Il-poplu jsellem lill‑Kardinal Prospero Grech fir-Rabat


Jum ta’ luttu nazzjonali fil-Kunvent ta’ San Mark, ir-Rabat Malta.

Illum 9 ta’ Jannar 2020, il-kappella tal-Kunvent ta’ San Mark, fir-Rabat miftuħa għall-pubbliku sa nofsinhar għal min jixtieq jagħti l-aħħar tislima lill-Kardinal Prospero Grech. Hemmhekk wieħed jista’ jiffirma l-ktieb tal-kondoljanzi.

Capture

F’nofsinhar tindaqq mota funebri fil-knejjes kollha f’Malta u Għawdex.

Fis-1:40pm, it-tebut jittieħed fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina, u fis-2pm issir quddiesa praesente cadavere b’suffraġju tal-Kardinal, ippreseduta mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Flimkien mal-Arċisqof ser jikkonċelebraw l-Arċisqof Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta; l‑Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku tad‑Djoċesi ta’ Għawdex; l-Isqof Joseph Galea-Curmi; u l-Isqof Pawlu Darmanin, Isqof Emeritu tad-Djoċesi ta’ Garissa, il-Kenja.

L-Ordni Agostinjan ser ikun rappreżentat mill-Vigarju Ġenerali, Patri Joseph Farrell, flimkien mal-Assistent Ġenerali Patri Edward Daleng. Il-Provinċja Agostinjana Maltija ser tkun rappreżentata mill-Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt u għadd ta’ reliġjużi oħra tal-Provinċja. Magħhom ser jikkonċelebra wkoll Patri Alexander Longs f’isem il-Komunità ta’ Santa Monika f’Ruma, fejn il-Kardinal għex għal aktar minn 60 sena.

Il-kongregazzjoni ser tkun immexxija mill-President ta’ Malta Dr George Vella. Wara l-Quddiesa, id-difna tkompli f’forma privata.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija tixtieq li minflok fjuri jintbagħtu għotjiet ta’ karità lid-Dar tal-Provindenza jew lis-Segretarjat għall-Missjonijiet Agostinjani, li kienu tant għal qalb il-Kardinal Prospero Grech.

Sadattant, il-Gvern ta’ Malta ddikjara llum, 9 ta’ Jannar 2020, bħala jum ta’ luttu nazzjonali b’tislima lill-Kardinal Grech.