Illum il-Knisja tfakkar lil San Pietru Damiani


Fil-21 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lil San Pietru Damiani, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 1007 sa 1072.

 

San Pietru Damiani twieled f’Ravenna, l-Italja, fl-1007, għand familja numeruża u fqira ħafna. Meta kien għadu ċkejken tilef lil missieru.

Sa minn tfulitu beda jaħdem, billi daħal ma wieħed ragħaj, u kien jirgħalu l-merħliet.

Ħuħ il-kbir, li kien miżżewweġ, ħadu miegħu, imma kien jittrattah ħażin. Imbagħad ħuh ieħor li kien jismu Damian u kien sar Arċipriet ta’ Ravenna ħadu miegħu, rabbieh, u edukah. Bħala rikonoxximent lejn dan ħuh, Pietru ħa ismu, u beda jissejjaħ Pietru Damiani.

Fl-1032 ta’ ħamsa u għoxrin sena laħaq professur. Iżda l-ħajja tad-dinja ma għoġbitux. Ried jgħix f’għaqda ikbar ma’ Alla, u fl-1035 ħalla l-karriera ta’ għalliem li kien qabad b’suċċess, u daħal mal-Benedittini fil-monasteru ta’ Fonte Avellana, fuq il-muntanji Appennini.

Il-mortifikazzjonijiet u l-penitenzi li kien jagħmel kienu qed iħassrulu saħħtu, u s-Superjuri tiegħu meta ndunaw, biex ma jħalluhx ikompli jagħmilhom, talbuh jintefa’ fuq il-kitba u l-priedki, u biex jagħti l-irtiri. Kellu mħabba speċjali lejn il-Madonna.

Fl-1043, meta kellu 36 sena, ġie magħżul biex ikun Abbati ta’ Fonte Avellana, u fl-1057, il-Papa Stiefnu IX, ħatru Kardinal-Isqof ta’ Ostia.

Ħabrek kemm felaħ bil-kitba u bil-kelma biex jikkumbatti l-abbużi skandalużi li kienu komuni fil-Knisja: l-inkontinenza, il-lussu żejjed, il-laxkezza tal-kleru, ix-xiri u l-bejgħ ta’ benefiċċji ekkleżjastiċi. Pietru Damiani jibqa’ magħruf għall-kitbiet tiegħu, fosthom il-Liber Gomorrhianus, ippublikat fl-1051, li fih il-qaddis jikkundanna ’l-kleru li ma kienx qed jgħix il-vokazzjoni tiegħu, u l-Liber Gratissimus li jitkellem dwar il-validità tal-ordinazzjonijiet bis-simonija. (simonija = l-intenzjoni determinata li wieħed jixtri, jew ibigħ, ħwejjeġ sagri)

Għamel missjonijiet diplomatiċi li wħud minnhom kienu tassew diffiċli, għal seba’ Papiet, bħala Delegat tagħhom. Fl-aħħar, il-Papa Alessandru II, tah permess imur jgħix kif xtaq, fis-solitudni tal-monasteru ta’ Fonte Avellana. Iżda wkoll minn hemm għamilha ta’ Delegat tal-Papa f’missjonijiet tqal oħra. Darba fi triqtu lura minn Ravenna fejn kien mar b’Missjoni, marad sew u kellu jirtira fil-monasteru ta’ Santa Maria Vecchia f’Faenza, fejn miet fit-22 ta’ Frar 1072 meta kellu 65 sena.

Ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja mill-Papa Ljun XII, fl-1828.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com