Kollox bil-mod!

Print Friendly, PDF & Email

Minn mindu l-Mulej sejjaħli biex nidħol mal-Patrijiet Kapuċċini, tul iż-żmien, għallimni li l-Patrijiet, bħal kull soċjetà oħra, għandhom il-kultura tagħhom. Dan juri ruħu mhux biss fl-ikel li jieklu, (u li mhux le bħal dak ta’ xi Hotel ta’ ħames stilel kif jaħsbu b’mod mgħawweġ xi wħud), imma anki fil-lingwaġġ li żviluppa magħhom tul is-snin.

Illum lill-Mulej indur fuqu u ngħidlu GRAZZI minn qalbi! Iva Mulej! GRAZZI li għażilni biex nagħtik ħajti bħala Patri! U GRAZZI li, minn fost biżibilju Patrijiet li hawn, għażiltni proprju bħala Patri Kapuċċin! Mela, mal-ordni ta’ dawk li vvintaw il-cafe cappuccino li jien u int tant nieħdu gost nixorbu filgħodu jew inkella meta noħorġu dik il-ħarġa biex nagħmlu dik ‘il-qrara’ madwar u bl-iskuża tal-kafè. Lill-Mulej ħbieb ngħidlu GRAZZI li għażilni Patri Kapuċċin għax naf li ma jistħoqqlix! U mhux ovvja li ma jistħoqqlix! U mela jien, bit-tqanżiħ kollu biex nidher ‘qaddis’(?), nista’ qatt inkun qaddis bil-ħila u t-tqanżiħ tiegħi x’kull waħda? Ajma! L-aktar jekk nibni xi kult madwari li jien qaddis? U le jaħasra! X’ħela ta’ ħin, enerġija u spirtu!

Id-dnubiet li għandi, kull wieħed akbar minn torpido, juruni biex immur bil-ġiri għand Ġesù u nħallih jgħallimni u jurini modi ta’ kif għandi niċċekken quddiemu! Għax, kif jgħid Hu: Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar (Lq 14:11). Issa, aktar ma jagħtini l-grazzja li noqgħod fil-post ta’ wara, fejn ma nidhirx, aktar qed jgħallimni napprezza l-ħajja tal-kunvent! Wara kollox, fil-kunvent, Hu kontinwament jgħallimni ħaġa waħda: x’jaf min ma ġarrabx! Naf x’jiġifieri ħniena. Għax inġarrabha! Anki kuraġġ naf x’inhu għax hemm Patrijiet li veru jagħtuni kuraġġ! Naf x’jiġifieri kelma għall-ġid. Għax xi Patrijiet lili veru jħobbuni għax kelma ta’ ġid jgħiduhieli. Bħalma naf x’jiġifieri għira għax nirċevieha mill-brejbes ta’ xi wħud. U anki botti naf x’inhuma għax brejbes imwaħħal ma’ xi wħud biex jgħaddihomli kull meta jkun ftit ħafif. Bħalma anki nġustizzji jien naf x’inhuma. Għax brejbes, li jmexxi lil xi wħud bir-remote control tiegħu, jitfagħhomli quddiemi biex, mingħalih, ifixkilni. Imma brejba ma jafx li miegħi, fija u bija hemm Dak li ħalqu! Donnu nesa brejba li jien, miegħi, għandi Alla Feddej! Li jixkana l-ħażen u jsalva lill-midneb, dejjem jekk ikun irid u jdawwar telfa f’rebħa tal-għaġeb f’teptipa t’għajn!

Issa dan qed ngħidulek sieħbi biex nagħtik kuraġġ! Għax anki jien, bħalek, ngħix fil-familja. U għalhekk nista’ inkellmek minn qalbi u nifhem xi rrid ngħidlek. Darba, ex-student f’Ordni reliġjuż, qalli: Il-Patri, qabel ma joħroġ iqaddes fuq dak l-altar, isir ikkappuljat fil-komunità tiegħu. Mela, sieħbi, jien nifhmek meta int issir ikkappulajt fil-familja tiegħek stess! U aqta’ kemm taqla’ fuq rasek! Left! Right! And centre! Awċ! Għax jien, u min hu Patri bħali, żgur li, xi darba jew oħra, spiċċajna ikkappuljat! Ajma! L-aktar jekk ikollok xi naqa’ tad-dejf bħalma għandi jien! Intant!…

Kelma ħelwa li tgħallimt mal-Patrijiet hi din: Kollox bil-mod! Għall-ewwel kont inħossha naqra morra din il-kelma. L-aktar meta kont għadni iżgħar u kont nara orizzonti lesti li jinfetħuli quddiemi. Avolja ħbieb kien hemm darbi fejn dawn l-orizzonti donnhom kienu marbutin b’qafla. Jew, saħansitra, b’katnazz. Jiddependi mis-sitwazzjoni u mit-tiħwira tal-kliem marbut magħhom. Sintendi! Imma ħbieb, illum dan il-kliem inbierku! Għax kollu ġej minn għerf il-ħajja. Għerf li l-Mulej għoġbu jagħtihuli mal-għeżież Patrijiet Kapuċċini li f’qalbi tant inħobb.

Kollox bil-mod! Kollox! Mhux din iva u l-oħra! Meta qed jgħiduli kollox ifisser kollox! Għax fil-ħajja ma nistax le naqbad għaddej irrankat bis-seba’ mija! U ejja ħa mmorru! Ma nistax naqbad u nagħmel kollox f’nifs wieħed! Kif jista’ ikun ħbieb li nagħmel hekk? U mela jien xi road runner jew? Biżżejjed inħares lejja nnifsi u nara kemm dan mhux minnu.
Issa, li dieħel ġmieli fit-48 sena tiegħi, qed ninduna b’ħaġa importanti f’ħajti. U din il-Mulej qed jagħtini l-grazzja li nintebaħ biha kull darba li nkun se nqum. Kemm sirt inqum bil-mod! U, biex inqum, irrid il-ħin tiegħi! Fis-skiet ta’ kamarti, ta’ fejn il-Mulej ikun tefagħni f’dak il-mument, hix tal-kunvent tal-ittra jew tal-kunvent tal-isptar, jiġifieri l-kunvent tal-Ispirtu s-Santu, fejn inqatta’ il-biċċa l-kbira minn ħajti bħala Patri Kapuċċin ma’ ħutna l-morda, nisma’ dejjem il-kelma li kien qalli t-tabib: Patri! Meta tqum qum bil-mod! U mhux bil-ħatfa!

Hallelujah! U almenu! Għax kif nista’ jien inqum bis-saħħa? U mela le ma nqumx bis-saħħa ħbieb! U mela jien irrid nagħmel l-esperjenza kerha li jsemmi Ġesù f’diskorsu lin-nisa ta’ Ġerusalemm meta jgħidilhom: Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!’ (Lq 23:30)? Ħa ngħidlek sieħbi: kull darba li nqum bil-ħatfa dejjem rajt il-muntanji jaqgħu fuqi! U anki l-għoljiet li radmuni! Le sieħbi! Ma nazzardax! U ma nilgħabhiex tal-hero lanqas! Mela, kollox bil-mod!

Hemm hi l-kelma ħi! Bil-mod! Jew, a la Ingliża, softly. Is-softy sabiħ! Għax pjaċevoli. U jpaxxi. Imma, stenna naqra sieħbi! Int qatt smajt bil-frażi killing me softly? Ma jmorrux ma xulxin hux li toqtol u bil-mod! Mhux għax il-problema qiegħdha fil-bil-mod. Imma l-għaliex qabilha hemm il-kelma toqtol! Mela ejja noqgħod attent u ma nħalli l-ebda kelma lelliexa li tlellixni u tqarraq bija. Għax anki jekk mingħalija li qed intajjar kulma għandi quddiemi bix-xogħol li qed nagħmel se tasal il-ġurnata fejn ikolli, irrid jew ma rridx, inbatti minn ħidmieti. Għax ma nkunx niflaħ naħdem aktar bir-rittmu li nkun għaddej bih bħalissa.

Barra minhekk hemm fattur ieħor importanti l-għaliex il-frażi, kollox bil-mod! fiha għerf kbir. U dan il-fattur jgħallimhuli l-isptar innifsu! Fl-isptar nintebaħ kemm iż-żmien duħħan. Malajr jgħib! Hemm arah! Kien jiflaħ jaqleb kantuniera. Biex issa, il-kantuniera qed taqleb lilu! Bil-marda li għandu miskin! Jew inkella kienet dejjem għaddejja. Jaħasra! Kemm kienet tagħmel affarijiet! Imma x’ġaralha ħi? Ħeqq! Dak li qatt ma stenniet li jiġrilha hux! Qattra demm f’moħħha! U issa? Qiegħdha hemm! Tistenna l-ħniena tal-Mulej fuq il-magni!

Din hi l-istorja ħbieb! L-istorja li dejjem tinkiteb! U tibqa’ tinkiteb! Imma, l-għaliex tinkiteb, ma jfissirx li ma tistax tieħu żvolta oħra ukoll. Ma jfissirx li ma tistax tieħu triq differenti! Illum, waqt li qed naqra dawn il-ħsibijiet, irrid nifhem li qed nikber. Li ma nistax le nibqa’ għaddej kif jien. Qisni barri maħrub! Illum irrid inkun umli biżżejjed u niftakar ftit fid-dada li nitfa’ fil-borma biex ikolli tiħwira tajba fl-ikel li qed inħejji. Illum irrid inkun kuraġġuż u kuraġġuża li nammetti li fil-ħajja jien għandi L-LIMITI tiegħi. U, f’dawn il-LIMITI, jekk inħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxini, nista’ iva nagħmel … u nagħmel ħafna u ħafna!

Madankollu ma rridx nisforza lanqas. Għax jekk nisforza ngħaxxaqha bil-kbir! Le! Nieħu l-pass tiegħi! Bil-mod! Bil-kalma! U meta qed insemmi l-kelma kalma ma nistax inwarrab it-taqbila ħelwa li l-Ispirtu s-Santu jagħtini fuq fommi, minn żmien għal żmien, bl-ilsien Taljan, dwar din il-ħaġa: Con calma! Se non voglio diventare una salma! Jiġifieri, Bil-kalma! Jekk ma rridx nispiċċa katavru!

Forsi nitbissmu għal dawn il-kelmiet, bħalma, wara kollox, nitbissem għalihom jien ukoll tafux! Imma r-rejaltà fihom qiegħdha! U mela jien, li dejjem għaddej u għaddejja, bla nifs, min jarani ma jarax li sirt katavru? Sirt abjad u bajda karti? Dejjem bin-nervi? Irrid nibki l-ħin kollu? U nifsi dejjem se jinqatagħli? Nagħmel storja fuq ix-xejn? U ma nafx kemm-il storja oħra fuq kemm-il problema oħra? U, dan kollu, biex ma ngħidx, bl-umiltà kollha, l-ewwel nett lis-supperv moħħi, li jaħseb li se jagħmel kollox hu: Sieħbi, ħija moħħi! U sieħbi, ħija moħħok! Jien s’hawn nista’! Ma nistax nasal aktar!
Ejjew ngħiduhielu lil moħħna din is-sentenza! Ejjew infakkruhielu ftit! Tgħidli: Diffiċli! Tibżax! Int ibda’! Wara kollox, jekk gas m’għandix tistenniex li se naħdem! Bil-gas biss jien nista’ tabilħaqq naħdem. U, int taf tistaqsini, minfejn se ġġibu l-gas Patri? Hawn hu s-sigriet sieħbi:

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni; f’mergħat kollha ħdura jqegħedni. Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; hemm hu jrejjaqni. Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu. Mqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni. Int tħejji mejda għalija quddiem l-għedewwa tiegħi. Biż-żejt tidlikli rasi, u l-kalċi tiegħi tfawwarli. Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti. U ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj!

X’faqa’ ta’ Salm dan hux! X’sauna fih dan is-Salm! X’jacuzzi hu dan is-Salm! Nissuġġerilek li taqrah kuljum! L-aktar meta tħossok imfarrak u mfarrka! Aqrah! U jekk waqt li qed taqrah torqod raqda tajba allura jkollok il-verifika li dan is-Salm jaħdem! Effettiv! Sostenibbli! Kostruttiv!

Min jaf? Forsi qabel immur għall-flixkun tal-alkoħol u nniżlu sal-qiegħ, għax aqta’ kemm jien frustrat u frustata, issa nibda’ naqra dan is-Salm 23 bil-mod. U, bil-għaġeb kollu tiegħi, anki jien nibda’ nagħmel, pass wara pass, BIL-GĦAJNUNA TAL-MULEJ, kollox … bil-mod!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply