Illum il-Knisja tfakkar lil San Gatjanu


Fit-18 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil San Gatjanu, l-ewwel isqof ta’ Tours li miet għall-ħabta tas-sena 337.

Aktarx kien ġej mill-inħawi ta’ Tours. Hawn, kien l-ewwel wieħed li daħħal il-fidi Nisranija, xi ftit għaxriet ta’ snin qabel San Martin, u kien l-ewwel isqof ta’ Tours.

Kiseb bosta għall-fidi. Għall-ewwel kien jiġbor il-merħla żgħira tiegħu fl-għerien, fejn kien iqaddes, biex jaħrab it-theddid tal-pagani. Dam jaħdem mal-ħamsin sena u miet fil-paċi madwar it-337 w.K.

Iżda meta San Martinu mar Tours it-traċċi tal-appostolat ta’ San Gatjanu kienu għebu kważi għal kollox, għax Sulpizju Severu jgħid: “kważi ħadd ma kien jaf b’isem Kristu”. Iżda xi ftit kienu jiftakru f’San Gatjanu, li kien mar jippriedkalhom il-Vanġelu u li kien temm ħajtu hemm.

Skont leġġenda taż-żminijiet tan-nofs, San Gatjanu kien wieħed mir-rgħajja li marru jqimu ‘l Ġesù f’Betlemm u wieħed mit-72 dixxiplu ta’ Kristu, u San Pietru nnifsu bagħtu l-Gallja. Din hi fi żgur invenzjoni, bħall-oħrajn tal-istess għamla.

San Girgor, isqof ta’ Tours, fis-seklu 6, jgħid fl-“Istorja tal-Franki”, li San Gatjanu kien wieħed mis-seba’ isfqijiet li l-Papa San Fabjanu bagħat minn Ruma, madwar nofs is-seklu 3. Iżda dan il-grupp ta’ seba’ isqfijiet, numru simboliku, hu wkoll leġġendarju.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com