O pjaneta mxammra!


Insellimlek pjaneta mxammra! Hemm, narak, imdendla. Mal-ispalliera. Għodu għodu. Jew, mhux le, daqstant għodu għodu. Fis-sagristija!

O kemm niggustak! Hekk! Imxammra! Donnok maħduma apposta! Ħa tkun tal-qies. Ikolli ngħid li int bħal dawk li ċekknu l-istonku tagħhom. Biex ma jieklux kemm jifilħu. U hekk ikunu qed iżommu ftit ikel biss. Ħa jibqgħu fostna. U jsebbħu lil ħajjitna u ‘l ħajjithom. Għax, biex ngħidlek, anki int issebbaħ lil min jilbsek! O pjaneta imxammra!

Kemm niggustak li int mhux marbuta ma’ kuluri! U għalik il-kuluri donnhom ma jeżiżtux! Għajr dak li tagħtina l-imqaddsa liturġija! Għax, O pjaneta mxammra, int tant int l-għaxqa ta’ min jilbsek! Oh kemm tobgħod toħroġ għan-nofs! Biex tidher int! Oh kemm int matura li tħalli lil min jilbsek il-ħelsien li jkun jista’ jdawwar idejh ‘il fejn jgħidlu s-Sid tas-sidien. Għalhekk nammirak bil-bosta, O pjaneta mxammra! Għax int ma tafx le tkun il-protagonista! Imma, donnu li moħħok hu kif ħa tagħmel lil min jilbsek il-protagonist! Anzi! Ħa mmur pass aktar ‘il quddiem, O pjaneta mxammra. Int tħalli lil min jilbsek jirrappreżenta lil Dak li hu kellu kmiemU mxammrin! Għax Hu, bit-tixmira ta’ kmiemU, seta’ jaħsel bi mħabba riġlejn l-appostli tiegħu! U, bit-tixmira ta’ kmiemU, seta’ jgħinhom biex ixammru kmiemhom ukoll! Ħa jaqdu u mhux jiġu moqdija!

Kemm int siekta O pjaneta mxammra! Għax, is-skiet umli tiegħek jegħleb it-tixmira tal-imnieħer ta’ min jilbsek! Taf li int, bil-mod ta’ kif int imxammra, qatt m’hu se tħallih ixammar imnieħru aktar? Għax kif jista’ jibqa’ jixxammar meta int imxammra daqshekk biex propjru ma tixxammarx? Meta int imxammra daqshekk biex żgur li ma tkunx miġbuda lura? X’eżempju qed tagħtini ja pjaneta mxammra!

Imbagħad, fik, ninnota ħaġa oħra, liema ħaġa tant qed tagħtini u tagħtini kuraġġ! Issa, li qed naħseb fiha! O pjaneta mxammra, kemm int umli li ħallejt lill-ħajjat u l-ħajjata jqiegħduk kif iridu huma? Skont il-qjies u t-tifsila tagħhom? Taf li l-umiltà ħanina tiegħek qed tagħti kuraġġ lil min jilbsek, jiġifieri lili, l-ewwel wieħed, biex, bħalek, inħalli lill-Mulej jqegħdni kif irid Hu?

O pjaneta mxammra! Kemm int biblika! Aktar ma nħares lejk aktar qed niftakar fil-passi tal-Bibbja li, sewwasew, jitħaddtu fil-beraħ dwar l-attitudni qaddisa tiegħek! Nixtieq illum, kif qiegħed għall-kwiet, u ‘il bogħod mill-pager tal-kappillani tal-Isptar Mater Dei, li ma jieqaf b’xejn, lejl u nhar, dejjem idoqq, noqgħod insemmagħhomlok ftit! Ħalli, xejn xejn, int tieħu kuraġġ! U, ma tieqafx fuq is-skiet tal-indifferenza li soltu jkollok iħuf madwarek! Ħallini mela, illum, kif qiegħed kwiet kwiet, u ħiemed ħiemed, insemmagħlek f’dawk widnejk moħbija, il-Kelma tal-Mulej għalik! Ja pjaneta mxammra! Għax qaddisa! U mhux għax mimlija bik innifsek daqskemm ixxammart!

Qum u inżel għand il-fuħħari: u hemm jiena nsemmgħek kliemi.” Jiena nżilt għand il-fuħħari, u sibtu qiegħed jaħdem fuq ir-rota. U hekk kif il-ġarra li kien qed jaħdem ħarġitlu ħażin, kif jiġrilu t-tafal f’idejn il-fuħħari, dan raġa’ għamel oħra minnha kif għoġob lilu. Mbagħad il-Mulej kellimni u qalli:”Dar Iżrael, jaqaw ma nistax nimxi magħkom bħal dan il-fuħħari?” Oraklu tal-Mulej. “Bħalma hu t-tafal f’idejn il-fuħħari, hekk intom f’idejja, dar Iżrael. Hekk jien xi drabi naqtagħha li poplu jew saltna naqlagħha, nġarrafha u neqridha (Ġer 18:2-7).

Imma, għażiża pjaneta mxammra, żgur li l-oraklu tal-Mulej mhux qed jgħid għalik meta qed jgħid li se jaqla’, iġarraf u jeqred! Għax int bħal dak il-fuħħar imbierek li joqgħod għad-daqqa u l-liwja ħelwa tal-fuħħari! Int toqgħod kif iridu jpoġġuk! Int tobdi u mhux tikkmanda! Int moħħok u qalbek qiegħdin f’li togħġob u mhux f’li togħġob u tpaxxi lilek innifsek inkella f’li tinħabb ħa jtellgħuk dejjem ‘il fuq! Fis-sellum tal-poter!

Għalhekk, u għalik, ja pjaneta mxammra, aktar nara toqgħod għalik dak li Ġesù jgħid, Dak li xammar kmiemU u mhux imnierħu, ħa jogħla ‘il fuq! Anzi! Ħa jfittex jaħrab jiġri l-iskaluni tal-poter għas-skapitu ta’ min żbalja għax dgħajjef u mhux le għax hu ħażin. Isma’ x’jgħid għalik, Dak stess li għaliH innifsu qal: Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” (Mk 10:45): Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem (Ġw 12:24-25).

Għalik huma ndirizzati dawn il-kelmiet imqaddsa! Ja pjaneta mxammra! Li ħallejthom ixammruk u mhux ixxammart int! Għalik huma dawn il-kelmiet li ma jmutu qatt! Dawn il-kelmiet li huma minquxa f’qalbek, f’moħħok u f’dak kollu li int! Għax huwa int, u proprju int, li ħallejt lill-ħajjat u l-ħajjata iħitek u jorbtok u torbtok. Int, li ħallejtu u ħallejtha jorbotlok u torbotlok idejk! Int li ħallejtu u ħallejtha jwaqqgħek u twaqqgħek fl-art ħa tmut! Ħa tmewwet il-pretensjonijiet tiegħek! Li, pjaneti oħra bħalek, avolja qiegħdin jgħumu fid-dinja tas-sagru, ma seħħilhomx le jkunu qalbiena bħalek! U ħa ngħidlek, ja pjaneta mxammra, li għall-umiltà tiegħek int, bqajt waħdek, int għamilt u għad tagħmel ħafna u ħafna frott! Għax, is-sura oriġinali tiegħek, hi għajta waħda ta’ mħabba għal Dak li hu stess qal: Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn (Ġw 15:5).

O pjaneta mxammra, nitolbok, kull darba li nilbsek, biex inqaddes il-quddiesa, għaddili dan l-ispirtu hekk qaddis tiegħek! L-ispirtu tal-umiltà! Taċ-ċkunija! Tal-qadi! Tal-ħniena! Tas-sabar! U tal-imħabba lejn il-Maħbub fil-maħbubin tiegħU! O pjaneta mxammra!

Patri Mario Attard OFM Cap