Min jifraħ u min jibki


Għaddew il-festi tal-Milied. U hekk, ma’ dawn il-festi, fettlilhom jgħaddu wkoll ix-xebgħa taħbit u tħejjijiet li festi bħal dawn żgur li jġibu magħhom. Dan ifisser li mal-festi għaddiet ukoll l-għagħa li sseħibhom magħha. U issa, f’perjodu ta’ ftit jiem, aqta’ kif dawn il-ġrajjiet daħlu jiġru fl-istorja! Biex tkompli tagħqad issa dħalna wkoll f’sena ġdida. U kollox deher li ntesa’! Almenu mad-daqqa t’għajn!

Imma, jekk għalik u għalija kollox jidher li għadda lixx lixx kemm jista’ ikun, mhux le jista’ ikun il-każ għal min tilef lil xi ħadd għażiż f’dawn il-jiem. Emmnuni ħbieb! Tafu li għalhekk inħobb immur l-Isptar Mater Dei jien? U veru nħobb immur għal qalbi? U mmur ta’ Patri Kapuċċin? Li minn ġuf l-ordni tiegħi Kapuċċin, dan ix-xogħol għandi nippreferih fuq kull xogħol ieħor li aħna l-Kapuċċini nistgħu nagħmlu? Jew li noħolmu li xi darba għad nagħmlu? Għax dan mhux xogħol ħbieb imma mod ta’ ħajja! U l-ebda raġunament ieħor ta’ maġġoranza jew minoranza, ikun xi jkun il-każ, ma jista’ qatt joħodha kontra din il-kariżma, mogħtija lilna bħala Kapuċċini mill-Ispirtu s-Santu innifsu! Sa’ mill-bidu nett tal-istorja tagħna! Kif nista’, għiduli intom ħbieb tiegħi, li nagħlaq għajnejja, u tant li għalija jiġu qishom qatt m’eżiżtew, il-biżibilju ta’ weġgħat ta’ tant nies li tilfu lil xi ħadd għażiż, f’dan l-imbierek sptar, kif kien iħobb jgħidlu l-Patri qaddis Patri Joe Saliba OFM Cap, u jien nibqa’ hekk, frisk bħal ħassa?

Għax anki f’dawn il-jiem ta’ ferħ, jiem fejn inħass ċertu ferħ u għatx kbir għall-għaqda u r-rikonċiljazzjoni, ħafna ħbieb kienu dawk li tkissru. L-għaliex, meta ħaddieħor kien qed igawdi, u bir-raġun kollu li jagħmel dan, fl-istess kuritur fejn kien hemm it-tiżjin sabiħ tal-Milied fil-ward, mhux hekk le kienet l-istorja! F’dik il-kamra, li fiha miet xi ħadd, kien hemm niket u dieqa kbira. U kbira ħafna! Fejn, lill-Patri, jiġifieri lil sħabi l-Patrijiet u lili, li jew kont għassa fis-sigħat ta’ billejl jew dawk bikrin ta’ filgħodu, inkella f’dawk matul il-jum, ċempluli l-infermieri mill-ward u qaluli: Ħalliena! Ħallietna! Jew, jekk inkun barrani (u nittama li qatt din il-ħaġa ma jgħidhieli u tgħidhieli xi Malti jew Maltija), jgħiduli fuq it-telefon: Passed away!

U jien, il-Patri, bħall-bebbuxu, jew tank tal-erbgħin bis-saqajn, immur iva! Bil-mod il-mod! Imma mur! U mmur b’determinazzjoni tal-azzar! Immewweġ. Nofroq il-mewġ. U nimxi dejjem ‘il quddiem. Insalpa u ma nieqafx! F’dawk il-kurituri! Li, għal min iħobb il-kumdità ta’ daru jew kamartu jaf jkunu ta’ theddida. Ta’ skumdità. Li jkemmxu l-wiċċ mit-tbissima falza għax joħorġu l-verità sħiħa li tiddi daqs ix-xemx quddiem il-Mulej Alla. Imma għal min iħobb veru lil Ġesù huma mezzi eċċellenti tal-qdusija tiegħu u ta’ dawk li, għax jgħiru għalih, aqta’ kemm jippersegwitawh!

Immur ħbieb, pass wara pass. Bil-kuruna tar-Rużarju f’idi. Mhux għax jien xi qaddis imma għax midneb. U, tant kemm jien midneb li, ma’ kull żibġa tal-kuruna, bil-fidi li jagħtini l-Mulej Ġesù, nafferma b’qalbi kollha dan il-fatt li qatt ma nista’ ngħid li mhux veru: Itlob għalina midinbin! Immur lejn il-ward, bil-kuruna tar-Rużarju f’idi, mhux għax jien aħjar minn ħaddieħor imma proprju għax jien l-agħar wieħed! Mela veru għandi bżonn nitlob! U kemm għandi bżonn iva tibqa’ tidher f’idi l-kuruna tar-Rużarju! Il-katina mqaddsa li tgħaqqad l-art mas-sema! Huwa l-Madonna f’Medjugorje taf x’inhi tgħid sieħbi! Intant!…

U nasal fil-ward. U x’taħsbu li nsib quddiem wiċċi? Mhux dik ix-xena ta’ qsim il-qalb! Bil-familjari li jipprotestaw bis-sħiħ mal-Mulej! Għalfejn ħadulna? Għalfejn ma fejjaqhiex? Kienet tant mara tajba? U raġel tajjeb? Għaliex? Għaliex? Għaliex?… Kien hemm drabi fejn jien ukoll kont noħodha ħafna ġewwa din il-ħaġa. Kważi kważi kont noħodha personali ukoll. Imma, illum, wara li jien ukoll tlift lil għażiża oħti Josephine u lill-għażiż missieri Ġanni, anki jien, illum, nagħmel dik il-mistoqsija magħhom. U, kemm drabi nistaqsiha jiena ukoll magħhom. Għaliex il-Mulej ma fejjaqhiex lil oħti Josephine? Kienet fl-aħjar tagħha? Kien tant jużaha biex biha jagħmel tant ġid mal-proxxmu? Għalfejn il-Mulej ma fejqux lil missieri? Meta kien jaf tajjeb kemm kien importanti għalina?

Imma issa ġara li ġara. U, ir-rejaltà hi li t-tnejn li huma, issa, m’għadhomx magħna aktar. U l-ħajja trid tkompli. Niftakar li xahrejn wara l-mewta ta’ oħti Josephine, ommi u missieri kienu iċċelebraw l-anniversarju mill-ħamsin sena miż-żwieġ tagħhom. Suppost li, f’dak il-jum, kellu jkun wieħed ta’ ferħ. Imma x’jum ta’ ferħ kien dak ħej għalina? Biex trid tifraħ? Għiduli intom? Konna għadna mnikktin waħda u sew b’dak li konna għaddejna mill-mewta ħesrem ta’ Josephine?

Biss, anki jekk għaddejna minn din il-burraxka, xorta waħda konna għamilnieha l-quddiesa d-dar għal għeżież ommi u missieri. U, illum ngħid, li kieku m’għamilnihiex konna niżbaljaw bil-kbir! L-għaliex, u minkejja kollox, oħti issa kienet daħlet f’dimensjoni oħra. Kienet daħlet f’esperjenza ġdida. Allura x’kien jiswa’ li nkissru rasna minħabba fiha? Fil-kuxjenza tagħna ma kellna xejn xi jtaqqalna. Anzi! Kellna paċi kbira fuq li kbira! L-għaliex, kif stajna, ħadna ħsiebha fuq li ħsiebha. Dmirna, għall-grazzja tal-Mulej, għamilnieh fuq li għamilnieh. Mela issa ejjew ngħixu fil-paċi u nħallu lill-Mulej isabbarna Hu! Kif jaf jagħmel ta’ Missier Ħanin u ta’ veru li Hu! U, fuq kollox, kif ċertament li għamel magħna!

Dan qed ngħidu biex nagħmel il-qalb lil dawk ħutna li, f’dawn il-jiem għeżież tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom. Iltqajt mill-anqas daqs għaxar każi. Jekk mhux aktar ukoll. In-numru mhux importanti. Għax, l-intensità ta’ kull każ, hi dik li hi. Dan biex ma nsemmix persuni oħra li sabuni fit-triq jew ġew qaluli wiċċ imbwiċċ qabel qaddist xi quddiesa. Kif nista’ inwarrab dak id-dmugħ ħiereġ minn qalb daqshekk feruta? U kif nista,’ bħala Patri Kapuċċin, li nibqa’ naħrab lill-Mulej b’xebgħa skużi tal-infern biex nitbiegħed mis-sejħa li l-Mulej għamilli li nħobbu, nakkumpanjah u nieħu ħsiebu f’ħutna l-morda fl-Isptar Mater Dei?

Emmnuni ħbieb, dawk ix-xmajjar żgħar ta’ dmugħ li nara ta’ kuljum fl-Isptar, jikkonvinċuni li rrid inkun mal-morda. Għax hemm u hemm posti bħala Patri Kapuċċin! Il-karba ta’ Kristu, fil-marid, lili qed tgħajjatli, bil-ħniena u bl-ilfieq, biex inkun ma’ min bħalissa qed jibki! Għax tilef lil xi ħadd għażiż! U nista’ nkun ma’ dawn in-nies għax ġarrabt. U għadni qed inġarrab. Għax anki jien pazjent tal-onkoloġija. Il-mudullun tiegħi, jekk ma nieħux ħsiebu, isir bħal żiemel sfrattat għax jibda’ iġib ruħu bħall-imġienen. Staqsi ftit lil demmi ħa jgħidlek? U, biex taqgħad, din il-kundizzjoni mhux bħal xi dieta, li jkollok xi forma ta’ kontroll fuqha għax tkun taf x’għandek tiekol jew ma tiekolx. Kontroll ta’ din it-tip lanqas toħolmu f’din il-kundizzjoni! Intant!…

Dan qed ngħidu mhux biex nagħmel xi show. M’għandix bżonn ta’ shows. Il-Mulej jaf lil qalbi. U jafha sewwa ħafna. U, dan il-fatt, għalija hu ħafna aktar minn biżżejjed! Għax, dan il-fatt waħdu, jagħlaq il-ħluq ta’ oqbra miftuħa li minn qalbhom ħlief ħażen ma joħroġx għal ġol fomm u hekk jispiċċa iħammeġ u jdardar l-arja sabiħa tal-paċi u tal-ħniena li Ġesù tant irid fostna!

Bħala Patri Kapuċċin, li mrobbi u jgħix, bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, il-fraternità, f’sens dejjaq ħafna ta’ din id-dinja li tgħaddi u f’sens ta’ bla qies tal-ġenna li tibqa’ għal dejjem, dan qed ngħidu biex nagħmel kuraġġ minn qalbi lil dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż f’dawn il-ġranet. Fejn ħafna jidħku, jixorbu u jmorru l-parties. U, dawn ħutna, fejn tridhom imorru? X’party tridhom jagħmlu? X’gost jistgħu jieħdu? It-telfa dejjem telfa tibqa’ ħbieb!

Madankollu, lil dan in-nies irrid ngħidilhom biex iħarsu ‘il quddiem! F’ħajti, meta ġarrabt telfiet kbar ta’ nies li ħabbewni u ħabbejthom, u meta ħadt daqqa kbira fuq saħħti stess, għalkemm mhux kulħadd konxju minn dak li għaddejt u għadni qed inħabbat wiċċi miegħu f’saħħti, stajt napprezza ħafna aktar il-ħajja. U, minflok li nftaħt għax-xitan billi ħadt l-opportunità u ivvintajt mitt elf skuża biex ninqafel fil-kunvent u ma nara lil ħadd, aktar ħassejt u għandi nħoss lill-Mulej li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li hu l-verità u li waħdu BISS jista’ jiġġudika, għadu jgħajjatli u jibqa’ jgħajjatli biex, iva, nibqa’ nagħti ħajti għalih f’ħutna l-morda fl-Isptar Mater Dei. U dan nagħmlu ta’ Patri Kapuċċin li jien! Iva! Għalhekk jagħtini l-grazzja li nifimhom lill-morda jien. Għax marid mal-morda! Għax bniedem li jbati ma’ min qed ibati għax hu stess qed ibati!

Għalikom għeżież ħuti, li qed tbatu minħabba t-telfa ta’ xi ħadd tant għażiż għalikom fil-jiem ta’ festi li għadhom kemm għaddew minn fuqna, għandkom din il-Kelma ta’ Ġesù, il-Feddej, li bl-Ispirtu s-Santu Konsolatur ibaqbaq fiH, jgħidilkom, bħalma jgħid lili wkoll, dan il-balzmu ta’ kliem:

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif (Mt 11:28-30).

U int, li fraħt f’dawn il-festi, itlob għal min beka u għadu jibki. Farraġhom! Għax ġurnata int ukoll għad tkun f’din is-sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb. U żgur li tkun tixtieq min ifarraġ lilek! U hekk, min issa feraħ għad jibki! U min issa qed jibki għad jitfarraġ!

Patri Mario Attard OFM Cap