Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Anġela Merici

Print Friendly, PDF & Email

Fis-27 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil Santa Anġela Merici, Verġni li għexet bejn is-snin 1470 sa 1540.

Santa Anġela twieldet fil-21 ta’ Marzu 1470, f’Desenzano, raħal fl-istat ta’ Venezja, l-Italja, minn familja ta’ bdiewa.

Ta’ għaxar snin tilfet il-ġenituri tagħha, u marret flimkien ma’ ħutha tgħix f’Saqlo ma’ zijuha li qiesha daqs bintu. Iżda meta kellha madwar 22 sena, zijuha miet, u reġgħet lura f’Desenzano.

X’ħin rat it-tfal tal-post telgħin bla ebda edukazzjoni Nisranija, iddispjaċiha ħafna, u ddeċidiet li tiddedika ruħha għall-edukazzjoni tat-tfal, speċjalment tat-tfajliet. Hekk fetħet skola f’Desenzano, u wara, fl-1516, fetħet oħra fi Brescia, fuq talba tan-nies t’hemm.

F’Novembru 1535 qiegħdet is-sisien tal-kongregazzjoni tagħha taħt il-patroċinju ta’ Santa Ursula verġni u martri (Ara Santa Ursula): minn hawn hu ġej li s-sorijiet tagħha huma magħrufin bħala Ursolini. Hi qiegħdet l-istituzzjonijiet tagħha taħt il-ħarsien ta’ Santa Ursula, verġni u martri.

Kellha xewqa kbira li tmur iżżur l-Art Imqaddsa, u negozjant kbir ta’ Brescia għenha bil-flus taqta’ xewqitha.

Meta kienet fi Kreta, tilfet id-dawl t’għajnejha. Iżda xorta waħda kompliet il-vjaġġ u żaret il-postijiet imqaddsa b’devozzjoni kbira. Imbagħad fi triqitha lura, meta kienet qed titlob quddiem il-kurċifiss fl-istess post fejn kienet għamiet, reġgħet ġiet tara.

Fl-1525, il-Papa Klement VII, li sama’ bix-xogħol tagħha, stedinha tieħu f’idejha kongregazzjoni ta’ sorijiet, f’Ruma, li kienu jaħdmu fl-isptarijiet. Meta qaltlu li hi xtaqet tibqa’ ddedikata għall-edukazzjoni tat-tfajliet, l-ommijiet ta’ għada, il-Papa berikha.

Nisa oħra bdew jingħaqdu magħha. Tul ħajjitha huma kienu għadhom lajċi, imma wara mewtha, fuq l-ispirazzjoni tagħha, bdew il-kongregazzjoni tal-Ursulini b’ħajja kkonsagrata bil-voti. Imma baqgħu jeżistu dejjem Ursulini lajċi li jgħixu f’darhom jew f’ħajja komunitarja bla voti. Imma l-iskop prinċipali tagħhom ilkoll hu t-tagħlim tat-tfal u għajnuniet lit-tfal, xebbiet u ommijiet fil-bżonn.

Dawn l-affarijiet nbidlu ftit snin wara l-mewt ta’ Santa Anġela speċjalment fl-influwenza ta’ San Karlu Borromeo u ġew modifikati matul is-sekli biex l-ideal ta’ servizz ta’ Santa Anġela jiġi adattat għall-ħtiġijiet li jitbiddlu tal-Knisja.

Santa Anġela Merici kienet tħobb tgħid: “Id-diżordni fis-soċjetà hija riżultat ta’ diżordni fid-dar” u l-iskop tagħha kien li terġa’ tagħmel nisranija l-ħajja tal-familja – u l-ħajja tas-soċjetà – permezz tal-edukazzjoni ta’ nisa u ommijiet futuri.

Mietet fi Brescia fis-27 ta’ Jannar 1540 meta kellha qrib is-70 sena. Kienet iddikjarata qaddisa minn Piju VII fl-1807.

Hi għandha żewġ distinzjonijiet: Kienet l-ewwel waħda li waqqfet kongregazzjoni għat-tagħlim; u l-ewwel waħda li waqqfet istitut sekulari fejn il-membri jibqgħu jgħixu d-dar bla ma jkollhom ilbies li jiddistingwihom, u ma jieħdu ebda voti formali.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply