ lil uliedu tajjeb imma waqa’ f’għaks kbir. Tilef il-ġid kollu tiegħu u ddeċieda li peress li ma setax iżewweġ lit-tfajliet tiegħu bis-sewwa, itellaqhom fit-triq jaqbdu lill-irġiel biex ikollhom x’jgħixu u jkunu jistgħu jmantnu lilu wkoll. U Nikola sema’ b’din u peress li kellu l-ġid, imma riedx jumilja lil dan ir-raġel, għal kull tifla, meta kienet tasal għaż-żwieġ, kien iwaddab fil-bitħa ta’ dan ir-raġel borża muniti tad-deheb. U b’dik, il-missier seta’ jżewweġ it-tifla u Nikola lil dik it-tfajla kien isalvaha mit-triq, minn dawk il-ktajjen li aħna rajna ma’ dik it-tfajla.

Din il-ħaġa San Nikola għamilha tliet darbiet sakemm għassewlu u indunaw min kien. ’Il quddiem sar isqof ta’ Mira fit-Turkija u kien bniedem li ddefenda l-verità fuq Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Imma qabel xandar il-fidi tiegħu, Nikola għexha. L-isem tiegħu Nicholaus, ifisser ‘ir-rebħa tal-poplu’.

Jalla r-rebħa tal-poplu tkun ir-rebħa tas-sewwa. Jalla jkollnaleaders li qabel jitkellmu, jgħixu, qabel ikunu ħabbara jkunu xhieda. U din tgħodd għal kull wieħed u waħda minna.

Nerġa’ nirringrazzja ż-żgħażagħ li għamlulna pageant tassew qawwi, tassew attwali, tassew sabiħ. Lill-President għedtlu: ‘nistgħu mmorru għax qalulna kollox’ imma ma stajtx ma ngħidx xi ħaġa fuq Santa Klaws illum għaliex San Nikola dan għandu jgħallimna: meta xi darba taraw lil Fr Christmas b’żaqqu kbira u bil-barnuża, għidu: ‘That’s a fake’. Il-veru Fr Christmas huwa qaddis li qabel tkellem, għex u li r-rigali tiegħu ma kinux l-affarijiet li m’għandniex bżonn, imma r-rigali tiegħu ġabu l-ħelsien u d-dinjità lin-nisa u t-tfajliet li kellhom bżonn. Dan huwa l-messaġġ veru tal-Milied, il-kumplamanet huwaicing li nistgħu ngħaddu mingħajru.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 29, 17-24
Salm: 26 (27), 1.4.13-14
Evanġelju: Mt 9, 27-31