L-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin


Għall-okkażjoni ta’ Ħadd il-Kelma ta’ Alla, li ser ikun imfakkar il-Ħadd 26 ta’ Jannar 2020, qegħdin nippublikaw sensiela ta’ tliet artikli qosra fuq l-Ittri ta’ San Pawl lir-Rumani, lill-Korintin u lill-Galatin.

L-Ittra lill-Galatin hija ittra importanti li kiteb l-Apppostlu Pawlu. Turi tajjeb ħafna l-karattru tiegħu.

Jixraq l-ewwel li naraw min kienu l-Galatin. Infatti kien hemm il-Galazja tat-Tramuntana u l-Galazja ta’ nofsinhar. Il-Galazja tat-Tramuntana kienet il-provinċja proprja tal-Galazja filwaqt li dik ta’ nofsinhar kienet tħaddan l-komunitajiet insara ta’ Antijokja ta’ Pisidja, Ikonju, Listra u Derbi. Ta’ min isemmi li Pawlu evanġelizza l-insara tal-Galazja tat-Tramuntana fit-tieni vjaġġ missjunarju filwaqt dawk tan-nofsinhar kien evanġelizzahom fl-ewwel vjaġġ missjunarju. L-istudjużi ma jaqblux għal-liema Galatin kien qiegħed jikteb. Jidher li x’aktarx Pawlu kien qiegħed jikteb lill-insara tat-Tramuntana. Iżda peress li l-problemi ta’ dawn il-komunitajiet kienu l-istess, ma jagħmilx differenza kemm jekk wieħed iżomm l-ewwel opinjoni u kemm it-tieni waħda.

Kien l-Appostlu stess li evanġelizza lil dawn il-Galatin li kienu ġejjin mill-paganeżmu mill-Gallja fit-tramuntana tal-Ewropa. Dawn kienu ħallew lill-Ewropa u daħlu fin-nofs tat-Turkija tal-lum għall-ħabta tas-sena 280 Q.K.

Ħafna jsejħu din l-Ittra bħala “Apologia pro vita sua” jiġifieri difiża ta’ ħajtu peress li fiha Pawlu jiddefendi l-fatt li huwa Appostlu ta’ Kristu. Jikteb f’din l-ittra: “Ngħarrafkom, ħuti: l-evanġelju li kien imxandar minni mhux ta’ bniedem: Għax mhux minn għand bniedem ħadtu jew tgħallimtu, imma b’rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu” (Gal 1, 11).

Pawlu kiteb din l-ittra b’tali mod biex jiddefendi l-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu. Il-Galatin li qabel kienu fidili lejn l-Evanġelju, infixlu mill-għalliema foloz. Dawn kienu Lhud li ppridkawlhom li l-liġi ta’ Mosè kienet meħtieġa biex isalvaw. B’liġi ta’ Mosè m’aħniex qegħdin nifhmu l-għaxar kmandamenti. Dawn kienu tajbin qabel ġie Kristu, u wara mewtu fuq is-salib u l-qawmien tiegħu fit-tielet jum. Dawn kienu jgħallmu hekk biex juru lilhom infushom u kif ukoll biex jeħilsu minn Pawlu.

Quddiem din is-sitwazzjoni ma baqax sieket iżda wera  s-sogħba tiegħu kif ukoll iddefenda bis-sħiħ l-awtorità tiegħu ta’ Appostlu. Għalhekk din l-ittra fiha diversi dettalji awtobiografiċi tal-ħajja tiegħu.

Oħrajn isejħulha bħala “L-ittra tal-ħelsien spiritwali”, peress li Pawlu jgħallem li ċ-ċirkunċiżjoni u t-toqol tal-Liġi ta’ Mosè ma humiex aktar meħtieġa għas-salvazzjoni. Il-Liġi kienet biss ta’ tħejjija għal Kristu u la darba Ġesù ġie, in-nisrani  għandu jingħaqad miegħu permezz tal-fidi. Iżda l-Appostlu tal-ġnus jagħmilha ċara li l-libertà nisranija mhijiex libertinaġġ, jiġifieri li wieħed jagħmel li jrid u li jfettillu, iżda hija ħajja ħielsa minn kull dnub u l-madmad tal-liġi ta’ Mosè li kienet tqila biex wieħed jerfagħha.

Il-libertà nisranija tant hija kbira li Pawlu jikteb f’din l-ittra li lil Alla nistgħu nsejħulu “Abba, Missier” peress li aħna wliedu: “Li intom ulied (jidher minn dan li) bagħat Alla l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abba, Missier. Hekk ma għadekx aktar ilsir imma iben; jekk iben, werriet tal-grazzja ta’ Alla” (Gal 4,6) Il-kelma “Abba” kienet il-kelma proprja li t-tfal lhud kienu jsejħu biha lil missierhom.

Minn Angelo Xuereb