Et Verbum Caro Factum Est


Ħrejjef li jwasslu minn żmien ‘il bogħod f’ħafna artijiet isemmu li fil-lejl tal-Milied l-annimali fl-istalel jingħataw ir-rigal tal-kelma. F’xi naħat tad-dinja, l-istatwi tal-ġebel jingħataw rigal ieħor, li jieħdu l-ħajja u jerħulha għat-triq f’mixja lejn x’imkien.

Statwi jiċċaqilqu

Hekk ġara f’lejla minnhom tal-Milied. Min għadda minn ħdejn monument ta’ ċimiterju li jmiss ma’ Knisja f’raħal minnhom seta’ jisma’ l-istatwi jitkellmu. “Inti tiftakar?” staqsa ‘l sieħbu s-suldat bil-lanza f’idu taħt is-Salib. “Tiftakar ?… meta dawk li naqqxuna tellgħu ġebla kbira fil-għoli u fix-xifer tagħha ħaffru xi kliem? Dakinhar jien ma fhimtx xi jfissru:… “Et Verbum caro factum est.” “U żgur li niftakar… u b’hekk?” “Inti taf xi jfissru dal-kliem ?” “Le ma nafx! Idoqquli bħal-Latin, imma żgur li mhux il-Latin tal-Imperatur. Iktar jixbaħ il-Latin tal-Kappillan. Imma għalija, dal-kliem ma jfisser xejn!.” “Tajjeb, din tal-Milied hi l-lejla meta nistgħu nduru mar-raħal u nistaqsu ‘l xi ħadd li jaf iktar minna.” “Imma fejn se naqbdu mmorru ?” “Għand oħrajn li qegħdin f’monumenti ikbar. Xi ħadd insibu żgur!”

Et Verbum caro 2.jpg

Iż-żewġt iħbieb inqalgħu mill-ġebla li kienet iżżommhom, niżlu u resqu lejn l-eqreb monument. Lemħu statwa ta’ qassis li mill-bixra tiegħu ħaduha li jaf xi ħaġa tal-Latin. Kien qassis tal-Għaqda l-Qadima, wieħed mill-qassisin tat-Tempju. “Et Verbum caro factum est?” “Ħbieb tiegħi, ikolli nistqarr li ma nafx xi jfissru, imma nista’ niġi magħkom biex infittxu ‘l xi ħadd iktar ta’ ħila ħalli jfissirhomlna”. Lesta biex iħalli liż-żewġ żgħażagħ Marija u Gużeppi, li kien qed jgħaqqad fiż-żwieg. Il-qassis niżel u mexa wara ż-żewgt irġiel.

Et Verbum caro 4.jpgMonument ieħor,… statwi oħra,… l-istess mistoqsija. Persunaġġ, fix-xifer tal-monument, xtaq jidħol fil-biċċa u talab li jgħid tiegħu. “Ma nistax inħalli lil dawn it-tnejn, is-sinjur u l-fqir, li ġew għandi minħabba tilwima li għandhom.” “Inti ġibhom miegħek!” Hekk għamel, u waqt li dawk it-tnejn għamlu t-triq kollha jitlewmu, is-sitt statwi mxew fil-qalba tal-lejla. Meta waslu fir-raba’ monument, issa li kisbu l-esperjenza, fittxew li jduru dawra miegħu qabel ma jibdew jistaqsu. Kien hemm l-erba’ evanġelisti fuq il-mejda tal-kitba fl-erba’ truf tal-monument. Stagħġbu meta semgħu għal ħafna drabi l-mistoqsija: “Et Verbum caro factum est?” Ġwanni, l-aħħar minnhom, beda jħokk rasu fil-waqt li tbissem. Kien se jwieġeb x’ħin l-ajkla li kienet f’riġlejh taret lejn in-Nofsinhar. L-istatwi raw sinjal f’din it-titjira u ftiehmu li jimxu mat-tajra imperjali. Ħtiġilhom jaqdu l-biċċa malajr, qabel ma titla’ x-xemx; jekk le, jerġgħu jsiru tal-ġebel bħal qabel. Laħqu għolja, fejn kien hemm San Mikiel. “Et Verbum caro factum est?” L-arkanġlu ngħaqad mal-grupp, għalkemm ma kien jaf lil ħadd minnhom. Aktar ‘il quddiem iltaqgħu ma’ statwa oħra, ta’ re fuq żiemel, li dam jaħsibha imma niżel wara li xi ħadd kellmu f’widnejh u qallu x’inhu għaddej.

Et Verbum caro 3Il-mara u t-tarbija

Waslu f’xatt il-baħar, fi pjanura wiesgħa. Hemmhekk raw dak li ħadd minnhom ma stenna. Qtajjiet ta’ anġli, tal-ġebel huma wkoll, bdew resqin minn kull naħa tax-xefaq. Kienu jkantaw għanja tal-ġenna waqt li, miktuba b’ittri tad-deheb f’sema skur u bnazzi, dehru “Et Verbum caro factum est”. Indunaw li t-tfittxija f’din il-lejla tal-Milied kienet riesqa lejn it-tmiem! F’nofs il-pjanura kien hemm statwa ta’ mara, mimduda fuq sodda tal-qasab, b’xagħrha maħlul, iżżomm biċċa drapp tal-ħarir; f’idejha kellha tarbija, b’idejh bħal qed ibierek. Waqa’ s-skiet x’ħin ilkoll tbaxxew għarkubbtejhom u l-angli waqfu jferfru l-ġwienaħ. Il-mara bdiet titħarrek u tat tbissima li ltaqgħet ma’ għajnejn l-oħrajn kollha. Is-suldat ma felaħx ma jlissinx: “Et Verbum caro factum est?” Issa, quddiem l-Omm u t-Tarbija, fehem xi jfissru l-kliem bil-Latin waqt li l-anġli nfexxew ikantaw Gloria in excelsis Deo!

Ix-xemx kienet tielgħa max-xefaq, hekk li l-istatwi kien sarilhom il-ħin biex isibu ruħhom mill-ġdid fejn kien qegħidhom l-imgħallem li naqqaxhom fil-ġebla. Ir-re, Mikiel u Ġwanni, is-sinjur u l-fqir, il-qassis tal-ligi,… reġgħu lura f’posthom, mhux qabel ma s-suldat ħares ‘il fuq, lejn il-ġebla fejn kien hemm il-kliem “Et Verbum caro factum est”. U l-ajkla? Din marret lejn l-imgħallem tagħha, il-benjamin tal-appostli, li ħa postu bil-qiegħda mal-mejda tal-kitba, iżejjen il-vers famuż tal-ewwel kap tal-vanġelu tiegħu: “Et Verbum caro factum est et habitavit in nobis”. “U l-Kelma saret laħam, u għammret fostna”. (Ġw 1, 14)

Kitba ta’ Joe Galea

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.