Nixtieq inħares ‘il fuq! …

Print Friendly, PDF & Email

Għadda illejl! Jum ieħor sebaħ! Għadda illejl bi dlamijietu! Għadda illejl bl-inċertezzi tiegħu! Għadda illejl!

U qomt għal jum ieħor! Jum ta’ ħidma fl-għalqa immensa ta’ Dak li kollox u kulħadd hu tiegħU. Anki jekk, il-ħlejjaq ċkejknin tiegħu, hux qiegħdin barra jimxu fit-triq, inkejja jaħdmu fil-postijiet tax-xogħol, jew jgħixu fil-familja jew fil-komunità, igawdux ftit tal-jiem fil-btâla, inkella hux qiegħdin għas-sħana u l-irdoss tas-santwarju, ġieli jfettilhom, iva, ta’ bnedmin dgħajfa li huma, jagħtu l-impressjoni li huma tabilħaqq l-imperaturi ta’ kollox. Li kollox miexi f’idejhom!

Qomt għal Jum ieħor! Għall-jum maħluq minn Dak li f’Daru hemm post għal min irid jidħol! Sintendi! Mhux bil-kriterji mgħawġa u egoisti pesti tiegħu, tagħha, tiegħek u, fuq kollox, tiegħi. Fil-fatt, u dan hu sinjal ta’ għall-erwieħ! mill-kbar nett!, ara qatt taħseb li Hu se joqgħod fuq xi rakkomandazzjoni ta’ xi ħadd fuq kif għandu jipproċedi jew ma jipproċedix! Jew inkella li se joqgħod jaħli l-ħin għax jidħol f’xi inkwiet u ansjetà kbira minħabba li tkisser jħabbel rasu minn xi pressjoni li tista’ issirlu minn barra. Hi ta’ liema għamla hi! Donnu, aktar mal-ħlejjaq ċkejknin u li, imsieken, jaraw sa mneħirhom tiegħu, iriduh jew jippruvaw iġagħluh li jaġixxi b’ċertu mod aktar Hu, bil-ħlewwa kollha li tagħmlu HU DAK LI HU, aqta’ kemm jirreżiżithom! Skużi ta! Mela dan m’għandux dixxerniment x’kull waħda? Ma janalizzax naqra waħda lilu nnifsu?

Tħallinix ninfaqa’ nidħak daħka kbira u ma nieqafx sieħbi! X’arronganza grassa hi din tiegħi! Jien min jien biex nanalizza issa lil Dak li ħalaqni u fdieni? Kemm niflaħ inkun taċ-ċajt? Mhux biżżejjed li fnejt il-ħajja ta’ dawk ta’ madwari daqskemm analizzajthom u kissirthom? Irrid issa, u bil-wiċċ tost kollu, nanalizza lil min tani l-ħajja? Għandha tmiem l-arroganza tiegħi? Kapaċi ngħid DAQSHEKK? Imma kemm jien iblaħ u belha biċ-ċertifikat mill-università tal-bluha! U mela jien, għax fattarha f’moħħi li jien naf iktar minnhekk, jew naħseb li għandi ċ-ċavetta ta’ kollox imdendla ma ħżiemi, jew li niddritta ħa nurik kemm jien setgħani u setgħana, u naf skola, forsi wkoll għax sibt lil min iqabbiżli t-taraġ ħa jlaħħaqni u tlaħħaqni, naħseb li lħaqt is-sema b’idi? Għax ma nkunx, għal darba, sinċier u sinċiera quddiemU u inħares lejH u nħalli, għal darba, imqar iva din id-darba biss, is-sempliċità u l-umiltà tiegħu jaffaxxinawni? Għax Hu, li qiegħed fis-Sema daqskemm qiegħed magħna u magħna daqskemm qiegħed fis-Sema, Hu hekk hu, Sempliċi! Umli!

Ħallini nfakkrek ftit, għażiż u għażiża, kif inħoss li għandi nfakkar lili nnifsi illum, kif isejjaħlu San Franġisk t’Assisi, il-fqir għani: qaddis, tagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb, qawwi, kbir, l-Aktar Għoli, is-Sultan ta’ kollox, Missier Qaddis, Sultan tas-sema u l-art, tjieba u fuq kull tjieba, imħabba, għerf, umiltà, sabar, sbuħija, ġwejjed, kenn, sliem, hena, ferħ, tama tagħna, ġustizzja, qjies, l-għana kollu tagħna, int li tħarisna, tgħasses fuqna, tidħol għalina, serħan, fidi tagħna, imħabba tagħna, ħlewwa kollha tagħna, ħajja bla tmiem tagħna, Feddej tal-ħniena.

X’paċi jnissluli dawn il-valuri ħbieb! Hekk kif kull darba noqgħod naħseb fuqhom! U meta nħallihom jidħlu fil-qalba ta’ qalbi! Imma xi ġrali meta, misjuq mill-għajta fgata u ddisprata li, biex ngħix f’din id-dinja miġnuna, fejn trid taħsad fejn ma żergħetx u tiġbor fejn ma xerrditx, ninġarr mill-kilba li mhux biss nara x’qed jiġri madwari iżda li nħalli lil min irid ilibbsni n-nuċċali tiegħu u tagħha biex nirrepeti dak li qed iħambaq u tħambaq fuqu? X’xewqa bla sens u niexfa qoxqox minn kull għaqal hi din tiegħi li tant kemm inkun irrid li nidħol b’ruħi u ġismi fis-sitwazzjoni nagħmel l-istess sitwazzjoni alla? U mbagħad, mingħajr l-ebda referenza għal Alla tas-sitwazzjonijet, nippretendi li nsolvi dik is-sitwazzjoni? U kif nista’ ngħixha dik is-sitwazzjoni jekk nemmen fit-twemmin fieragħ li dan Alla tas-sitwazzjonijiet ma jeżiżtix? Għax, fil-kriterji mgħawġa, kburin, arroganti u zoppi kemm jista’ ikun tiegħi, suppost li l-affarijiet qed iseħħu kif naħsibhom jien li jseħħu? Għax moħħi u l-edukazzjoni tiegħi li rċevejt mill-kotba, mir-rivisti u miċ-ċrieki ta’ dawk li jaħsbuha bħali, hekk jiddettawli li għandu jsir? U jbellgħuli r-ross bil-labra tal-interpretazzjoni dejqa tagħhom tal-affarijiet?

Hemm jien! Tbegħidt mill-qdusija tiegħek Mulej u sirt xitan! Għax jew kollox isir kif irrid jew inpaspar jien inkella rebus tar-rebusijiet! Hemm jien Mulej, tbegħidt mill-qawwa tiegħek! Għax għamilt lili nnifsi l-qawwi. L-Erkole! Biex imbagħad ntbaħt kemm jien dgħajjef u dgħajfa! U lanqas niswa l-ilma li nixrob! Għax tkaxkart mhux mis-sewwa tiegħek imma mill-emozzjonijiet tiegħi! Mulej, tbegħidt minnek l-Aktar Għoli! Għax, bl-arroganza u s-suppervja tal-prima klassi tiegħi, għamilt lili nnifsi l-aktar għoli u għolja! Imma jien jien jew minix? Dan kif daħħaltha f’moħħi li, irrilevanti mit-tul tiegħi, jew saħansitra mit-takkuna li nilbes, jien simply the best? Minix ninduna li t-tixmira li għandi fuqi aqta’ kemm qed tkun diffiċli għal dawk ta’ madwar li jkellmuni? Mela kemm ixxammart?! Dan kif waħħaltha f’rasi li bħali la kien hawn, la hawn u lanqas għad ikun hawn?!

Mulej, tbegħidt minnek, Int is-Sultan ta’ kollox! U spiċċajt għamilt lili nnifsi s-sultan u s-sultana ta’ dak li għandi! U hekk, dak li għandi sħettu għax ġibtu miżerja jien! Għax anki jekk għandi bir-radam, imma, u fil-verità, ħdejn li għandek Int, tiegħi lanqas jidher! Għalhekk mela jien qammiel u qammiela tas-seba’ pesti! Għax, dak li għandi, u għandi kemm għandi, minflok ma qsamtu ma’ ħaddieħor, bħalma tagħmel Int, iggranfajt waħda sew miegħu! U hekk sirt tirann u tiranna minn fuqu u b’riħtu!

Twarrabt minnek Missier Qaddis! U x’sirt issa? Iben u bint mormija! Għax tbegħidt mill-imħabba u l-għożża tiegħek! U, minflok li qed nuriehom ma’ kulħadd, ma’ min soffra u ma’ min ġiegħel lil xi ħadd isofri, bħalma tagħmel Int, ħadt pużizzjoni. Eskludejt. U hekk, minflok li ħallejtek tagħmilni bħalek, li nħobb lit-‘tajbin’ u lill-‘ħżiena’, ġejt issa fuq naħa waħda tal-vapur. Oh Mulej! Kif il-kundanni u l-ġudizzji tiegħi żbilanċjawni bl-ikrah quddiem il-ġustizzja tiegħek! Li għaliha ma jeżiżti l-ebda appell għajr il-maħfra u li nagħmel il-ġid lil min iweġġagħni! Jekk dejjem irrid li niġi maħfur u maħfura u hekk ma mmutx jien stess fil-kundanna eterna!

Fit-telfa tat-tpaċpip u l-fisazzjoni tiegħi dwar idea nsejt li int is-Sultan tas-sema u l-art! Kemm tqarraqt jaħasra għax ħsibt li jien iva sirt minflokok, is-Sultan tagħhom! Ħsibt li minni saru jiddependu! Mulej, tassew li affaxxinajtni! Int bqajt kwiet. U ħallejtni ngħaffeġ. Anki jekk kont taf li qed nagħmel straġi xorta waħda ħallejtni nilgħabha tal-Almighty! Hemm ara fejn wasslet is-setgħa bla tarf tiegħi! Frakass! U frakass għall-ħdud u l-festi kmandati!

Is-sabiħa hi li jien għandi għajni mimlija li, bl-idea iffisata li għandi f’moħħi, jien tjieba u fuq kull tjieba! Dażgur O Mulejja! Int għamilha miegħi ħa tara jekk inix din it-tjieba fuq kull tjieba li qed nippoża li għandi? Ara jien għandiex imdawwar miegħi xebgħa barbed wire li jixxokkja tgħidx kemm? Ara għandhiex fija u madwari attitudni li timbutta, tħaġġar u ittaqqab lin-nies? Ara jien, fija u madwari, għandhiex u nxerridx aggressjoni tal-biża’? Staqsi ftit O Mulejja xi jħossu dawk li qiegħdin madwari u li jħokku miegħi? Staqsiehom jekk iħossux il-paċi jew inkella dik l-ansjetà tal-biża li ġejja minn rabja nfernali li għandi tbaqbaq ġewwa fija? U dan l-għaliex qatt ma kelli l-kuraġġ li r-rabja nsejħilha b’isimha? U qatt ma tlabtek tneħħihieli? Tgħid x’inhi tgħidli l-imġieba tal-povri ta’ madwari li imsarinhom f’saqajhom għax ma jafux x’se jinqala’ meta jien inkun qed infuħ madwarhom?
Imbagħad xi ngħidu għall-imħabba? Il-valur tal-valuri? Mulejja, meta kont miegħek stajt inħobb! Għax kont inħalli lilek tħobb fija u bija! U allura, l-imħabba, kienet tiġini naturali. Imma issa, minn kemm ili li ddeċidejt li jien ma nemminx aktar fik, għax għalija l-fidi hi stejjer tal-ħrejjef, minn mindu ħadt iċ-ċerfikat, jew smajt xi żewġ aħbarijiet fil-bullettin tal-aħbarijiet u weħħlu ma’ moħħi, kemm tbiddlet l-attitudni tiegħi!

Jaħsra għalija! Kemm jien iblaħ u belha meta ħsibt li sirt naf ħafna u li, għax issa għandi ċ-ċans li naħżen xebgħa nformazzjoni, ħsibt li se nħobb aktar! Imma ara xi ġrali! Kemm ibbist f’qalbi! Kemm mort lura! Kemm sirt bla qalb! Kemm dħalt ġo sqaq li nara lil ħaddieħor bħala imputat u mhux aktar bħala ħija u oħti li inti tajtni! Għax tbegħidt minn imħabbtek jien għamilt imputat u imputata lili nnifsi stess! Għax qatt ma ħfirt lili nnifsi għall-iżbalji tiegħi! Imma kif ma nindunax jaħasra!

Insejjaħlu dan kollu għerf jew stupidaġni? Umiltà jew suppervja grassa u li tiggasja b’intinietha? Insejħilha din is-sewwa jew dnewwa ta’ ħażen tal-abbissi? Naraha din bħala ħlewwa jew morr tal-imrar? Nara dan kollu serħan jew indannazzjoni totali tal-infern minn din id-dinja stess?

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet (S 121:1). Lejk Mulej! Għalhekk nixtieq inħares ‘il fuq!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: