Illum, 6 ta’ Frar, minbarra San Pawl Miki u sħabu martri fil-Ġappun, il-Knisja tfakkar lil Marthe Robin. Hawn ħsieb dwarha u l-Foyers tal-Karita’.
MARTHE ROBIN U L-FOYERS TAL-KARITÀ
Hi kultura tal-lum li nqiegħdu l-ewwel lil nies li għandhom personalità, li huma b’saħħithom, li għandhom dehra sabiħa u għandhom ħiliet li jogħġbu lill-kotra. Jekk m’intix hekk, iwarrbuk fil-ġenb. Imma r-raġunar ta’ Alla hu differenti minn hekk. Alla “jagħżel in-nies boloh għad-dinja biex jikkonfondi l-għorrief” u “l-ħwejjeg morda tad-dinja biex jikkonfondi l-ħwejjeġ qawwija” (1 Kor 1, 27). Hekk għamel ma’ Marthe Robin, li hija meqjusa bħala waħda mill-mistiċi kontemporanji ewlenin. Alla nqeda b’din il-mara, marida kważi tul ħajjitha kollha, biex ikompli jiftaħ toroq ġodda għall-ħidma taI-Ispirtu tiegħu u joħloq modi ġodda ta’ ħajja fil-Knisja. Marthe Robin twieldet fit-13 ta’ Marzu tal-1902 f’hamlet jismu Les Moillés, f’Chateauneuf-de-Galaure, qrib Lyons, Franza. F’żogħżitha mardet b’mard li wassalha kemm-il darba f’ xifer il-mewt u li ħallieha kompletament iparalizzata u għamja għall-bqija ta’ ħajjitha. Marthe Robin hi l-fundatriċi tal-komunità Les Foyers de la Charité.
Marthe Robin – kollox beda f’qiegħ ta’ sodda
Marthe Robin
Kollox beda f’qiegħ ta’ sodda, mal-mitt sena ilu, f’raħal żgħir fi Franza. Il-qagħda fl-Ewropa fl-1936 kienet imwiegħra għall-aħħar. Il-Papa Piju XI b’qawwa kbira kien qiegħed jikkundanna l-Komuniżmu u b’mod mhux anqas beda jikkritika wkoll r-reġimi Nażisti fl-Italja u l-Ġermanja. F’Lulju faqqgħet il-gwerra civili fi Spanja, waqt li fl-elezzjonijiet fi Franza l-Front Popolari (koalizzjoni bejn is-Soċjalisti u l-Komunisti) għamel akkwisti kbar. Fl-istess sena, Marthe Robin, mara ta’ 34 sena bdiet titkellem dwar Pentekoste ġdid fil-Knisja permezz tas-sehem tal-lajċi fit-tiġdid spiritwali tal-Ewropa. Fl-1936, bil-għajnuna ta’ Georges Finet, qassis rninn Lyons, bdiet l- ewwel komunità fir-raħal tagħha stess. Xtaqitha tkun komunità ta’ dawl, ta’ karità u ta’ mħabba u bdiet issejħilha Les Foyers de la Charité.
Marthe Robin hija meqjusa waħda mill-mistiċi kontemporarji ewlenin. Forsi wieħed iħossu aktar komdu b’mistiċi oħra, bħal Edith Stein, Simone Weil u Maria Skobtsova, li sawru ruħ l-Ewropa fis-seklu għoxrin bil-kitbiet imdawla tagħhom jew bil-ħidmiet straordinarji tagħhom. Marthe Robin tiskomodak u tikkonfondik. M’għamelet xejn u ma kitbet xejn. Fi kliem l-awtur famuż Jean-Jaques Antier, il-ħajja tagħha kienet “vjaġġ wieqaf”, “triq li ma twasslek imkien”, “mixja li tħallik fl-istess post”.
Tiġi weħidha l-mistoqsija: X’għamlet Marthe Robin tant straordinarju li sal-lum hi waħda mill-aktar figuri spiritwali importanti tas-seklu l-ieħor? Forsi din il-mistoqsija nistgħu nqiegħduha b’mod differenti: mhux x’għamlet Marthe Robin li hu daqshekk eċċezzjonali, imma x’kienet Marthe Robin. Tul id-79 sena tagħha, immarkata bil-mard, hi kienet xhieda tar-rebħa tal-imħabba fuq it-tbatija. Matul ħajjitha, aktar minn 100,000 viżitaturi għaddew minn ħdejn is-sodda tagħha, imqanqlin mill-qalb tagħha kollha mħabba, biex isibu sens ġdid għal ħajjithom. F’Marthe Robin, il-qawwa ta’ Alla dehret fid-dgħufija u l-fraġilita tagħha.
Mill-1930 ‘l quddiem, il-paraliżi dejjem sejjer għall-agħar ma ppermettiex lil Marthe Robin li tiekol jew tixrob; imma għexet. L-unika ħaġa li setgħet tieħu kienet l-Ostja li kienet tirċievi darba fil-ġimgħa. It-Tqarbina saret l-ikla tagħha u ħadet il-qawwa mill-Ewkaristija. Marthe Robin mietet fl-1981 wara aktar minn ħamsin sena iggrunċjata u msammra ma’ sodditha.
Il-Foyers de la Charité
Illum, 83 sena wara l-fondazzjoni tagħhom, hawn 76 Foyers mifruxin f’4 kontinenti; 28 fl-Afrika, 15 fl-Amerka u 24 fl-Ewropa, li 13 minnhom huma fi Franza. Fl-1999, dawn il-komunitajiet ġew approvati kanonikarnent mill-Kunsill Pontifiċju għal-Lajci bħala assoċjazzjoni privata internazzjonali. Kull komunità hija ffurmata minn qassisin u lajċi rġiel u nisa, kemm ċelibi kif ukoll miżżewġin, li jgħixu flimkien fuq l-eżempju tal-ewwel komunitajiet Insara. Bil-ħajja tagħhom ta’ talb u ta’ ħidma flimkien huma jagħtu xhieda lil kull min jixref ‘il ġewwa mill-għatba ta’ biebhom. Darhom hija miftuħha beraħ u tilqa’ lil kull min jixtieq jikseb sens f’ħajtu. Nies ta’ kull xorta, mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, razza jew twemmin, imma li huma għatxanin għall-verità u għall-imħabba, iżuru u jqattgħu ftit jiem ta’ ġabra f’dawn il-Foyers.
Il-ħidma ewlenija tal-Foyers de la Charité hija t-tmexxija ta’ Irtiri ta’ sitt ijiem. Għaldaqstant kull Foyer minbarra li huwa d-dar tal-komunità huwa wkoll dar tal-Irtiri, organizzati s-sena kollha. L-irtiri huma sempliċi, isiru fis-silenzju u huma bbażati fuq taħdidiet mogħtija mill-membri tal-kommunita stess. Filgħodu jkun hemm taħdita u Quddiesa; wara nofsinhar taħdita u Rużarju u filgħaxija taħdita u adorazzjoni. F’dan l-ambjent ta’ Irtir, il-partecipanti jiġu f’kuntatt mal-Kelma ppritkata mill-kelliem u mal-Kelma mgħixa mill-membri tal- komunità.
Fl-1975, Pawlu VI kien qal li “Foyers jipprovdu tagħlim u taħrig spiritwali genwin, f’atmosfera ta’ silenzju, ta’ karità u ta’ devozzjoni Marjana, li jiddisponu għall-konverżjoni.”
Joe Galea