Illum il-Knisja tfakkar lil San Anton Abbati


Fis-17 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil San Anton, Abbati li għex bejn is-snin 251 sa 356.

San Anton twieled fir-raħal ta’ Koman, fl-Eġittu, fis-sena 251, minn familja nisranija li kienet sinjura.

Meta kellu tmintax-il sena, il-ġenituri tiegħu mietu, u hu safa’ waħdu flimkien ma oħtu iżgħar minnu ħafna.

Xi sitt xhur wara l-mewt tal-ġenituri tiegħu, waqt li kien fil-knisja, sema’ l-kliem tal-Vanġelu: ”Jekk trid tkun perfett, mur biegħ kull ma għandek u qassmu lill-foqra, u ejja imxi warajja, u jkollok teżor fis-sema” (Mark 10:21). Ikkonkluda li Alla kien qed ikellmu direttament. Għalhekk f’qasir żmien, wara li ħa ħsieb oħtu u ħallielha parti mill-wirt, il-kumplament tal-wirt li mess lilu qassmu kollu lill-fqar, u mar jgħix waħdu, l-ewwel fid-deżert, u mbagħad fuq muntanja.

Biż-żmien, xi rġiel u żgħażagħ bdew jissieħbu miegħu, kull wieħed f’daqsxejn ta’ kamra għalih, iżda qrib tiegħu biex ikunu jistgħu jiġu ggwidati spiritwalment minnu. Fis-sena 305 niżel minn fuq il-muntanja u waqqaf l-ewwel monasteru Nisrani, f’Fajjum.

Fis-sena 311 mar Lixandra biex iħeġġeġ fil-Fidi lill-Insara fil-persekuzzjoni ta’ Massimu. Meta wara xi sena l-persekuzzjoni taffiet, mar f’Pispir, ħdejn ix-xmara Nil, u waqqaf monasteru ieħor li għadu jeżisti sal-lum bl-isem ta’ “Der Mar Antonius”.

Wara li stabilizza dan il-monasteru, mar jgħix ġo għar fuq il-muntanja Kolzim. Iżda anke hawnhekk, in-nies saret taf fejn kien u bdew ġejjin mhux biss mill-Eġittu iżda wkoll minn pajjiżi oħra biex ikellmuh, u meta kienu jitilqu minn ħdejh qalbhom kienet tkun mimlija bi mħabba ikbar lejn Alla.

Meta darba rċieva ittra minn għand l-Imperatur Kostantinu l-Kbir, qal lil ta’ madwaru: “Tiskantawx li l-Imperatur kitibli – hu bniedem, bħalma jiena jien. Iżda stagħġbu kif Alla kiteb lilna, u kellimna wkoll permezz ta’ Ibnu”.

Fis-sena 335 reġa’ mar Lixandra biex flimkien ma’ San Atanasju jikkumbatti l-ereżija ta’ Arju. Imbagħad tela’ fuq il-muntanja u baqa’ hemm sakemm miet fis-sena 356, meta kellu 106 snin.

Fl-Arti jpinġu lil San Anton b’salib forma ta’ T, b’ħanżir u bi ktieb. Is-salib ifisser il-qawwa tal-Fidi li għenitu jirbaħ il-ħażin; il-ħanżir għall-ewwel kien jirrapreżenta lid-demonju, imma meta fil-Medju Evu l-Antonjani bdew jaħdmu fil-biedja u kellhom il-privileġġ riservat li jrabbu l-qżieqeż fil-foresti, San Anton ġie meqjus bħala l-protettur tal-annimali, il-ktieb huwa simbolu tal-katerristika speċjali ta’ ħajtu, it-talb u l-kontemplazzjoni.

F’xi parroċċi, f’dan il-jum, in-nies jieħdu l-annimali tagħhom għand il-Kappillan biex iberikhom. San Anton huwa magħruf bħala l-Fundatur tal-Monastiċiżmu Nisrani.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com