Nitlob biex is-soċjetà Maltija tibqa’ akkoljenti


Il-Ħamis, 19 ta’ Diċembru 2019: Il-messaġġ tal-Arċisqof lill-Kap tal-Oppożizzjoni fl-iskambju tal-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt il-Valletta.

Capture2

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Nixtieq nirreċiproka l-awgurju ta’ dawn iż-żminijiet. Nirringrazzjak ħafna wkoll tal-messaġġ fundamentali meta għdt li l-Milied hemm bżonn niskopruh fil-veru sinfikat tiegħu. Dan l-Avvent, għax għadna fl-Avvent, il-Milied jiġi fuqna fl-24 ta’ Diċembru. F’dan l-Avvent fil-qalb tiegħi hemm it-talba u l-kliem sabiħ ta’ San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jien għandi bżonnok’. Naħseb li f’mument diffiċli din it-talba tagħmel ħafna sens għax aħna għandna bżonn niskopru bħala pajjiż, bħala istituzzjonijiet, bħala komunitajiet u bħala individwu s-sens tat-tajjeb u tal-ħażin – biex nagħżlu u t-tajjeb u nevitaw il-ħażin.

Ħafna drabi meta nitilqu lil Alla jikkrolla kollox madwarna u nagħmlu l-ikbar ħsara lilna, lil min inħobbu u anki lil ġenerazzjonijiet futuri. Kif kelli l-opportunità ngħid ukoll lill-Prim Ministru, intom għandkom din l-opportunità li tħarsu lejn uliedkom anki f’sitwazzjonijiet diffiċli u tgħidu lilkom infuskom għax lil uliedkom tixtiqulhom l-ikbar ġid, ‘aħna x’se nħallulhom lil uliedna? X’legat? X’futur?’ U r-risposta trid tibda minn issa, mill-impenn tagħna ta’ kull wieħed u waħda minna. L-appell li nagħmel ukoll huwa li aħna meta nħarsu lejn xulxin, u din naraha anki fl-insistenza tiegħek On. Kap tal-Oppożizzjoni, meta tinsisti li aħna rridu naħdmu flimkien, meta nħarsu lejn xulxin u l-mod kif inkellmu lil xulxin, qatt ma nitilfu s-sens ta’ ċiviltà u s-sens ta’ rispett. Anke għaliex għandna bżonn nikkonfrontaw veritajiet li huma skomdi u li se jweġġgħuna u li qegħdin iweġġgħuna u li rridu ngħinu lill-istituzzjonijiet jagħmlu d-doveri tagħhom u nikkonfrontaw ruħna mal-fatt li ma nistgħux nitilfu t-tama imma fl-istess ħin hemm għajta, li hija leġittima, għall-ġustizzja, għall-informazzjoni sħiħa u għall-verità.

Intom għandkom irwol importanti kemm fil-qafas soċjali u kemm fil-Parlament. L-appell tiegħi hu li l-Parlament ikun xempju ta’ djalogu leali fil-verità u li kulħadd ikolli l-kuraġġ jerfa’ r-responsabbiltà personali tiegħu. Ix-xhur li ġejjin jaf ikunu diffiċli imma m’għandniex naqtgħu qalbna.

Il-Milied jiġi għax nemmnu li d-dawl jiddi fid-dlam u li l-messaġġ tal-anġli lir-ragħajja, kategorija ta’ nies li kienu disprezzati u mwarrbin, kien wieħed ta’ glorja lil Alla imma ta’ paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Allura l-awgurju tagħna l-Isqfijiet tal-Knisja f’Malta huwa li l-Maltin ikunu dawk in-nies ta’ rieda tajba li jixxenqu għall-paċi, li l-Milied niċċelebrawh mhux fit-tiżjin estern imma b’din il-ħerqa għal dik il-ħarsa ħanina tat-tarbija ta’ Betlehem. Ġesù huwa l-iben t’Alla magħmul bniedem u waqt li qed inħarsu lejn dik it-tarbija, qed naraw it-tenerezza t’Alla wkoll il-kuraġġ li aħna fejn aħna nintrefgħu u nħarsu ’l quddiem.

Nixtieq ukoll nirringrazzjak tal-kuraġġ li int esprimejt meta insistejt li l-poplu għandu jkun infurmat b’mod sħiħ għaliex naħseb jien hemm bżonn ħafna li l-politika tkompli tirrispetta l-intelliġenza tan-nies u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu l-ġudizzju huma u nħoss li dak huwa l-qalba tad-demokrazija vera.

Nitlob biex il-Knisja tkompli tkun xhieda ta’ impenn soċjali favur dawk li huma l-iżjed fil-bżonn tal-għajnuna u fl-istess ħin ukoll is-soċjetà Maltija tibqa’ soċjetà akkoljenti, mhux biss nilqgħu lil xulxin imma lilkom u lil kull min qiegħed fostna għaliex il-kliem ta’ Ġesù: “dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi”, nemmnu li għadu attwali u jagħmel ħafna sens.

Ippermettili nippreżentalek kopja tad-diskorsi li għamilt fl-2018. Ħafna drabi jgħiduli biex nagħlaq ħalqi imma nsibha naqra diffiċli. Hemm ir-ritratti wkoll. Hemm introduzzjoni tal-Awżiljarju li fl-2018 sar isqof, suċċessur tal-Appostli. Hemm xi ritratti wkoll u ma jonqsux xi sitwazzjonijiet interessanti li fuqhom isib ruħu l-isqof.

Awguri!

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta