Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Margerita tal-Ungerija


Fit-18 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil Santa Margerita tal-Ungerija, Verġni li għexet bejn is-snin 1242 sa 1270.

Din il-qaddisa kienet bint ir-re twajjeb Bala IV tal-Ungerija. Imrobbija mas-Sorijiet Dumnikani fil-kunvent li kien bena missierha fil-gżira ta’ S. Margerita
fid-Danubju, ħdejn Buda. Ipprofessat soru ta’ 12-il sena.

Għalkemm kienet għadha żgħira, kienet tgħaddi lil kulħadd fid-devozzjoni u kellha bosta dehriet mis-sema. Kien il-gost tagħha li taqdi lil kulħadd; qatt ma kienet titkellem fuqha nnifisha; anzi kien jiddispjaċiha li ma kinitx imwielda minn ġenituri fqar.

Il-prattika tal-mortifikazzjoni kienet għal qalbha ferm, hekk li ma kinitx tikxef il-mard li kienet issofri biex ma tiġix meħlusa mill-osservanza tar-regolamenti. Kellha devozzjoni kbira lejn il-Kurċifiss, u kienet ta’ sikwit, tbus salib żgħir li kellha fuqha.

Ix-xewqa tagħha kienet li titlob quddiem l-altar tal-Kurċifiss. L-isem ta’ Ġesù kien dejjem fuq xofftejha. Spiss kienet tintilef minn sensiha quddiem Ġesù Sagramentat, speċjalment waqt il-quddiesa u meta kienet tilqa’ f’qalbha lil Ġesù, kienet tgħaddi lejl fit-talb.

Il-ferħ tagħha fil-festi tal-Madonna kien jidher fuq wiċċha u kienet tunurhom bir-reċita tal-Uffiċċju tal-Madonna fil-ġranet kollha tal-Ottava. Jekk xi ħadd kien juri ruħu offiż magħha, kienet tinxteħet għarkopptejha titlob maħfra.

Mietet kif kienet ħabbret, fit-28 ta’ Jannar tas-sena 1271, wara marda qasira.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com