Is-sunnara tas-snanar


Il-pager tal-Isptar dejjem għaddej! Staqsu ftit lil sħabi l-patrijiet imsieken! Kif ikunu maqsumin bix-xogħol! Bħali! U, dan l-imbierek ta’ pager, għax hekk iva rrid li nsejjaħlu, dejjem jibqa’ għaddej skont kif ikun imissni. U jmisshom huma wkoll. Jekk hux fil-għaxija, jew f’nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ (Mk 13:35).

Niġri! Niġri! Niġri!… Nimxi! Nimxi! Nimxi!… B’pass ħafif, ħafif, ħafif!… U, saħansitra, wieqaf! Wieqaf! Wieqaf!… U dejjem hemm! Fl-Isptar! Fl-università tal-ħajja! F’post ċentrali fejn għandek issib lill-Patri Kapuċċin!

Idoqq il-pager! U jkolli nitlaq minnufih minn fejn inkun. Għax, f’dak il-waqt, bżonni fil-waqt ikun! Imma, il-ħoss tiegħu, ta’ tlett daqqiet, ifakkarni fit-tlett punti tal-ħajja … Dawk it-tlett punti tal-punteġġatura li lili jfakkruni li l-ħajja għandha tabilħaqq tissokta. Minkejja dak kollu li ngħaddu minnu. Li l-ħajja, bl-isfumaturi kollha tagħha, trid tibqa’ għaddejja. Inkella, bħax-xmara li ma jkollhiex fejn tiżbokka, il-ħajja tispiċċa tieqaf. U tinten. Għax qiegħdha. Bla moviment ta’ xejn!

U jdoqq il-pager! Sintendi! Waqt li qed nieħu belgħa kafè cappuccino, bħali! Biex forsi niġi f’tiegħi! U, it-tlett daqqiet tal-pager, dritt ifakkruni fil-Kelma setgħana, żgura u ta’ faraġ tiegħU: Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin (Mk 1:17). U mela jien naf nistgħad x’kull waħda tnejn Mulej? Jien niekol il-ħut naf! Tant li meta niekol il-ħuta aqta’ kemm nitlob biex malajr kemm jista’ ikun tipprovdili oħra! Imqar li tkun tajba u mħawra bħal dik li nkun għandi kemm kilt ftit qabel!

Imma l-ħuta issa nieżlet! U marret fejn kellha tmur! U hemm hu l-pager, reġa’ daqqli! U daqqli biex int, Mulej, tagħmel minni sajjied tal-bnedmin! Din tas-sajjied lili tħassibni mhux ftit tafux! Ara taħsbu l-għaliex tinkwetani! Lanqas xejn ħbieb! U jien, il-Patri, biex għandi ninkwieta wara kollox? Għax jekk il-Kelma tiegħu lili twegħdni: Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar, minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar. Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq lemintek. Imma lejk id-deni ma jersaqx, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu (S 91:4-7), lili min jista’ tabilħaqq jagħmilli l-ħsara? Jekk Hu qiegħed miegħi? U int, jekk jagħtik il-grazzja li temmen f’dan kliemU, għidli ftit, min jista’ tassew jagħmillek id-deni?

Meta mort lura fiż-żmien sirt naf li l-familja tiegħi, il-ġenituri, u ħuti, minbarra jien, konna noqgħod fit-triq imsemmija Ħal Sajjied. Jiġifieri raħal is-sajjied! Bqajt imbellaħ meta l-Ispirtu s-Santu fehmni b’din il-ħaġa! Kos hux! Kif kollox fil-ħajja, għal min irid jiftaħ għajnejh għax jiftaħ qalbu, kollox jibda’ jagħmel sens? U kollox jibda’ jidħol fil-kuntest tiegħu? Mur ifhmek O Mulej!

Imma issa għandi problema oħra: kif ħa nistgħad? Liema snanar ħa naqbad nuża’? U mela jien naf jekk il-ħuta li għandi quddiemi hix tal-wiċċ inkella tal-qiegħ? U, ħafna aktar minnhekk, mela jien naf kemm hi tqila din il-ħuta? Għandi jien l-għerf kif inrejxilha? U, lil din il-povra ħuta, kif se jseħħli nitmagħha? Kif ħa nressaqha, ħelu ħelu, għas-sunnara?

Iddaħknix man! U mela l-Mulej juża s-snanar x’kull waħda tnejn? Ħajti, fl-Isptar Mater Dei, tgħallimni, kontinwament, li iva tafux! Jużahom! U kemm jużahom! Le! M’humiex is-snanar li jkollhom il-ganċ ippuntat. U ma jkunux lanqas dawk is-snanar tal-biża li jtellgħu mill-griżmejn. Dak it-tip ta’ xogħol mhux il-Mulej jagħmlu imma x-xitan. Huwa hu li jipprova ibella’ ir-ross bil-labbra. Huwa hu li jgara xi ħaġa tal-biża’ billi jlibbisha libsa sabiħa ta’ ħlewwa. Ma ninsewx x’tgħidilna għalih il-Kelma ta’ Alla, fit-Tieni Ittra lill-Korintin: M’hux għaġeb, għax Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-dawl. M’hijiex ħaġa kbira, mela, jekk il-qaddejja tiegħu jitbiddlulek bħallikieku kienu qaddejja tal-ġustizzja. Iżda tmiemhom ikun skond għemilhom (2 Kor 11:14).

X’għaqal ta’ kliem hux! Tgħid mhux l-istess għaqal li hemm jiġri fil-kliem tal-omelija li Papa Franġisku għamel nhar il-festa tal-Epifanija tal-2014 meta qal: “U hawn hi meħtieġa l-‘makakkerija’ qaddisa, biex tista’ tħares il-fidi, tħarisha mill-kant tas-Sireni, li jgħidulek: ‘Ħares, il-lum jeħtieġ nagħmlu dan, dak…’  Imma l-fidi hi grazzja, hi don.  Imiss lilna li nħarsuha b’din il-‘makakkerija’ qaddisa, bit-talb, bl-imħabba, bil-karità.  Jeħtieġ nilqgħu fil-qalb tagħna d-dawl ta’ Alla u, fl-istess ħin, nikkultivaw dik il-makakkerija spiritwali li taf tgħaqqad flimkien is-sempliċità u l-ħżunija, kif Ġesù jitlob mid-dixxipli tiegħu: Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16).

Issa, biex niġu għall-mistoqsija tal-ewwel, x’inhi s-sunnara, x’nistgħu ngħidu fuqha? Is-sunnara mhijiex il-makakkerija spiritwali li mhux tinganna imma tisma’? Li mhux taġixxi fuq l-istint tal-weġgħa imma li twieġeb b’imħabba mimlija ħniena għall-azzjonijiet ħżiena u krudili li tirċievi?

F’dan ir-rigward, ta’ Patri Franġiskan li jien, u dejjem mingħajr ma jistħoqqli għax tassew midneb, jitilgħuli żewġ biċċiet għerf li juruni ċar x’inhi s-sunnara tal-Mulej. Waħda minnhom qiegħdha fit-talba attribwita lil San Franġisk t’Assisi, Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek, fejn tgħid hekk:

Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek. Fejn hemm il-mibgħeda, ħallini nħeġġeġ l-imħabba; fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra; fejn hemm id-dubbju, ħallini ndaħħal il-fidi; fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama; fejn hemm id-dlam, ħallini inkebbes id-dawl; fejn hemm in-niket; ħallini nxerred il-ferħ. La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ milli nfarraġ jien; la tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor milli nifhem lil ħaddiehor jien; la tħallix li iżjed ikun maħbub, milli nħobb jien. Għax meta nagħtu, aħna naqilgħu. Għax meta naħfru, aħna nkunu maħfura. Għax meta mmutu, nqumu għall-Ħajja ta’ dejjem.

Filwaqt li darb’oħra, f’mument diffiċli fil-mixja tiegħi ta’ Kapuċċin, fejn prattikament tkissirt għax kissruni, persuna li, mid-dehra tagħha, ma tidhirx li temmen lanqas bil-basal, fettlilha tibgħatli din ir-riflessjoni mill-isbaħ u li ħarġet mill-pinna ta’ Lori Deschene, u li tgħid hekk:

Jekk int ġejt iġġudikat u iġġudikata, għażel li tifhem. Jekk ġejt imwarrab u mwarrba, għażel l-aċċettazzjoni. Jekk ġejt umiljat u umiljata, għażel il-ħniena. Kun il-persuna li kien hemm bżonn li tkun meta ġejt imweġġa’ u qatt tkun il-persuna li weġġgħetek. Wiegħed li tkun aħjar minn dak li kissrek u dik li kissrietek – li tiġi mfejjaq u mfejqa minflok li timtela’ bl-imrar. Ħalli hekk taġixxi minn qalbek u mhux mill-uġiegħ tiegħek.

Il-qalb! Din is-sunnara! Imma liema qalb? QalbU ħbieb! Għax qalbU ma tħarisx lejn is-sura!  U lanqas ma tistrieħ fuq dak li tgħid u tiddetta l-opinjoni pubblika jew il-midja soċjali! QalbU ma toqgħod fuq l-ebda parir tal-bniedem li llum, għax jaqbillu, jaf ikun ħaruf. U l-għada, għax jaqbillu, jsir bħal iljun feroċi! U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu, jew it-tul ta’ persuntu, għax jien diġà warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb” (1 Sam 16:7). U, min mexxa l-ispirtu tal-Mulej, x’kunsillier kellu biex jgħallmu? Lil min talab parir biex jiftaħlu għajnejh; jew min għallmu jġib ruħu bil-ġustizzja, biex jagħtih id-dawl u l-għerf, u jqabbdu t-triq ta’ l-għaqal? (Is 40:13-14).

QalbU biss tista’, tabilħaqq, teżamina l-qalb mċafċfa, imġarrba u mqallba tal-bniedem. L-ebda bniedem ieħor ma jista’ jagħmlu dan. Għax is-salmista, bniedem u bniedma imġarrab u imġarrba bħali u bħalek, dan kien jafu u kienet tafu tajjeb! Għalhekk mar jgħidlu u tgħidlu lill-Mulej: Ġarrabni, Mulej, u għarbilni, iflili moħħi u qalbi (S 26:2).

Iżjed! QalbU x’inhi? X’tip ta’ sunnara hi? Hu biss jaf x’hemm f’qalbi u f’qalbek! U biss jista’ joħroġ għad-dawl dak li hemm fiha! Hu biss jagħmel ħaqq rett! Għax Hu biss jaf mhux biss iċ-ċirkustanzi imma l-motivazzjonijiet kollha possibbli u li hemm moħbija warajhom! Hekk tgħidilna l-Ewwel Ittra lill-Korintin: Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej: hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu (1 Kor 4:5).

Imma xi trid din qalbU? Xejn għajr li titfa’ lili u lilek f’imħabbtU! Tafu li għal dan l-Appostlu niżel għarkupptejh u talab hekk fl-Ittra tiegħu lill-Efesin? Jiena ninżel għarkubbtejja quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art, biex skond l-għana tal-glorja tiegħu, jagħtikom li bil-qawwa tiegħu permezz ta’ l-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa, u li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom (Efes 3:14-17).

QalbeK Mulej! X’sunnara dik! Qalbek Mulej, li tieħu dnubi u taħfirhuli! QalbeK Mulej, li tibqa’ turini fiduċja! QalbeK Mulej, li lili terfagħni minn xagħri kemm jekk għandi bir-rimi u kemm jekk jien qargħi jew inkella liebes u liebsa parrokka! QalbeK Mulej, li ma tistrieħx qabel issibni! QalbeK Mulej, li lili terġa’ tħaddanni magħhA għalkemm inkun ħallejtek biex niġri wara l-bniedem u l-bniedma li jittradini, jinfidni u jħallini nofsi mejjet u mejta! QalbeK Mulej, li qed twassalni, issa, f’dan il-mument, biex nitolbok din it-talba minn qalbi għal qalbeK, is-sunnara ħelwa u effettiva tiegħi!

Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum. Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni (Mt 6:9-13).

Issa ħa jkolli nieqaf ħbieb! Għax minix nara! Id-dmugħ qed iġelben minn għajnejja! Għax liema bniedem u bniedma tħobbni u jħobbni daqshekk? Liebes l-ilbies lajk inkella s-sagru? Imma ħaġa waħda naf, waqt li qed nipprova nimsaħ id-dmugħ li nġema’ bil-goff f’għajnejja, tant li mhux qed iħallini nara sewwa, għal dan kollu, għażiż pager tal-kappillani tal-Isptar Mater Dei, aktar se ngħożżok u nissokta ngħożżok ma’ qalbi! U aktar ma jippruvaw ibegħduni minhekk aktar QalbU ħa tgħaqqadni miegħek b’qawwa mill-akbar! Għax ħadd ma jista’ joħodha kontra qalbU! Għax hija qalbU u qalbU biss li għandha tassew l-aħħar kelma!

Is-sunnara tas-snanar!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.