Ktieb ġdid fuq il-Lectio Divina għal żmien ir-Randan minn Patri Martin Micallef


Mill-qari għall-għejxien tal-Kelma ta’ Alla: Lectio Divina għall-Evanġelju ta’ żmien ir-Randan, Sena A, huwa l-isem ta’ ktieb ġdid miktub minn Rev Dr Martin Micallef, u ppubblikat fis-serje Reliġjon u Ħajja Bibbja  22/315 (Malta: 2020). Il-ktieb li hu magħmul minn 178 paġna joffri Lectio Divina fuq is-silta ta’ l-Evanġelju tal-Ħdud tar-Randan, Sena A.

CaptureKull waħda minn dawn ir-riflessjonijiet hija maqsuma f’ħames partijiet skont l-iskema tradizzjonali tal-Lectio Divina, jiġifieri, Lectio, Meditatio, Oratio, Contemplatio u Operatio. L-awtur li hu mħarreġ sewwa fl-istudju tal-Kotba Mqaddsa, jagħtina espożiżżjoni profonda ta’ kull waħda mill-ħames siltiet tal-Evanġelju għal żmien ir-Randan, filwaqt li jipprovokana sabiex nidħlu aktar fil-fond tal-ħsieb tal-awtur sagru biex napprezzaw aktar is-sbuħija tat-testi bibliċi. Minbarra hekk, l-awtur igħina wkoll napplikaw is-silta tal-Evanħelju fil-ħajja ta’ kuljum, b’mod illi mill-qari nkunu nistgħu ngħaddu għall-għejxien tal-Kelma ta’ Alla. Il-ktieb għandu wkoll preżentazzjoni fuq il-metodu tal-Lectio Divina minn Rev. Dr Paul Sciberras.

Dan huwa ktieb li min għandu għal qalbu l-Kotba Mqaddsa m’għandux jitilfu. Żgur li l-ktieb ser iservi ta’ għajnuna kbira għal min ikun qed jipprepara l-Omelija tal-Ħdud ta’ żmien ir-Randan u għal dawk kollha li jridu jidħlu aktar fil-profondità tal-Liturġija ta’ dan iż-żmien qawwi liturġiku fil-ħajja tal-Knisja.

Il-ktieb jinbiegħ għall-prezz ta’ 7 ewro u huwa l-ewwel fis-serje ta’ kotba oħra li l-awtur ser ikompli jippubblika għar-Randan tas-sena B u C u għal żmien l-Avvent.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.