Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġwann Bosco


Fil-31 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil San Ġwann Bosco, Saċerdot li għex bejn is-snin 1815 sa 1888.

San Ġwann Bosco, wieħed mill-akbar ħbieb taż-żgħażagħ, twieled qrib il-belt ta’ Turin, fl-Italja, fl-1815, minn familja fqira. Biex tkompli tagħqad, ta’ sentejn tilef lil missieru, iżda ommu, minkejja ħafna diffikultajiet, edukatu.

F’awtobijografija li kiteb fuq talba tal-Papa Piju IX, S. Ġwann Bosco jgħid li meta kien għadu tfajjel ra f’ħolma ħafna tfal jilagħbu f’bitħa, li bdew jitkellmu ħażin u huwa beda jsawwathom biex iwaqqafhom; imbagħad raġel liebes l-abjad (li kien Ġesù) u sinjura sabiħa (il-Madonna) wrewh li huwa kellu jirbaħ lil dawn it-tfal bl-umiltà u l-ġentilezza.

Meta kellu sittax-il sena daħal il-Liċeo ta’ Chieri. Minkejja l-istudju li kellu, kien isib ħin biex jiġbed it-tfal tar-raħal tiegħu lejh, saħansitra kien jagħmlilhom kummiedji u bużullotti, biex wara, imbagħad jeħodhom il-knisja u jkellimhom fuq Ġesù.

Ċkejken għamilha ta’ ragħaj u mbagħad ta’ kamrier u ta’ ħajjat fil-belt ta’ Chieri. Il-ħin li kien jibqagħlu kien jiddedikah għall-istudju u l-qari tajjeb. Ta’ 20 sena daħal is-seminarju bl-għajnuna ta’ saċerdot li miġbud mill-imġiba eżemplari taż-żagħżugħ kisiblu post bla ħlas. Ġie ordnat saċerdot fl-1841, ta’ 26 sena.

Waqt li darba kien qed iżur ħabs ma’ Don Cafasso, kappillan tal-ħabsijiet, osserva b’niket kbir il-kundizzjoni miżera tad-delinkwenza taż-żgħażagħ, u ddeċieda li jiddedika ħajtu għall-edukazzjoni ċivili u morali ta’ dawn l-imsejknin.

Jum minnhom (fit-8 ta’ Diċembru, 1841), waqt li kien qed jilbes għall-quddiesa, sema’ lis-sagristan ikeċċi tifel mill-knisja għax ma riedx jgħin fil-quddiesa. Sejjaħlu, għamel ħbieb miegħu, u din il-laqgħa maċ-ċkejken Bartolomeo Garelli kienet iż-żerriegħa tal-“oratorju” li hu waqqaf fil-knisja ta’ San Franġisk u mbagħad, wara ħafna taħbit u ġarr minn naħa għal oħra, f’Valdocco, fil-parti baxxa ta’ Turin (1846).

Fil-bidu l-oratorju kien ġa jgħodd seba’ mitt tifel. Ommu marret tgħix miegħu biex tgħinu u baqgħet miegħu l-aħħar għaxar snin ta’ ħajjitha. It-tfal kienu jħobbu jsejħulha “Mamma Margherita”.

Fl-1872, bil-għajnuna ta’ Santa Marija Domenika Mazzarella, waqqaf ukoll il-Komunita’ tas-Sorijiet Salesjani biex jieħdu ħsieb it-tfajliet u għal-lajċi għamel it-tielet ordni ta’ Kooperaturi Salesjani.

San Ġwann Bosco kien ukoll kittieb prolifiku, u kiteb mhux biss kitbiet reliġjużi, imma wkoll kitbiet oħra biex jgħallem liż-żgħażagħ tiegħu u lill-poplu inġenerali. Beda l-famuża kollana Letture Cattoliche b’librett fuq xi suġġett partikulari kull xahar li kellha influwenza kbira fost il-poplu Taljan.

Kien ukoll imfittex għall-pariri u ġie kkonsultat minn Papiet, mexxejja tal-istat, Ministri tal-Gvern, eċċ. Kien ukoll medjatur bejn is-Santa Sede u l-Istat fi żminijiet diffiċli. Kien bniedem ta’ diplomazija kbira, organizzatur mill-aħjar, u mexxej mill-aqwa.

Lil sħabu kien jgħidilhom: “Qisu liż-żgħażagħ bħala wliedkom. Titilfux il-paċenzja magħhom. Ixbħu lil Ġesù li ħa tant paċenzja bl-appostli, bin-nuqqas ta’ manjieri tagħhom, bl-injoranza tagħhom, u wkoll bl-infedelta’ tagħhom. Hu tħallat mal-midinbin b’tant ħlewwa li għaġġeb lil xi wħud.”

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu Don Bosco kien magħruf mad-dinja kollha. L-opra tiegħu bdiet tixtered mad-dinja kollha fejn il-missjunarji tiegħu Salesjani ħadu ħsieb skejjel, orfanatrofji, u kull xorta ta’ opra oħra għall-ġid tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Meta San Ġwann Bosco miet fil-31 ta’ Jannar 1888 fl-età ta’ 72 sena, is-soċjetà tas-Salesjani kellha diġà 250 dar mad-dinja kollha b’aktar minn 130,000 tifel, li minnhom kienu joħorġu 18,000 apprendist fis-sena.

Iddikjarah beatu u qaddis il-Papa Piju XI; l-għada tal-kanonizzazzjoni l-Gvern Taljan nedieha vaganza pubblika. Hu l-qaddis patrun tal-apprendisti. B’sens ta’ gratitudni lejh, kważi l-popolazzjoni kollha ta’ Turin attendiet għall-funeral tiegħu.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.